Navigation path

Left navigation

Additional tools

‘Karta Blu’ – Permessi tax-xogħol għall-migranti bi kwalifiki għolja: 6 Stati Membri jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli

European Commission - IP/11/1247   27/10/2011

Other available languages: EN FR DE IT SV PT PL

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-istampa

‘Karta Blu’ – Permessi tax-xogħol għall-migranti bi kwalifiki għolja: 6 Stati Membri jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli

Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2011 – Għadd ta' Stati Membri għadhom ma kkonformawx mar-regoli tal-UE, u dan qed jagħmilha diffiċli wisq biex nies tas-sengħa li jinqalgħu ħafna jiġu jaħdmu fl-UE. Illum, il-Kummissjoni talbet formalment lil 6 Stati Membri biex jikkonformaw mar-regoli tad-Direttiva dwar il-Karta Blu, li ż-żmien biex jiġu implimentati skada fid-19 ta’ Ġunju 2011. Il-Ġermanja, l-Italja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u l-Isvezja għadhom ma ttrasponewx ir-regoli tal-UE għall-migrazzjoni ta’ dawk bi kwalifiki għolja fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati (skont l-Artikolu 258 tat-TFUE) li jitolbu lil dawn l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni.

Minkejja li ninsabu f’nofs kriżi ekonomika b’livelli għoljin ta’ qgħad, min iħaddem ta’ sikwit ma jistax isib il-ħaddiema bi kwalifiki għolja li jeħtieġ1. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE tistabbilixxi regoli komuni u effiċjenti li jippermettu lil nies b’ħiliet għolja minn barra l-Ewropa sabiex jiġu u jaħdmu fis-swieq tax-xogħol tagħna fejn hemm il-bżonn. Id-Direttiva tistabbilixxi proċedura rapida għall-ammissjoni ta' dawn il-barranin, u tiżgura sett komuni ta’ drittijiet soċjali u ekonomiċi (daqs dawk taċ-ċittadini tal-UE) f'għadd ta' oqsma.

Jekk l-UE trid tilħaq l-għanijiet ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, ibbażat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, jeħtieġ li l-Ewropa tattira aktar talent. Għalhekk huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha japplikaw dawn ir-regoli komuni u jinkoraġġixxu politika tal-UE komprensiva u bbilanċjata dwar il-migrazzjoni.

Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni bagħtet avviżi ta’ tqegħid fil-mora (l-ewwel pass tal-proċedura ta' infrazzjoni) lill-Ġermanja, l-Italja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u l-Isvezja dwar in-nuqqas tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jimplimentaw id-Direttiva.

Tlieta minnhom (l-Italja, Malta u l-Portugall) għadhom ma ssenjalaw l-ebda miżura bħal dawn sal-iskadenza stabbilita (xahrejn), u dan xpruna lill-Kummissjoni biex taġixxi.

It-tliet l-oħra (il-Ġermanja, il-Polonja u l-Isvezja) wieġbu għall-avviżi ta’ tqegħid fil-mora, iżda indikaw li l-leġiżlazzjoni implimentattiva l-ġdida mhux ser tidħol fis-seħħ qabel is-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lil dawn l-Istati Membri wkoll.

L-isfond

Id-Direttiva dwar il-Karta Blu (Id-Direttiva 2009/50/EC) ġiet adottata fil-25 ta’ Mejju 2009 u l-Istati Membri kellhom sad-19 ta’ Ġunju 2011 biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda, huma marbuta bid-Direttiva.

L-iskema tal-Karta Blu tal-UE tgħin biex tattira migranti bi kwalifiki għolja lejn l-Ewropa, filwaqt li tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri u tal-kumpaniji tal-UE biex jimtlew il-lakuni fis-swieq tax-xogħol tagħhom li ma jistgħux jimtlew minn ċittadini tagħhom stess, minn ċittadini oħra tal-UE jew minn persuni residenti legalment li mhumiex ċittadini tal-UE. Tipprovdi proċedura komuni u simplifikata applikabbli fl-Istati Membri tal-UE li huma marbuta bid-Direttiva, u tiżgura li l-migranti potenzjali jkunu jafu xi jridu jagħmlu, ikun liema jkun l-Istat Membru li jkunu qed jippjanaw biex imorru fih, minflok ma jkollhom jiffaċċjaw 24 sistema differenti.

Ladarba Stat Membru jagħti Karta Blu lil migrant, dik il-persuna tkun tista' mbagħad tibbenefika minn aċċess liberu għal postijiet tax-xogħol li jitolbu kwalifiki għolja f'dak l-Istat Membru, u tkun tista’ wkoll tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor tal-UE fejn il-ħiliet tagħhom jistgħu jkunu meħtieġa. Flimkien ma’ regoli preferenzjali għall-akkwist tal-istejtus ta’ resident fit-tul u għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-iskema tal-Karta Blu tippreżenta pakkett attraenti għall-migranti potenzjali bi kwalifiki għolja.

Hija strument immexxi mid-domanda li ma jagħtix id-dritt tal-ammissjoni, u li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri biex jiddeterminaw kemm immigranti li jkunu qed ifittxu xogħol jidħlu fit-territorju tagħhom għall-fini ta’ impjieg li jitlob kwalifiki għoljin.

Id-Direttiva dwar il-Karta Blu hija waħda mis-sisien ta' politika komprensiva u bbilanċjata tal-UE dwar il-migrazzjoni, u għandha rwol mhux biss biex jimtela l-vojt fis-swieq nazzjonali tax-xogħol, iżda wkoll li tgħin biex jiġu affrontati l-isfidi demografiċi.

Id-Direttiva ma timpedixxix milli l-Istati Membri jkollhom is-sistema tagħhom stess għall-permessi nazzjonali ta’ residenza għall-migranti b’ħiliet għolja, iżda tali permessi nazzjonali ma jistgħux jagħtu d-dritt ta' residenza li huwa garantit taħt id-Direttiva dwar il-Karta Blu fi Stati Membri oħra.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/11/739

Il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Proċeduri ta’ ksur f’oqsma dwar il-politika tal-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/home-affairs/news/infringements/infringements_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

1 :

Skont l-Istudju tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (EMN) tal-2011 bl-isem "Satisfying Labour Demand through MigrationSatisfying Labour Demand through Migration", l-Istati Membri jirrappurtaw nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet f'għadd ta' oqsma.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website