Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

It-Tassazzjoni u d-Dwana: Noffru r-riżultati lill-Istati Membri, iċ-ċittadini u n-negozji wara l-2014

Brussell, id-9 ta’ Novembru 2011 – Il-Politika tal-UE dwar id-Dwana u t-Tassazzjoni toffri kontribut sostanzjali biex kull sena jkun jista’ jinġabar id-dħul għall-baġits tal-UE u l-Istati Membri. Barra minn hekk, dawn il-politiki huma ta’ benefiċċju konsiderevoli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE, kemm permezz tal-imblukkar ta' importazzjonijiet mhux sikuri jew illegali, tal-faċilitazzjoni ta’ kummerċ bla skossi u suq intern b’saħħtu, jew billi jaqtgħu l-ispejjeż tal-konformità u l-burokrazjija għall-kumpaniji transkonfinali.

Sabiex issejjes fuq din il-ħidma u biex tkun mgħammra bis-sħiħ biex tilqa’ għall-isfidi tal-ġejjieni f’dawn l-oqsma, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta għall-programm FISCUS. Il-programm ser ikollu baġit ta’ EUR 777.6 miljun u ser idum 7 snin mill-1 ta' Jannar 2014.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Dan il-programm ġdid jirrifletti l-ambizzjonijiet tagħna għat-tassazzjoni u d-dwana fis-snin li ġejjin. Permezz tal-programm FISCUS, l-UE ser tkompli tipproteġi liċ-ċittadini, in-negozji u l-baġits tagħna, filwaqt li ttejjeb il-kapaċità tagħna biex tilqa’ għall-isfidi l-ġodda li għandna quddiemna."

Il-programm FISCUS ser isostni l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u t-taxxi u partijiet l-oħra, biex jgħin ħalli tkun immassimizzata l-effiċjenza tagħhom u jkunu evitati d-disparitajiet fil-ħidma tagħhom li tista’ xxekkel lis-Suq Intern. Il-programm jipprovdi wkoll il-possibiltà ta’ assistenza li tkun speċifika għall-pajjiż meta jinqalgħu sfidi partikolari. Il-programm ser jiffaċilita l-azzjonijiet konġunti u t-taħriġ fost il-persunal tat-taxxi u d-dwana, filwaqt li ser jiffinanzja sistemi ferm avvanzati tal-IT biex jgħinu fl-iżvilupp sħiħ ta’ amminstrazzjonijiet elettroniċi (e-administrations) fid-dwana u t-taxxa. Billi tkun tiddependi fuq l-iżvilupp konġunt tal-IT, kull ewro li jintefaq b’mod konġunt jista’ jiġġenera ffrankar ta’ mill-anqas erba’ darbiet aktar għall-Istati Membri.

L-għanijiet tal-programm FISCUS huma li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE u l-Istati Membri, jiffaċilita l-kummerċ, jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, itejjeb il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tad-dwana u t-taxxi, u jimplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE f’dawn l-oqsam. Wara li vvalutat l-isfidi għat-tliet snin li ġejjin, il-Kummissjoni tipproponi li tingħata attenzjoni partikolari anke lill-ġlieda kontra l-frodi, it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

Il-programm Fiscus ser jikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet aktar wiesa’ tal-UE billi jsaħħaħ is-Suq Intern u l-Unjoni Doganali, jippromwovi t-tkabbir u l-innovazzjoni billi jipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-fruntieri, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-Suq Intern diġitali.

Sfond

Il-programm FISCUS jgħaqqad fi programm wieħed, iż-żewġ programmi separati attwali għat-tassazzjoni u d-dwana, b’hekk jissodisfa l-miri tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-Kummissjoni mingħajr ma jikkomprometti l-attivitajiet f’dawn l-oqsma individwali.

Il-passi li jmiss

Dan l-abbozz ta’ Regolament issa ser jiġi diskuss mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jiġi adottat sal-aħħar tal-2012, sabiex il-programm il-ġdid ikun jista’ jibda fl-1 ta’ Jannar 2014.

In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-baġit kollu tal-UE se jkomplu fl-istess ħin. (MEMO/11/468)

Għal aktar tagħrif dwar il-programm FISCUS ara: MEMO/11/767

Għat-testi leġiżlattivi jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/cooperation_programmes/fiscus/index_en.htm

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_cooperation/fiscalis_programme/fiscus/index_en.htm

Kuntatt :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site