Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Communiqué de presse

Il-ftuħ tad-dinja għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju sabiex jissaħħaħ it-tkabbir fl-UE

Brussell, 09 ta’ Novembru 2011. L-intrapriżi Ewropej żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom japprofittaw iktar minn swieq ġodda li qed jikbru malajr, bħal fiċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja jew f'reġjuni bħall-Ażja ta' Lvant u l-Amerika Latina. Din hija l-kwistjoni prinċipali biex tingħeleb il-kriżi indirizzata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Negozju Żgħir, Dinja Kbira - sħubija ġdida biex tgħin lill-SMEs jaħtfu opportunitajiet globali ” ppreżentata illum. 13% biss tal-SMEs tal-UE huma attivi internazzjonalment barra l-UE permezz tal-kummerċ, l-investiment jew forom oħra ta’ kooperazzjoni ma' msieħba barranin. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex tistabbilixxi strateġija aktar koerenti u effettiva tal-UE biex jiġu appoġġjati l-SMEs fis-swieq internazzjonali. Din tista' tintlaħaq billi jissaħħu s-servizzi ta' appoġġ għan-negozji, u billi jittejbu l-koordinazzjoni u l-użu ta' riżorsi eżistenti inkluż in-Netwerk Ewropew dwar l-Intrapriżi. Għalhekk l-SMEs ikollhom aċċess aħjar għal aktar informazzjoni rilevanti u għajnuna fl-isforzi tagħhom biex jippenetraw swieq ġodda u jfittxu l-imsieħba lokali xierqa. .

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Swieq ewlenin mhux tal-UE b’rati ta' tkabbir qawwijin jirrappreżentaw opportunitajiet sinifikanti għall-intrapriżi żgħar tal-UE. L-SMEs huma s-saħħa ekonomika ewlenija tal-Ewropa. Sabiex jiġu megħjuna jisfruttaw aħjar il-potenzjal tagħhom fix-xena globali, huwa ċar li għandha tkun prijorità ċara li titkabbar l-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi."

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/market-access/internationalisation/index_en.htm

Sfond

L-SMEs jiffaċċjaw ostakli partikolari biex jisfruttaw is-suq globali, mhux l-inqas fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni tas-suq, biex jinstabu klijenti possibbli u biex jinstabu l-imsieħba xierqa. Jiffaċċjaw ukoll kwistjonijiet aktar kumplessi bħall-konformità mal-liġijiet barranin, pereżempju r-regoli mandatorji tad-dritt kuntrattwali, ir-regoli doganali, ir-regolamenti u l-istandards tekniċi, il-ġestjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew industrijali. Meta jiġu biex jitrattaw dawn l-isfidi l-SMEs huma normalment anqas attrezzati f'dak li għandu x'jaqsam ma' għarfien espert intern u riżorsi finanzjarji jew umani minn intrapriżi akbar.

It-23 miljun SMEs tal-Ewropa jirrappreżentaw żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat u madwar 80 % ta’ impjiegi ġodda matul l-aħħar ħames snin inħalqu mill-SMEs. Setturi bħal makkinarju u tagħmir jew kimiċi fil-Brażil jew enerġija fl-Indja diġà ppermettew lill-kumpaniji tal-UE biex jiksbu riżultati sinifikanti, u jistgħu jingħataw ħafna aktar eżempji. Biex titwetta t-triq għan-negozji, l-Ewropa għandha bżonn tagħti spinta lill-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom u tipprovdi l-appoġġ neċessarju lill-SMEs meta jsiru entitajiet internazzjonali.

L-istrateġija l-ġdida tal-UE tistabbilixxi l-azzjonijiet li ġejjin:

  • It-tisħiħ tal-provvista eżistenti ta' servizzi ta' appoġġ fis-swieq ta' prijorità;

  • It-titjib tal-istruttura ta' governanza tan-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi biex jippermetti kollaborazzjoni aħjar mal-organizzazzjonijiet li jospitaw u l-partijiet interessati;

  • Li l-iskemi ta' appoġġ fil-livell tal-UE jsiru aktar konsistenti biex jiżdied l-impatt tagħhom; bħalissa hemm iktar minn 300 programm ta' appoġġ fil-livell nazzjonali, li ħafna drabi jiffukaw fuq reġjun wieħed ta' tkabbir filwaqt li matul dan iż-żmien ikunu spuntaw reġjuni ta' tkabbir ġodda.

  • Il-promozzjoni ta’ clusters u netwerks fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

  • Il-ġestjoni tal-kollaborazzjoni pan-Ewropea fi swieq ta' prijorità biex jiġu sfruttati bl-aħjar mod il-fondi pubbliċi li jkunu ntefqu;

  • Il-ħolqien ta' portal uniku virtwali għall-informazzjoni għall-SMEs li jixtiequ jagħmlu n-negozju lil hinn mill-fruntieri tal-UE;

  • Il-lieva ta' politiki tal-UE eżistenti biex jiġi aċċellerat it-tkabbir internazzjonali tal-SMEs Ewropej.

Sforzi futuri għandhom jiffokaw fuq kif dawk li jipprovdu servizz eżistenti jistgħu jikkollaboraw b' mod aktar effettiv, ħafna drabi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali, u kif jistgħu jiġu pprovduti inċentivi sabiex dan iseħħ. Il-mapping komprensiv tal-provvista Ewropea ta' servizzi ta' appoġġ se jistabbilixxi s-sisien għal dan il-proċess. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-SMEs interessati rilevanti, fi sħubija, se jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija u għandhom jaderixxu mal-prijoritajiet u l-prinċipji ta' gwida stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni meta jikkunsidraw attivitajiet ġodda b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, kemm fit-terminu qasir kif ukoll fit-tul.

L-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw approċċ simili u jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni fit-tisħiħ tal-ambjent ta’ appoġġ għat-tkabbir internazzjonali għall-SMEs Ewropej.

Ara wkoll MEMO/11/765

Kuntatti :

Carlo Corazza +32 2 295 17 52


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website