Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Parlament Ewropew jappoġġa leġiżlazzjoni eħrex kontra l-abbuż sesswali tat-tfal

Brussell, is-27 ta' Ottubru 2011 – Il-Parlament Ewropew illum approva l-proposta tal-Kummisjoni Ewropea għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija.

"Sena ilu l-Kummissjoni għamlitha ċara li l-UE mhix ser tittollera li t-tfal jiġu użati bħala oġġetti sabiex jissodisfaw ix-xewqat sesswali ta' kriminali u lanqas li jiġu nnegozzjati bħala komoditajiet. Ninsab ferm sodisfatta li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill taw l-appoġġ tagħhom lil din il-proposta," qalet Cecilia Malmström, Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Affarijiet Interni. "B'din id-direttiva aħna nistgħu nagħmlu differenza. Qed nagħmluha iżjed faċli biex inħarrku u nipprevjenu r-reati kontra t-tfal, u qed insaħħu il-protezzjoni tal-vittmi. Ninsab fiduċjuża li din il-leġiżlazzjoni tal-UE ġdida ser tagħmel differenza kbira sabiex tipproteġi t-tfal minn dawn ir-reati orribbli."

Id-Direttiva, flimkien ma' numru ta' emendi addottati fil-Parlament illum, tirrifletti mill-qrib il-proposta tal-Kummissjoni.

Hi tinkludi b'mod partikolari dispożizzjonijiet mhux biss dwar il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri iżda anki l-prevenzjoni ta' reati u l-protezzjoni tat-tfal vittmi. Hi tipprovdi dritt lil min iħaddem biex jitlob għal informazzjoni dwar rekords kriminali, u għal kampanji tat-tkabbir tal-għarfien u għat-taħriġ ta' professjonisti bħala miżuri ta' prevenzjoni. Id-direttiva tintroduċi wkoll l-obbligu għall-Istati Membri biex ineħħu l-paġni pedopornografiċi li jinsabu fuq l-internet fit-territorju tagħhom u jieħdu azzjoni biex ineħħuhom jekk jinsabu barra mill-pajjiż.

L-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill huma issa mistennija li jifformalizzaw il-ftehim politiku u jaddottaw dalwaqt id-Direttiva.

Sfond

It-termini 'sfruttament sesswali' u 'abbuż sesswali fuq it-tfal' jirreferu għal tipi ta' atteġġamenti differenti, bħar-relazzjonijiet sesswali mat-tfal li huma taħt ċertu età jew mġiegħla, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija. Dawn huma reati partikolarment serji kontra t-tfal, li jeħtieġu protezzjoni u kura speċjali filwaqt li dawn ir-reati jipproduċu ukoll ħsara serja u fit-tul fuq it-tfal vittmi. Madankollu l-ġlieda kontra dawn ir-reati hi ferm diffiċli. It-tfal huma vulnerabbli, mistħija u ħafna drabi jibżgħu jirrapportaw dwar dak li ġralhom.

F'Marzu tal-2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva (ara IP/10/379 u MEMO/10/107) sabiex itejjeb sostanzjalment il-Legiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Deċiżjoni Qafas (2004/68/JHA), li żgurat minimu ta' approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda din kellha nuqqasijiet konsiderevoli. Il-proposta ġiet diskussa mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew, u f'Ġunju tal-2011 intlaħaq ftehim politiku dwar test ta' kompromess.

Id-Direttiva l-ġdida ser tagħmilha eħfef sabiex jiġu miġġielda r-reati kontra t-tfal billi tieħu azzjoni fuq fruntieri differenti:

  • Dwar il-liġijiet kriminali, firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet ta' abbużi sesswali u sfruttament ser ikunu kkriminalizzati, u jkopru fenomeni ġodda megħjuna mill-internet, bħas-seduzzjoni b'intenzjoni ħażina tat-tfal (grooming),il-viżjoni bl-internet jew b'webcam tal-pedopornografija. Dispożizzjonijiet iżjed iddettaljati dwar il-livelli ta' pieni (6 livelli differenti minn sena sa 10 snin ħabs) ser jiżguraw konsistenza akbar fil-klassifikazzjonijiet tas-severità tar-reat u ser inaqqsu d-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

  • Biex jiġġieldu kontra l-abbuż mwettaq minn delinkwenti sesswali li jkunu qed jivvjaġġaw (magħruf bħala "it-turiżmu tas-sess ma' tfal"), l-awtoritajiet nazzjonali ser ikunu jistgħu jipproċedu kontra ċ-ċittadini li jabbużaw mit-tfal barra mill-pajjiż, u t-tħejjija ta' vjaġġi għal biex jiġu abbużati t-tfal, jew ir-riklamar ta' opportunitajiet ta' abbuż sesswali ser ikunu pprojbiti.

  • Sabiex titħaffef il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri kriminali, ser ikun issa possibbli li tiftaħ il-każijiet fl-Istati Membri kollha sal-età li t-tfal vittmi isiru maġġorenni. ir-regoli ta' kunfidenzjalità mhux ser ikunu iżjed ta' ostakolu li jżommu lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal milli jirrapportaw r-reati; u l-pulizija ser tkun obbligata li twaqqaf unitajiet speċjali sabiex tidentifika tfal vittmi (speċjalment tal-pedopornografija) b'għodod ta' investigazzjoni effettivi.

  • It-tfal vittmi ser igawdu minn protezzjoni akbar, taħt forma ta' assistenza estensiva u appoġġ wara li tingħata valutazzjoni individwali ta' kull tifel u tifla kif ukoll miżuri sabiex iħaffu l-aċċess għal rimedji legali u jevitaw it-trawma milli jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali

  • Sabiex jiġu evitati abbużi sesswali u sfruttament, it-trasgressuri kkundannati ser ikunu eżaminati individwalment u ser ikollhom aċċess għal programmi speċjali ħalli jżommuhom milli jerġgħu iwettqu reati ġodda; kontrolli fuq il-passat tal-kandidati li japplikaw għal xogħlijiet mat-tfal ser ikunu eħfef u iżjed komprensibbli; u l-kampanji edukattivi u għat-tkabbir tal-għarfien, u t-taħriġ sabiex jiġi identifikat l-isfruttament sesswali fit-tfal ser jiġu użati.

  • Biex titwaqqaf id-distribuzzjoni ta' pedopornografija fuq l-Internet, l-Istati Membri ser ikunu obbligati li jiżguraw li jiġu mneħħija l-paġni pedopornografiċi li jinsabu fuq it-territorju tagħhom u għandhom jieħdu azzjoni biex jiġu mneħħija jekk jinsabu barra mill-pajjiż. Huma jistgħu wkoll iwaqqfu proċeduri ħalli jimblukkaw, jekk iridu, l-aċċess mill-utenti fuq it-territorju tagħhom.

Għal aktar tagħrif

Paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index.html

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site