Navigation path

Left navigation

Additional tools

GMOs: Ir-rapporti ta' evalwazzjoni jikkonkludu li l-leġiżlazzjoni tal-UE qiegħda fit-triq it-tajba

European Commission - IP/11/1285   28/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

GMOs: Ir-rapporti ta' evalwazzjoni jikkonkludu li l-leġiżlazzjoni tal-UE qiegħda fit-triq it-tajba

Brusseli, it-28 ta' Ottubru 2011 – Żewġ rapporti indipendenti li jevalwaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Organiżmi Modifikati Ġenetikament (il-GMOs) jikkonkludu li hemm ħafna appoġġ għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni u juru li l-inizjattivi leġiżlattivi reċenti tal-Kummissjoni mexjin fit-triq it-tajba.

Id-dokumenti, li ġew ippubblikati llum, jinnutaw ukoll li huwa meħtieġ li jsiru xi aġġustamenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni - il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent u l-ħolqien ta' suq intern - u biex ikun assigurat li l-leġiżlazzjoni tiġi implimentata sewwa.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli qal: "Dawn ir-rapporti jikkonfermaw li l-problemi tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-GMOs mhux ġejjin mid-disinn jew l-għanijiet tagħha, li għadhom rilevanti, iżda pjuttost mill-mod kif dawn il-kwistjonijiet sensittivi jiġu indirizzati fuq livell politiku. Huwa għalhekk li s-soluzzjonijiet immirati, bħalma hija l-proposta tagħna tal-kultivazzjoni tal-GMOs, huma daqshekk importanti, għax din il-proposta partikolari tindirizza ħtieġa politika speċifika ħafna, filwaqt li tinżamm is-sistema ġenerali ta' awtorizzazzjoni rigoruża tal-UE."

Bħala konklużjoni: "Ir-rapporti jindikaw li implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-GMOs u miżuri mfassla bir-reqqa li jindirizzaw ċerti kwistjonijiet huma l-aħjar mod kif wieħed jista' jimxi 'l quddiem. Inserraħ moħħi meta nara li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti li tfasslu bejn l-2009 u l-2010, diġà ġew ittrattati matul is-sena l-oħra."

Ir-rapporti

Iż-żewġ rapporti saru minn konsulenti indipendenti f'isem il-Kummissjoni1. L-ewwel wieħed, dokument ta' 238 paġna, jevalwa l-qafas leġiżlattiv tal-UE fil-qasam tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament. It-tieni wieħed, dokument ta' 137 paġna, jiffoka fuq il-qafas leġiżlattiv fil-qasam tal-kultivazzjoni tal-GMOs. L-għan ewlieni tal-eżerċizzju kien il-ġabra ta' fatti u opinjonijiet, b'mod partikolari mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti. L-evalwazzjonijiet ivvalutaw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proċess leġiżlattiv u fasslu għażliet għat-titjib u l-aġġustament tas-sistema.

Il-Kummissjoni, wara t-tlestija taż-żewġ dokumenti, għamlet l-analiżi tal-politika interna meħtieġa fuq is-sejbiet tagħhom. Dan il-proċess għadu kif tlesta, u għalhekk il-Kummissjoni llum qed tipproċedi bil-pubblikazzjoni tagħhom.

Is-sejbiet ewlenin

Iż-żewġ rapporti jirreġistraw appoġġ kbir, kemm mill-partijiet interessati kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti, għall-għanijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni, bħal pereżempju l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent u l-ħolqien ta' suq intern, billi dawn l-għanijiet huma konsistenti mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. Madankollu, hemm lok għal titjib ulterjuri, skont ir-rapporti.

Pereżempju, ir-rapporti jinnutaw li s-sistema ta' awtorizzazzjoni tista' tkun aktar effiċjenti, il-kultivazzjoni tal-GMOs tkun tista' tibbenefika minn aktar flessibbiltà u l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji minn aktar armonizzazzjoni. L-aħbar it-tajba hija li jeħtieġu biss bidliet limitati biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi u mhux bidla ġenerali tas-sistema.

Fit-triq it-tajba jew diġà twettaq dak li kien meħtieġ

Ir-rapporti ta' evalwazzjoni jikkonfermaw li bosta azzjonijiet li niedet il-Kummissjoni Ewropea f'dawn l-aħħar xhur qegħdin fit-triq it-tajba.

L-ewwel nett, il-pakkett tal-Kummissjoni dwar il-kultivazzjoni tal-GMOs li ġie adottat f'Lulju 2010, u li jittratta l-ħtieġa għal aktar flessibbiltà fil-kultivazzjoni tal-GMOs, huwa identifikat bħala tali azzjoni. Il-pakkett jinkludi rakkomandazzjoni dwar il-koeżistenza ta' pjanti modifikati ġenetikament u mhux modifikati ġenetikament li tippermetti aktar flessibbiltà għall-Istati Membri biex iqisu l-kundizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali meta jħejju l-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom. Il-proposta ewlenija, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill u fil-Parlament, qed tippermetti lill-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-GMOs fit-territorju tagħhom.

L-approċċ aktar flessibbli fuq il-kultivazzjoni modifikata ġenetikament iżomm is-sistema stretta ta' awtorizzazzjoni diġà stabbilita fl-UE kollha, li hija bbażata fuq ix-xjenza, is-sikurezza u l-għażla tal-konsumatur, kif jinnota r-rapport rilevanti filwaqt li jżid li s-sistema tista' tkun aktar effiċjenti.

It-tieni nett, il-Kummissjoni għamlet progress ukoll fuq l-indirizzar tal-problema teknika ta' preżenza ta' livell baxx (low level presence - LLP) ta' GMOs mhux awtorizzati fil-prodotti importati tal-għalf. Regolament ta' armonizzazzjoni li jindirizza l-LLP fl-importazzjonijiet tal-għalf daħal fis-seħħ f'Lulju u ntlaqa' tajjeb mill-Istati Membri u l-operaturi tan-negozju.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ppubblikat f'April 2011 rapport dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-għelejjel modifikati ġenetikament fuq il-kontributi mill-Istati Membri kif rikjest mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-2008. Il-Kummissjoni kompliet billi niedet proċess fit-18 ta' Ottubru 2011 biex jgħin lill-Istati Membri fil-ġabra u l-qsim tal-informazzjoni.

X'qed jitħejja

Barra minn hekk, fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni se tipproponi rekwiżiti aktar preċiżi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-prodotti importati għall-użu fl-ikel u fl-għalf.

Qed tirrevedi wkoll il-linji gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskji ambjentali sabiex tagħmilhom aktar dettaljati u preċiżi u diġà qed tiddiskutihom mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Id-dokument finali se jkollu status legali u se jiġi approvat mill-Istati Membri. Dan huwa pass importanti lejn implimentazzjoni aħjar tar-rekwiżiti stretti għall-valutazzjoni tar-riskji ambjentali tal-leġiżlazzjoni tal-GMOs.

Aspett prijoritarju ieħor huwa l-infurzar tal-monitoraġġ tal-effetti ambjentali mill-kumpaniji u l-Istati Membri. L-EFSA u l-esperti tal-Istati Membri qed jikkollaboraw mill-qrib mal-Kummissjoni sabiex ikollhom linji gwida aktar dettaljati.

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok żur is-sit ta' hawn taħt:

http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/index_en.htm

MEMO/11/742

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

L-evalwazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE fil-qasam tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament saret minn Agra CEAS Consulting u l-Konsorzju Ewropew għall-Evalwazzjoni tal-Politika (European Policy Evaluation Consortium - EPEC) għamel l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kultivazzjoni tal-GMOs.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website