Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tersaq lejn protezzjoni aktar qawwija għall-Mediterran mill-attivitajiet lil hinn mill-kosta

Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2011 - Illum il-Kummissjoni Ewropea għamlet pass importanti lejn protezzjoni aħjar għall-Baħar Mediterran, bi proposta li l-UE tissieħeb mal-Protokoll tal-Konvenzjoni ta' Barċellona li jipproteġi l-Mediterran mit-tniġġis tal-attivitajiet ta' esplorazzjoni u sfruttar li jitwettqu lil hinn mill-kosta. Dawn l-attivitajiet qed jiżdiedu fil-Mediterran, u ż-żona hija partikolarment vulnerabbli minħabba l-konfigurazzjoni nofsha magħluqa u l-attività sismika sinifikanti tagħha.

Il-“Protokoll Offshore” jirrikjedi għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfati qabel ma jingħata l-permess biex jibdew l-attivitajiet. B’mod partikolari, il-bini ta' pjattaformi u tagħmir irid jirrispetta standards u prassi internazzjonali, u l-operaturi jridu jagħtu prova li għandhom il-kompetenza teknika u l-kapaċità finanzjarja biex iwettqu l-attivitajiet. Mhux se tingħata awtorizzazzjoni jekk ikun hemm il-possibbiltà li l-attivitajiet jikkawżaw effetti sinifikanti ħżiena għall-ambjent. Is-sit tal-pjattaformi u t-tagħmir għandu jiżgura wkoll li jiġi evitat li ssir ħsara lill-pipelines u l-kejbils eżistenti. Il-Protokoll jipprovdi wkoll għar-rekwiżiti ta’ responsabbiltà u l-kumpens.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Din il-proposta tikkumplimenta l-proposta leġiżlattiva għas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta. Se tippermettilna naħdmu id f’id mal-imsieħba Mediterranji tagħna li mhumiex fl-Unjoni Ewropea u b'hekk niżguraw protezzjoni aħjar għal dan il-baħar għall-utenti kollha tiegħu. "

X’aktarx li r-ratifika tal-UE tal-Protokoll tistimula r-ratifika minn Partijiet oħra għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u dan għandu jwassal sabiex l-ilmijiet tal-Baħar Mediterran ikunu aktar qrib għal status ambjentali tajjeb, li huwa l-għan aħħari tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina tal-UE. Se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mal-imsieħba tal-Mediterran.

L-Unjoni Ewropea hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u r-reġjun kostali tal-Mediterran, kif inhuma wkoll l-Italja, il-Greċja, Spanja, Franza, is-Slovenja, Malta u Ċipru flimkien ma’ 14-il pajjiż Mediterranju ieħor li mhumiex Stati Membri tal-UE. Il-“Protokoll Offshore” għandu l-għan li jikkomplementa l-Konvenzjoni ta’ Barċellona fir-rigward tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttar. Ikopri medda wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttar u jittratta r-rekwiżiti tal-permessi, it-tneħħija ta’ stallazzjonijiet abbandunati u mhux użati, l-użu u t-tneħħija ta' sustanzi ta' ħsara, u s-sikurezza, l-ippjanar ta' kontinġenza u l-monitoraġġ.

L-isfond

Wara l-inċident tat-tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni dwar is-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta f’Ottubru 2010 li identifikat il-kooperazzjoni internazzjonali bħala wieħed mill-mezzi biex jiġu promossi s-sikurezza lil hinn mill-kosta u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni. Ir-ratifika tal-“Protokoll Offshore” mill-UE u r-Regolament dwar is-sikurezza lil hinn mill-kosta fl-UE, li huwa propost b’mod parallel (ara IP/11/1260 u MEMO/11/740), huma miżuri ewlenin biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar u kostali tal-Mediterran mill-konsegwenzi negattivi possibbli tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttar lil hinn mill-kosta.

Il-Mediterran jilqa’ fih 8 % tal-ispeċijiet tal-baħar magħrufa f'0.8 % tas-superfiċje globali tal-baħar u l-effetti ta' tixrid taż-żejt jistgħu jkunu diretti, ħorox u irriversibbli fuq l-ekosistemi fraġli tal-baħar u kostali u fuq l-ekonomija Mediterranja.

Ara wkoll:

Għal aktar informazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-proposta ara:

http://ec.europa.eu/environment/water/marine/barcelona.htm

Għal aktar informazzjoni dwar il-politiki tal-UE dwar il-ibħra ara:

http://ec.europa.eu/environment/water/marine/directive_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website