Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Direttiva dwar il-Kwalifiki: il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim dwar element ewlieni tal-pakkett tal-ażil

Brussell, is-27 t’Ottubru 2011 – Illum il-Parlament Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Kwalifiki li se ttejjeb id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja fl-UE. Id-Direttiva tiggarantixxi drittijiet uniformi meta wieħed isemmi l-kura tas-saħħa u l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

"Dan huwa stadju importanti fl-intenzjoni sabiex jintlaħaq ftehim bejn il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ażil sas-sena d-dieħla, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-programm ta’ Stokkolma. Dan il-ftehim jibgħat ukoll sinjal politiku qawwi fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tan-NU. L-avvenimenti kurrenti fil-viċinat tagħna juru li għandu jkollna proċeduri mingħajr periklu, trasparenti u effiċjenti għal dawk li jduru lejna u jfittxu l-protezzjoni." qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Il-vot tal-lum jippermetti ftehim fuq l-ewwel qari mal-Kunsill, li issa jeħtieġ jadotta formalment id-Direttiva modifikata. Dan se jseħħ fil-ġimgħat li ġejjin.

Sfond

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għat-tiswir mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-kwalifiki u l-istatus tal-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali f'Ottubru 2009 (IP/09/1552).

Ipproponiet li jiġu ċċarati kunċetti importanti, bħal “atturi ta’ protezzjoni”, “protezzjoni interna” jew “sħubija ta’ grupp soċjali partikolari”, sabiex tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali japplikaw il-kriterji b’mod aktar robust u jidentifikaw aktar malajr persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li tqarreb id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari dwar it-tul tal-permessi ta’ residenza, l-aċċess għall-assistenza soċjali, l-kura tas-saħħa u s-suq tax-xogħol. Dan jinvolvi wkoll tnaqqis tal-ispejjeż u piżijiet amministrattivi marbutin mat-tmexxija ta’ statuti differenti ta’ protezzjoni.

Ftehim dwar test ta’ kompromess ibbilanċjat instab f’Ġunju 2011, wara negozjati bejn il-Parlament Ewropew (PE) u l-Kunsill. Illum il-PE approva dan it-test ta’ kompromess, l-elementi ewlenin tiegħu jinkludu:

  • il-kjarifika ta’ diversi kunċetti biex tiġi inkorporata l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani;

  • l-impenn biex jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi tat-tfal u l-aspetti marbuta mas-sess fl-istima tal-applikazzjonijiet ta’ ażil u fl-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali,

  • l-approssimazzjoni tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja dwar l-aċċess għall-impjiegi u l-kura tas-saħħa;

  • l-estensjoni tal-perjodu tal-validità ta’ permess ta’ residenza maħruġ lil benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja mat-tiġdid tal-permess ta' residenza tal-bidu, għal sentejn, wara l-għoti tal-istatut.

Dawn l-emendi addizzjonali se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-ażil, jassiguraw ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni f’soċjetajiet ta’ akkoljenza.

Għal aktar informazzjoni

Paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website