Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-enerġija: Il-Kummissjoni tistabbilixxi standards ta' sikurezza ġodda għall-operazzjonijiet lil hinn mill-kosta li jinvolvu ż-żejt u l-gass

Brussell, is-27 ta' Ottubru. Il-probabbiltà ta' aċċident kbir lil hinn mill-kosta fl-ilmijiet Ewropej għadha għolja b'mod inaċċettabbli. Permezz ta' sistema ta' sikurezza stretta, huwa possibbli li r-riskju ta' tali aċċident jitnaqqas għall-minimu assolut. Il-ħsara li ssir lill-ekonomiji ambjentali u kostali tista' titnaqqas b'mod sinifikanti jekk ikun stabbilit minn qabel pjan effettiv ta' reazzjoni f'emerġenza. Din hija r-raġuni għalfejn illum il-Kummissjoni pproponiet liġi ġdida li se tiżgura li l-produzzjoni Ewropea taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta tkun tirrispetta l-ogħla standards dinjija tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-ambjent f'kull parti tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: "Illum, il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni taż-żejt u l-gass fl-Ewropa ssir fil-baħar, ħafna drabi f'kundizzjonijiet ġeografiċi u ġeoloġiċi diffiċli ħafna. Minħabba domanda għall-enerġija dejjem akbar min-naħa tagħna, se jkollna bżonn iż-żejt u l-gass kollu minn qiegħ l-ibħra tagħna. Iżda jeħtieġ li nevitaw milli jseħħu aċċidenti bħad-Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku. L-iżgurar tal-aħjar prattiki industrijali fl-operazzjonijiet kollha tagħna lil hinn mill-kosta, hija neċessità indiskutibbli. Il-proposta tal-llum hija pass kruċjali lejn attivitajiet lil hinn mill-kosta iktar sikuri għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna u tal-ambjent tagħna".

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Tgħallimna l-lezzjonijiet mill-aċċident Deepwater Horizon li ġara s-sena li għaddiet. Ir-regolament propost illum se jgħina nipprevjenu milli jseħħu kriżijiet bħal dawn fil-futur fl-ibħra tagħna li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE. Dan l-aġġornament tas-sikurezza huwa aħbar tajba għall-ambjent iżda huwa aħbar tajba wkoll għan-negozju li jkun jista' jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu f'kuntest prevedibbli. Mill-aċċidenti tal-passat hemm evidenza kbira li l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura.

L-abbozz ġdid ta' regolament jistabbilixxi regoli ċari li jkopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-attivitajiet ta' esplorazzjoni u produzzjoni mid-disinn sat-tneħħija finali tal-installazzjoni taż-żejt jew gass. L-industrija Ewropea, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, se tivvaluta u ttejjeb iktar l-istandards tas-sikurezza għall-operazzjonijiet lil hinn mill-kosta fuq bażi regolari. Dan l-approċċ ġdid se jwassal għal valutazzjoni Ewropea tar-riskju li se tkun kontinwament aġġornata billi jitqiesu teknoloġija ġdida kif ukoll ħiliet u riskji ġodda. Hija tintroduċi rekwiżiti għal prevenzjoni u reazzjoni effikaċi għal aċċidenti kbar:

  • Ħruġ ta' Liċenzji: L-awtoritajiet tal-liċenzji fl-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li jkunu biss dawk l-operazzjonijiet li għandhom il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji suffiċjenti meħtieġa biex jikkontrollaw is-sikurezza tal-attivitajiet lil hinn mill-kosta u l-ħarsien tal-ambjent li jkollhom permess biex jesploraw u jipproduċu żejt u gass fl-ibħra tal-UE.

  • Verifikaturi indipendenti Is-soluzzjonijiet tekniċi ppreżentati mill-operatur li huma kritiċi għas-sikurezza fuq l-installazzjoni jeħtieġ li jkunu vverifikati minn parti terza indipendenti qabel l-installazzjoni tibda topera u perjodikament wara.

  • Pjanar obbligatorju ex ante f'każ ta' emerġenzaKumpaniji se jkollhom jippreparaw Rapport dwar il-Periklu Ewlieni għall-installazzjoni tagħhom li jinkludi valutazzjoni tar-riskju u pjan ta' reazzjoni f'każ ta' emerġenza qabel tibda l-esplorazzjoni jew il-produzzjoni. Jeħtieġ li dawn ir-rapporti jitressqu lilll-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jagħtu l-approvazzjoni tagħhom biex jitkomplew jekk ikunu ssodisfati.

  • Spezzjonijiet Awtoritajiet kompetenti nazzjonali indipendenti responsabbli għas-sikurezza tal-installazzjonijiet li se jivverifikaw il-provvediment tas-sikurezza, il-ħarsien tal-ambjent u l-preparazzjoni għall-emerġenza tar-riggijiet u l-pjattaformi u l-operazzjonijiet imwettqa fuqhom. Jekk operatur ma jirrispettax l-istandards minimi, l-awtorità kompetenti se twettaq azzjonijiet ta' infurzar u/jew timponu penalitajiet; saħansitra, l-operatur ikollu jwaqqaf l-operazzjonijiet tiegħu tat-tħaffir jew produzzjoni jekk dan jonqos milli jikkonforma.

  • Trasparenza Informazzjoni komparabbli dwar l-istandards ta' prestazzjoni tal-industrija u l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, se tkun disponibbli għaċ-ċittadini. Din se tkun ippubblikata fuq il-websajts tagħhom.

  • Reazzjoni f'Emerġenza Il-kumpaniji se jippreparaw pjanijiet ta' reazzjoni f'każ ta' emerġenza bbażati il-valutazzjonijiet tar-riskji fuq ir-rigg jew pjattaforma tagħhom u se jżommu riżorsi disponibbli sabiex ikunu jistgħu jużawhom meta jkun neċessarju. Bl-istess mod, l-Istati Membri se jikkunsidraw b'mod sħiħ dawn il-pjanijiet meta jkunu qed jippreparaw il-pjanijiet nazzjonali ta' emerġenza tagħhom. Il-pjanijiet se jkunu vverifikati perjodikament mill-industrija u l-awtoritajiet nazzjonali.

  • Responsabbiltà Il-kumpaniji li jipproduċu ż-żejt u l-gass se jkunu responsabbli b'mod sħiħ għall-ħsara ambjentali kkawżata lill-ispeċijiet protetti tal-baħar u lill-ħabitat naturali. Għall-ħsara lill-ibħra, iż-żona ġeografika se tkun estiża biex tkopri l-ibħra kollha tal-UE inkluża ż-żona ekonomika esklussiva (sa massimu ta' 370 km mill-kosta) u l-blata kontinentali fejn l-Istat Membru kostali jeżerċita ġurisdizzjoni. Għall-ħsara lill-ibħra, il-qafas legali preżenti tal-UE għar-resonsabbiltà ambjentali hija ristretta għall-ibħra territorjali (madwar 22 km lil hinn mill-kosta).

  • Internazzjonali Il-Kummissjoni se taħdem mal-imsieħba internazzjonali tagħha biex tippromwovi l-implimentazzjoni tal-ogħla standards ta' sikurezza fid-dinja.

  • Grupp tal-Awtoritajiet Offshore tal-UE – Spetturi ta' attivitajiet lil hinn mill-kosta tal-Istati Membri se jaħdmu flimkien biex jiżguraw qsim effikaċi tal-aħjar prattiki u jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-titjib tal-istandards ta' sikurezza.

Sfond

Fl-Ewropa, iż-żejt u l-gass ilhom jiġu estratti minn qiegħ il-baħar sa mill-1970. Illum, iktar minn 90 % taż-żejt u iktar minn 60 % tal-gass prodott fl-UE u fin-Norveġja jiġu minn operazzjonijiet lil hinn mill-kosta. Hemm iktar minn 1000 installazzjoni lil hinn mill-kosta taż-żejt u l-gass li qed topera fl-ibħra Ewropej. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tinsab fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-biċċa l-kbira taż-żejt ġejja mir-Renju Unit u n-Noverġja, qed jikber l-interess fil-provinċji lil hinn mill-kosta tal-UE u tlettax-il Stat Membru (Ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, Spanja, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Polonja, Malta u Ċipru) ħarġu liċenzji għall-produzzjoni taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta.

L-industrija tal-attivitajiet lil hinn mill-kosta fi Stati Membri differenti topera taħt standards ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza differenti. Sal-lum, il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tkoprix l-aspetti kollha tal-industrija taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta u l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija differenti ħafna bejn l-Istati Membri. Minkejja azzjoni minn xi Stati Membri biex jirreformaw is-sistemi tagħhom wara diżastri fil-Baħar tat-Tramuntana fis-snin 80, għad hemm riskju sinifikanti ta' aċċidenti serji fl-UE. L-avvenimenti tal-passat juru li mill-inqas 14-il diżastru kbir lil hinn mill-kosta bħal splużjonijiet ta' bjar u telf totali ta' pjattaformi ta' produzzjoni - seħħew madwar id-dinja fl-aħħar 30 sena, 5 minnhom fl-aħħar  10 snin. Il-konsegwenzi possibbli ta' aċċident kbir huma estremi. Huma jinkludu telf ta' ħajjiet, ħsara ambjentali kbira u ħsara kollaterali għall-ħabitats kostali u tal-baħar. F'termini finanzjarji, kif diġà rajna, avveniment fuq l-iskala tad-diżastru tal-Golf tal-Messiku jista' jikkawża ħsarat ta' EUR 30 biljun.

Flimkien ma' din il-proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni qed tressaq proposta għall-UE biex taderixxi ma' Protokoll tal-Konvenzjoni ta' Barċellona ji tipproteġi lill-Mediterran mit-tniġġis mill-esplorazzjoni fil-baħar u mill-attivitajiet ta' esplojtazzjoni (ara IP/11/1261).

Aktar Tagħrif

http://ec.europa.eu/energy/oil/offshore/standards_en.htm

MEMO/11/740

Kuntatti

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Joseph Hennon (+32 2 29 53593)

Monica Westerén (+32 2 2991830)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site