Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Diġitali: proġett rebbieħ iffinanzjat mill-UE jista' jwassal għal konnessjonijiet tal-broadband aktar b'saħħithom

Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2011. Proġett iffinanzjat mill-UE li żviluppa soluzzjoni fit-tul għall-konġestjoni tat-traffiku tal-Internet għadu kif irċieva premju fil-Ġimgħa tal-Internet tal-Futur f'Poznan, fil-Polonja. Il-proġett TRILOGY irċieva l-Premju Internet tal-Futur għall-kontibut eċċezzjonali tiegħu lill-arkitettura u l-protokolli tal-Internet, li jista' jgħin sabiex jiġu pprovduti konnessjonijiet aktar veloċi u affidabbli lill-Ewropej.

Il-proġett ta' tliet snin, b'valur ta' EUR 9.2 miljun u li tlesta f'Marzu 2011, ġabar flimkien riċerkaturi u kumpaniji mill-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti sabiex jinstabu metodi ta' ġestjoni tat-traffiku biex tiġi minimizzata l-konġestjoni f'punti marsusa fin-netwerk u b'hekk, twassal għal konnessjonijiet ta' kwalità aħjar għall-utenti tal-Internet. L-UE kkontribwiet EUR 5.9 miljun lill-finanzjament tar-riċerka fl-ICT.

B'mod speċifiku, TRILOGY żviluppa Protokoll ta' Kontroll tat-Trażmissjoni minn Linji Multipli (Multi-Path Transmission Control Protocol - MPTCP), estensjoni għat-TCP standard tal-Internet li jippermetti lid-dejta tiġi trażmessa minn nodu għall-ieħor tan-netwerk permezz ta' linji tan-netwerk multipli fl-istess ħin, algoritmu sabiex ir-routing tal-linji multipli jisfruttaw il-multi-homing f'punti aħħarin u estensjonijiet ta' "esponiment tal-konġestjoni" għall-Protokoll tal-Internet (IP) sabiex tiġi monitorjata l-konġestjoni tal-Internet. Flimkien, dawn se jwasslu għal internet aktar reżiljenti, flessibbli u kosteffikaċi.

Il-premju jirrikonoxxi l-isforzi Ewropej ta' riċerka fl-iżvilupp tal-Internet tal-futur, fil-kuntest ta' traffiku dejjem jiżdied li qed isib netwerks tal-broadband mgħobbijin iżżejjed b'applikazzjonijiet ġodda u domandi ta' streaming ta' filmati.

Ir-riżultati tal-proġett TRILOGY diġà qed jiġu implimentati mill-industrija tal-ICT u integrati f'sistemi operattivi ta' sors miftuħ u oħrajn kummerċjalment disponibbli sabiex jiġi żgurat li l-konnessjonijiet tal-Internet isiru aktar reżiljenti u flessibbli għall-utenti kollha.

L-użu ta' finanzjament mis-7 Programm Kwadru għar-Riċerka u Żvilupp (FP7) sabiex jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi tal-ICT li jgħinu liċ-ċittadini u n-negozji tal-UE huwa prijorità tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Sfond

It-traffiku tal-internet laħaq livelli bla preċedent. Pereżempju, YouTube waħdu jżuruh mat-3 biljun ruħ kuljum u fl-2011, kull minuta, ittellgħu vidjows li flimkien huma twal jumejn. Id-domanda wasslet ukoll għal tnaqqis fid-disponibbiltà tal-medda ta' frekwenza u xi drabi ħolqot dubji dwar is-saħħa tad-disinn tal-Internet kollu kemm hu.

Il-Proġett TRILOGY żviluppa tliet blokki ġodda ta' arkitettura sabiex tiġi mgħejjuna l-ġestijoni tal-konġestjoni tat-traffiku tal-Internet.

Il-Protokoll ta' Kontroll tat-Trażmissjoni minn Linji Multipli (MPTCP) jittrasmetti dejta bejn żewġ nodi tan-netwerk tul linji multipli fl-istess ħin, sabiex ikun hemm raggruppament tal-kapaċità u l-affidabbiltà tal-linji tan-netwerk u jibbenefika mill-multi-homing f'punti aħħarin - pereżempju strument mobbli b'bosta interfaċċji mingħajr wajers. Verżjoni sors miftuħ ta' dan il-protokoll hija disponnibli għas-sistema operattiva Linux, li ġiet ittestjata u ttrasferita fuq strumenti Android u Nokia. Fl-istess waqt, il-kumpanija tal-ICT Oracle qed timplimenta l-MPTCP għas-sistema operattiva tagħha Solaris.

Routing ta' linji multipli: TRILOGY żviluppa algoritmu għal routing ta' linji multipli li jippermetti lir-routers tal-Internet jagħżlu linji multipli għal destinazzjoni partikolari, meta mqabbel ma' rotta unika skont l-approċċ attwali. Għaldaqstant, it-traffiku huwa mifrux fuq linji multipli, li jissarraf f'konnessjonijiet tan-netwerk aktar reżiljenti f'każ li tfalli linja waħda jew titgħabba żżejjed, kif ukoll użu kumplessiv aħjar tan-netwerk.

Esponiment ta' Konġestjoni (CONEX) jippermetti lil strumenti IP li jimmonitorjaw u jaqsmu fin-netwerk informazzjoni ddettaljata ħafna dwar il-konġestjoni. Sa issa, dan kien possibbli biss għal punti aħħarin tan-netwerk. B'riżultat ta' dan, utent jew netwerk jista' jinżamm responsabbli għall-impatt tiegħu fuq utenti oħra. Dan jinkoraġġixxi wkoll investiment f'kapaċità ġdida.

Il-premju ġie mħabbar fis-sessjoni tal-għeluq tal-Assemblea tal-Internet tal-Futur (FIA), li kienet parti mill-Ġimgħa tal-Internet tal-Futur (24-28 ta' Ottubru) li saret f'Poznan, fil-Polonja. L-Assemblea, li tiġi organizzata kull sentejn mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-UE, tiġbor flimkien proġetti Ewropej li jaħdmu fil-qasam tal-Internet tal-Futur u tipprovdi pjattaforma ta' diskussjoni dwar l-aħħar riżultati u żviluppi tar-riċerka.

Il-Premji għall-Internet tal-Futur jippromwovu l-aqwa inizjattivi tal-Internet nazzjonali u reġjonali Ewropej. B'finanzjament mis-7 Programm Kwadru għar-Riċerka u Żvilupp, tal-Kummissjoni Ewropea, TRILOGY huwa eżempju ewlieni tar-riċerka Ewropea fin-netwerks tal-futur.

Sħab fil-proġett

BT Plc 

Deutsche Telekom AG

NEC Europe Ltd.

Nokia Oyj

Roke Manor Research Limited

Athens University of Economics and Business – Research Center

Universidad Carlos III de Madrid

University College London

Université catholique de Louvain

EURESCOM – European Institute for Research and Strategic Studies in Telecommunications GmbH

Stanford University

Links utli:

http://www.trilogy-project.org/

Premju għall-Internet tal-Futur: http://www.cefims.eu/fiaward/

Assemblea tal-Internet tal-Futur:

http://www.event.fi-poznan.eu/fia/page/1377/Agenda_details.html?view=program&conference=36

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Il-websajt ta’ Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar