Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħti EUR 600,000 għal Ċentru ġdid għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja

Brussell, is-7 ta’ Novembru 2011. Il-Kummissjoni Ewropea qed twaqqaf Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja f'Firenze b'għotja ta' EUR 600,000 liċ-Ċentru Robert Schuman għall-Istudji Avvanzati tal-Istitut Universitarju Ewropew (EUI). Minn Diċembru 2011, u taħt it-tmexxija tal-Professur Pier Luigi Parcu, iċ-Ċentru se jiżviluppa ideat ġodda dwar kif tista' tiġi żgurata midja b'diversità għolja u libera, u se taħdem biex issaħħaħ il-kwalità tar-riflessjoni dwar il-pluraliżmu tal-midja fl-Ewropa.

Hekk kif ħabbret iċ-ċentru ġdid, Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Il-libertà tal-espressjoni tiddependi parzjalment fuq midja diversa u libera. Iċ-ċentru ġdid għandu ħidma importanti xi jwettaq hekk kif jiżviluppa u jittestja ideat ġodda dwar il-pluraliżmu u l-libertà tal-midja li jistgħu jarrikkixxu d-dibattitu pubbliku u l-politika pubblika".

Iċ-Ċentru se jwettaq erba' attivitajiet speċifiċi: riċerka teoretika u applikata (sensiela ta' dokumenti ta' ħidma, studji ta' politika, osservatorju dwar il-pluraliżmu tal-midja), dibattiti, attivitajiet edukattivi u ta' taħriġ (seminars akkademiċi, skolasajf) u tixrid ta' riżultati u eżiti.

L-EUI ġie magħżul biex jospita ċ-ċentru minħabba l-esperjenza twila tal-Istitut fil-qasam tal-governanza Ewropea.

Din l-inizjattiva hija pass ulterjuri fl-impenn dejjem għaddej tal-Kummissjoni li ttejjeb il-protezzjoni tal-pluraliżmu fil-midja u l-libertà tal-midja fl-Ewropa u biex tistabbilixxi jekk hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri fuq livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali. Dan l-aħħar stabbilixxiet grupp ta' livell għoli dwar dan is-suġġett, ippresedut minn Dr. Vaira Vike Freiberga (ara (IP/11/1173). Il-Kummissjoni qiegħda wkoll fil-proċess li tistabbilixxi grupp b'bosta partijiet interessati fil-futur tal-midja li se jsir operattiv fil-futur qarib.

Sfond

Id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tistabbilixxi li l-libertà u l-pluraliżmu fil-midja għandhom jiġu rispettati. Dawn jikkostitwixxu l-pedament għal kull soċjetà libera u demokratika u huma essenzjali għall-valuri demokratiċi u tas-soċjetà sottostanti tal-UE. L-eżerċitar effettiv ta' dawn id-drittijiet jista’ jkun affettwat b'mod detrimentali kemm minn atturi tal-gvern kif ukoll privati u jibqa' sors ta' tħassib.

Huwa importanti wkoll li jiġi nnutat li żviluppi fit-teknoloġi tal-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tad-distribuzzjoni u fl-ostakli għad-dħul ta' sorsi ġodda tal-midja, ħolqu wkoll tħassib, fost dawk li jfasslu l-politika, fir-rigward tad-diversità tal-midja, pereżempju billi jisfidaw il-mudell kummerċjali stabbilit tal-karta stampata.

Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Parlament Ewropew ħadu interess attiv fil-ħarsien tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Fl-2011, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kemm –il darba biex tiżgura kompatibbiltà bejn il-liġi nazzjonali u dik tal-UE. B'mod partikolari, f'Jannar 2011, il-Viċi President Kroes indirizzat uħud mill-aktar kwistjonijiet pertinenti fir-rigward tal-Liġi Ungeriża dwar il-Midja u l-kompatibbiltà ġenerali tagħha mal-liġi tal-UE u, b'mod partikolari, mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jbiddel il-liġi Ungeriża dwar il-Midja fir-rigward ta' erba' punti i) l-obbligu ta' kopertura bilanċjata, ii) il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini, iii) rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u iv) kontenut offensiv. L-emendi miftiehma kienu adottati mill-Gvern Ungeriż fis-7 ta' Marzu 2011.

Il-finanzjament taċ-Ċentru ttieħed mill-fondi li inizjalment kienu allokati għall-programm "Erasmus għall-Ġurnalisti" propost mis-Sinjur Paul Rübig MPE .

Ħoloq utli

Ċentru Robert Schuman għall-Istudji Avvanzati:

http://www.eui.eu/DepartmentsAndCentres/RobertSchumanCentre/Index.aspx

URL ewlieni għall-Istitut Universitarju Ewropew:

http://www.eui.eu/Home.aspx

Studju ta' fattibbiltà dwar il-programm "Erasmus għall-Ġurnalisti"

http://ec.europa.eu/information_society/media_taskforce/mobility/index_en.htm

Task Force tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Midja:

http://ec.europa.eu/information_society/media_taskforce/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/digital-agenda

Il-websajt ta’ Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti :

Heath Ryan (+32 2 296 17 16)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website