Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Baġit tal-UE 2014-2020: Il-Kummissjoni tiżvela Programmi ġodda u ambizzjużi dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi

Brussell, id-9 ta' Novembru 2011 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti għall-Programmi ġodda dwar is-Saħħa għat-Tkabbir u l-Konsumaturi. Iż-żewġ programmi għandhom l-għan jkattru Ewropa ta' ċittadini b'saħħithom, attivi, infurmati u b'setgħa, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.

Dawn il-programmi ġodda se jitwettqu mill-2014 sal-2020 b'baġit ta' EUR 446 miljun għall-Programm dwar is-Saħħa għat-Tkabbir u EUR 197 miljun għall-Programm dwar il-Konsumaturi. Se jiffokaw fuq inqas azzjonijiet konkreti li joffru valur miżjud tal-UE ċar.

Il-Programm dwar is-Saħħa għat-Tkabbir għandu l-għan li jappoġġa u jikkumplimenta l-ħidma tal-Istati Membri biex jinkisbu l-erba' għanijiet li ġejjin:

  • L-iżvilupp ta' sistemi tas-saħħa innovattivi u sostenibbli;

  • Iż-żieda tal-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini;

  • Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard; kif ukoll

  • Il-protezzjoni taċ-ċittadini mit-theddid transkonfinali għas-saħħa.

Il-Programm dwar il-Konsumaturi se jappoġġa l-politika tal-UE dwar il-konsumaturi fis-snin li ġejjin. L-għan tiegħu huwa li l-konsumaturi jitqiegħdu fiċ-ċentru tas-Suq Uniku u tingħatalhom is-setgħa li jieħdu sehem b'mod attiv fis-suq li jkun jista' jaħdem għalihom, b'mod partikolari billi:

  • Tiżdied is-sikurezza tal-prodotti permezz ta' sorveljanza effettiva tas-suq;

  • Jitjiebu l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumaturi kif ukoll l-għarfien tad-drittijiet tagħhom;

  • Jiġu konsolidati d-drittijiet tal-konsumaturi u tissaħħaħ is-sejba effettiva ta' rimedju, speċjalment permezz tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim;

  • Jissaħħaħ l-infurzar transkonfinali tad-drittijiet.

Bit-tħabbir tal-programmi dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi, il-Kummissarju Dalli qal, "Dawn iż-żewġ programmi huma dwar in-nies; dwar it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet sabiex in-nies ikunu jistgħu jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jkollhom rwol ewlieni fis-soċjetà u fl-ekonomija. Huwa tajjeb għalihom li n-nies jinżammu b'saħħithom u attivi għal żmien itwal u huwa tajjeb ukoll għall-impjiegi u għat-tkabbir. Meta l-konsumaturi jkollhom il-fiduċja u s-setgħa, is-swieq jistagħnew. Konvint li ż-żewġ programmi se jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti għall-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 – biex jinħoloq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv sal-aħħar ta' dawn l-għaxar snin."

X'IRIDU JIKSBU L-PROGRAMMI

Il-Programm dwar is-Saħħa

Dan il-programm għandu l-għan li jibni fuq il-Programmi dwar is-Saħħa preċedenti biex jappoġġa u jaġixxi biex ijħeġġeġ l-użu tal-innovazzjoni fis-saħħa, jiżviluppa kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura, jippromwovi s-saħħa u inqas mard, u jipproteġi ċ-ċittadini mit-theddid transkonfinali għas-saħħa.

Eżempji li fuqhom se jinbnew azzjonijiet oħra:

  • Kooperazzjoni fuq il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa Health technology assessment - HTA), netwerk volontarju madwar l-UE kollha tal-aġenziji tal-HTA tal-Istati Membri biex tinqasam l-informazzjoni dwar l-effikaċja tat-teknoloġiji tas-saħħa bħall-mediċini, il-mezzi mediċi, u l-miżuri preventivi, biex jiġi appoġġat it-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar it-teknoloġija;

  • Kooperazzjoni fuq il-mard rari fuq livell Ewropew għat-titjib tal-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament għall-pazjenti b'mard rari madwar l-UE kollha, inkluż il-portal tal-UE għall-mard rari (www.orpha.net), il-bażi ta' dejta ta' referenza dinji dwar il-mard rari;

  • Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, permezz ta' linji gwida dwar l-ittestjar fl-UE kollha biex titjieb l-iskoperta bikrija sabiex il-marda tkun tista' tiġi dijanjositikata fi stadju bikri u tkun tista' tiġi evitata l-mewt ta' ħafna nies; u permezz tal-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prassi dwar il-prevenzjoni, ir-riċerka u l-kura tal-kanċer.

Il-Programm dwar il-Konsumaturi

Dan il-programm għandu l-għan li jibni fuq il-programm preċedenti billi jiffoka l-azzjoni fuq l-għotja tas-setgħa lill-konsumaturi permezz ta' azzjonijiet għas-sigurtà, l-informazzjoni u l-edukazzjoni, id-drittijiet u s-sejba ta' rimedju u l-infurzar. L-azzjonijiet se jiffokaw fuq:

  • Il-monitoraġġ u l-infurzar tas-sikurezza permezz ta' sistemi madwar l-UE kollha bħal pereżempju r-RAPEX, is-sistema tal-UE rapida ta' twissija għall-prodotti tal-konsumaturi perikolużi.

  • Inizjattivi tal-informazzjoni u l-edukazzjoni sabiex il-konsumaturi, b'mod partikolari l-konsumaturi żgħażagħ ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom. Dan jinkludi wkoll l-iżvilupp kontinwu tal-bażi ta' evidenza għat-tfassil aħjar tal-politiki fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-konsumaturi, pereżempju permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur li tindika s-swieq li naqsu lill-konsumaturi fl-Ewropa;

  • It-tfassil ta' leġiżlazzjoni bl-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi, pereżempju d-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi li tiżgura li l-konsumaturi madwar l-Ewropa kollha jkollhom sett ta' drittijiet ewlenin komuni, inkluż id-dritt li jirċievu informazzjoni ċara u li tista' tiġi pparagunata qabel ma jieħdu impenn finanzjarju; u s-sejba ta' rimedju, fejn ikun sar xogħol tajjeb ta' tħejjija, b'mod partikolari, fuq is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim;

  • Azzjoni ta' infurzar permezz tal-Operazzjonijiet "Sweeps", li huma kkoordinati mill-Kummissjoni Ewropea u mwettqa simultanjament mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar għall-konsumaturi biex jaraw fejn qed jiġu kompromessi jew miċħuda d-drittijiet tal-konsumaturi;

Sfond

Dawn il-programmi ġodda tal-UE jibnu fuq il-Programmi dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi kontinwi, li jipprovdu opportunitajiet prezzjużi biex l-Istati Membri jinvestu fis-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-programmi attwali se jibqgħu għaddejjin sal-aħħar tal-2013.

Il-Programmi ġodda dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi huma parti mill-prijoritajiet finanzjarji tal-UE għall-2014-2010 (il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE), li tħabbar mill-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju.

Proċedura/Xi jmiss?

Dawn il-proposti issa se jiġu diskussi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri, bil-ħsieb li jiġu adottati qabel tmiem l-2013, biex ikunu jistgħu jibdew programmi ġodda dwar is-saħħa u l-konsumaturi fl-2014.

In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-baġit kollu tal-UE se jkomplu fl-istess ħin.

Għal aktar informazzjoni:

Għal informazzjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 jekk jogħġbok ara:

http://europa.eu/press_room/press_packs/multiannual_financial_framework_2014_2020/index_en.htm

Għal informazzjoni dwar il-Programm dwar is-Saħħa 2008-2013 "Together for Health"

http://ec.europa.eu/health/programme/policy/index_mt.htm

Għal informazzjoni dwar il-Programm dwar il-Konsumaturi 2008-2013:

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/programmes_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju John Dalli:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/dalli/index_en.htm

Ara wkoll: MEMO/11/764

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site