Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Negozji aktar responsabbli jistgħu jistimolaw it-tkabbir fl-Ewropa

Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2011 - Approċċ responsabbli għan-negozju jfisser tkabbir ekonomiku li jkun dejjem aktar sostenibbli. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ miżuri b'appoġġ għall-intraprenditorjat u n-negozju responsabbli.

L-ewwel nett, l-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali għandha tgħin lil dan is-settur emerġenti jisfrutta l-potenzjal tiegħu kollu. Din l-inizjattiva hija kkumplimentata minn strateġija ambizzjuża għal Responsabbiltà Soċjali Korporattiva biex tiġġenera livell ogħla ta' fiduċja u kunfidenza tal-konsumaturi u ttejjeb il-kontribut tal-kumpaniji kollha għall-benessri tas-soċjetà inġenerali. Iż-żewġ inizjattivi jsaħħu l-isforzi tal-Kummissjoni biex timpenja ruħha mas-settur privat fi kwistjonijiet soċjali u ambjentali, li huma partikolarment rilevanti fi żminijiet ta’ restrizzjonijiet baġitarji għas-settur pubbliku.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li tiżdied it-trasparenza u li jiġi promoss negozju sostenibbli fost il-kumpaniji multinazzjonali. Il-kumpaniji tal-minjieri u tal-forestrija jeħtiġilhom ikunu aktar aperti fir-rigward ta' taxxi, drittijiet u bonusijiet li jħallsu fid-dinja kollha.

Finalment, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li r-regoli tal-kontabilità għall-SMEs jiġu ssimplifikati, biex b’hekk jiffrankaw sa EUR 1.7 biljun fis-sena. Il-proposti għandhom inaqqsu l-obbligi onerużi ta’ rappurtar għall-kumpaniji elenkati, inklużi l-SMEs, u b’hekk jiżdied aktar l-iffrankar fil-kostijiet.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Antonio Tajani, li hu responsabbli mill-politika dwar l-intrapriża u l-industrija, qal: “Dan il-pakkett ta’ miżuri huwa fl-interess tal-intrapriżi u tas-soċjetà Ewropea inġenerali. Inaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-impriżi żgħar u medji, u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal ekonomija soċjali tas-suq b’saħħitha u dinamika fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul.”

"In-negozju soċjali huwa wieħed mis-setturi tas-Suq Uniku tagħna li l-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex sfruttat" qal Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern. “In-negozju soċjali huwa eżempju tajjeb ta’ approċċ li jista’ jittieħed għal negozju li jkun kemm responsabbli kif ukoll għal negozju li jikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-impjiegi. Biss, irridu niżguraw li l-kumpaniji kollha, mhux in-negozji soċjali biss, iqisu bis-serjetà l-impatt li jħallu fuq is-soċjetà inġenerali: huwa għalhekk li nixtieq li l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar – b’mod partikolari dawk involuti fl-industriji tal-forestrija u tal-minjieri – ikunu aktar aperti fir-rigward tal-ħlasijiet tagħhom lill-gvernijiet fid-dinja kollha.”

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal hekk "In-negozju soċjali responsabbli jirriżulta mill-konvinzjoni li l-kriżi mhijiex biss waħda ekonomika u finanzjarja, iżda hija wkoll etika. In-negozji mhux dejjem ikollhom valuri bħas-solidarjetà, is-sostenibbiltà, l-inklussività u l-integrità, u nemmen li minħabba f’hekk, l-ekonomiji tagħna batew. Huwa f'dan l-aspett li n-negozju soċjali u r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jista’ jkollhom impatt deċisiv, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020 fir-rigward tal-impjiegi u t-tkabbir."

L-elementi ewlenin tal-pakkett

L-inkoraġġiment ta’ negozju responsabbli

Biex iżżid it-trasparenza fir-rigward tal-ħlasijiet li jsiru mill-industriji tal-estrazzjoni u tal-qtugħ tas-siġar lill-gvernijiet fid-dinja kollha, il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ Rappurtar pajjiż b’pajjiż (CBCR - Country-by-Country Reporting).

Din is-sistema għandha tkun applikabbli għal kumpaniji privati kbar tal-UE jew kumpaniji elenkati fl-UE li huma attivi fis-setturi taż-żejt, tal-gass, tal-minjieri u tal-qtugħ tas-siġar. Il-kunċett ta’ CBCR huwa differenti minn dak tar-rappurtar finanzjarju regolari peress li jippreżenta informazzjoni finanzjarja għal kull pajjiż li l-kumpanija tkun topera fih, minflok sett wieħed ta’ informazzjoni fuq livell globali. Ir-rappurtar tat-taxxi, id-drittijiet u l-bonusijiet li kumpanija multinazzjonali tħallas lil gvern ta’ pajjiż li topera fih għandu juri l-impatt tal-kumpanija f’dawk il-pajjiżi li topera fihom. Dan l-approċċ ta’ aktar trasparenza għandu jinkoraġġixxi negozji aktar sostenibbli. Sabiex tkopri d-diversi tipi ta’ kumpaniji attivi f’dawn l-industriji fl-ambitu tas-sistema CBCR, il-Kummissjoni qed tipproponi r-reviżjoni kemm tad-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/KE) biex tkopri kumpaniji elenkati kif ukoll tad-Direttivi dwar il-Kontabilità (78/660/KEE u 83/349/KEE) biex ikopru kumpaniji kbar mhux elenkati.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar it-Trasparenza għandha tipprevjeni lill-investituri milli jiffurmaw, b'mod sigriet, sehem ta' kontroll f’kumpanija elenkata (“sjieda moħbija”). Dawn il-prattiki jistgħu jwasslu għall-possibbiltà ta’ abbuż tas-suq, livelli baxxi ta’ fiduċja tal-investituri u tibdil fl-intenzjonijiet tal-investituri. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, l-investituri jkollhom jinnotifikaw l-istrumenti finanzjarji kollha li għandhom l-istess effett ekonomiku tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR - Corporate Social Responsibility) toffri definizzjoni moderna ta’ dan il-kunċett li hija konsistenti ma’ prinċipji u linji gwida rikonoxxuti b'mod internazzjonali. Din isservi ta’ strateġija li tippermetti lill-kumpaniji jilħqu l-potenzjal tagħhom b’mod aktar effikaċi. L-għan tagħha hu li ttejjeb il-fiduċja fin-negozji, inkluż billi fl-2013 tniedi premju Ewropew għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) u toħloq pjattaformi ta’ CSR b’diversi partijiet interessati f’għadd ta’ setturi industrijali rilevanti.

L-iffaċilitar ta’ Intraprenditorjat Soċjali

In-negozji soċjali huma kumpaniji li għandhom impatt soċjali pożittiv u li, jindirizzaw objettivi soċjali bħala l-għan korporattiv tagħhom, aktar milli jimmassimizzaw il-profitti tagħhom biss. Illum, l-ekonomija soċjali tirrappreżenta 10 % tan-negozji Ewropej kollha u tħaddem iktar minn 11-il miljun impjegat bi ħlas. L-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali għandha għadd ta’ miżuri maħsuba biex jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tagħha. Din l-inizjattiva tipproponi metodi kif jista’ jittejjeb l-aċċess tan-negozji soċjali għall-finanzjament (inkluż il-finanzjament tal-UE permezz tal-Fondi Strutturali u l-ħolqien fil-ġejjieni ta’ strument finanzjarju biex jipprovdi fondi ta’ investiment soċjali u intermedjarji finanzjarji bi strumenti ta’ ekwità, dejn u kondiviżjoni tar-riskji), miżuri biex titjieb il-viżibbiltà tagħhom u ambjent regolatorju ssimplifikat (inkluż proposta fil-ġejjieni għal Statut tal-Fondazzjonijiet Ewropej, ir-reviżjoni li jmiss tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għal servizzi soċjali u lokali).

It-tnaqqis tal-burokrazija għall-SMEs

Bil-proposta tagħha biex jiġu emendati d-Direttivi dwar il-Kontabilità (78/660/KEE u 83/349/KEE), il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv tal-kumpaniji ż-żgħar. Is-simplifikazzjoni tat-tħejjija ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji għandha tagħmilhom aktar komparabbli, aktar ċari u eħfef biex jinftiehmu. Għandha tippermetti wkoll lill-utenti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, bħall-azzjonisti, il-banek u l-fornituri, biex jifhmu aħjar il-prestazzjoni u l-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija. L-iffrankar potenzjali fil-kostijiet tal-SMEs huwa stmat li jilħaq EUR 1.7 biljun fis-sena.

Barra minn hekk, skont ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/KE), kumpaniji elenkati, inkluż l-impriżi emittenti żgħar u medji, ma jibqgħalhomx l-obbligu li jippubblikaw informazzjoni finanzjarja kull tliet xhur. Dan għandu jikkontribwixxi għal aktar iffrankar fil-kostijiet u għandu jgħin biex jiskoraġġixxi l-perspettivi għal żmien qasir fis-swieq finanzjarji.

Il-passi li jmiss:

Il-pakkett ta’ proposti għal negozji aktar responsabbli huwa segwitu għall-Att dwar is-Suq Uniku (ara IP/11/469), li fih, il-Kummissjoni stipulat 12-il stadju ta’ kostruzzjoni biex tniedi mill-ġdid is-Suq Uniku għall-2012 għal tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklussiv. Tnejn mill-azzjonijiet ewlenin li ġew identifikati kienu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u mikro, bl-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u bit-tnaqqis tal-burokrazija, u l-ħolqien ta’ ekosistema favorevoli għall-iżvilupp tal-intraprenditorjat soċjali.

Issa, il-proposti għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kontabilità u tad-Direttiva dwar it-Trasparenza se jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri tal-UE biex jiġu adottati minnhom. Il-Komunikazzjoni dwar l-Intraprenditorjat Soċjali tikkostitwixxi l-punt tat-tluq għal għadd ta’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li għandhom jiġu mnedija fis-sentejn li jmiss. L-ewwel opportunità biex dawn jiġu diskussi għandha tkun fil-Konferenza dwar l-Ekonomija Soċjali u n-Negozju Soċjali li għandha ssir fi Brussell taħt l-awspiċju tal-Kummissjoni fit-18 ta’ Novembru 2011.

Għal aktar tagħrif:

Ara MEMO/11/730, MEMO/11/732, MEMO/11/734, MEMO/11/735

http://ec.europa.eu/internal_market/smact/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/social_business/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site