Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

'Il-Fruntieri Intelliġenti' tal-UE: Il-Kummissjoni trid aċċess aktar faċli u sigurtà mtejba

Commission Européenne - IP/11/1234   25/10/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

'Il-Fruntieri Intelliġenti' tal-UE: Il-Kummissjoni trid aċċess aktar faċli u sigurtà mtejba

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2011 – L-UE għandha bżonn ġestjoni aktar moderna u effiċjenti tal-flussi tal-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni tagħha. Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li tistipula l-opzjonijiet prinċipali dwar l-użu ta' teknoloġiji ġodda li jissimplifikaw il-ħajja tal-barranin li frekwentement jivvjaġġaw lejn l-UE u sabiex jiġu osservati aħjar ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri.

Hija sfida għal ħafna Stati Membri li jkun hemm qsim bla tfixkil u malajr tal-fruniteri mill-vjaġġaturi, filwaqt li jiġi żgurat livell ta' sigurtà xieraq. Kull sena aktar minn 700 miljun ċittadin tal-UE u ċittadini minn pajjiżi terzi jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE. Dan in-numru huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti fil-futur. Sal-20301 in-numru ta' nies fl-ajruporti Ewropej jista’ jiżdied bi 80%, li jissarraf f'aktar dewmien u kjuwijiet għall-vjaġġaturi jekk il-proċeduri tal-kontrolli mal-fruntieri ma jiġux immodernizzati fil-ħin. Huwa fl-interess tal-UE li tagħmilha faċli kemm jista' jkun għat-turisti u l-vjaġġaturi fuq negozju li jiġu lejn l-Ewropa.

"L-Unjoni għandha tkompli timmodernizza l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha u tiżgura li ż-żona Schengen tkun mgħammra aħjar biex tilqa' l-isfidi tal-futur", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni. "L-inizjattiva 'Fruntieri Intelliġenti' għandha tħaffef il-qsim tal-fruntiera għall-vjaġġaturi regulari imma tista' tgħinna wkoll intejbu s-sigurtà tal-fruntieri esterni. Issa rridu nkunu żguri li hemm f'posthom l-aktar sistemi effiċenti u jiena ħerqana li niddiskuti l-opzjonijiet disponibbli mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta".

Sfond

L-inizjattiva 'Fruntieri Intelliġenti' għandha tikkonsisti minn:

  • Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) li għandha tirreġistra l-ħin u l-post tad-dħul kif ukoll it-tul tal-permanenzi qosra awtorizzati f'bażi ta' dejta, tieħu post is-sistema attwali tal-ittimbrar tal-passaporti. Din id-dejta mbagħad għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-kontroll fuq il-fruntiera u tal-immigrazzjoni.

  • Il-Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati (RTP) għandu jippermetti li ċerti gruppi ta' vjaġġaturi frekwenti (ie. il-vjaġġaturi fuq negozju, il-membri tal-familja eċċ.) minn pajjiżi terzi sabiex jidħlu fl-UE, ikunu suġġetti għal iċċekkjar xieraq minn qabel permezz ta' kontrolli tal-fruntiera ssimplifikati b'bibien awtomatizzati. Dan għandu jħaffef il-qsim tal-fruntiera għal 4 sa 5 miljun vjaġġatur fis-sena2 u jinkuraġġixxi investimenti fil-kontrolli moderni awtomatizzati tal-fruntiera (eż. fuq il-bażi ta' passaporti elettroniċi) f'punti ta' qsim prinċipali.

L-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi għandha tiġi diskussa fid-dawl tal-valur miżjud tagħhom, l-implikazzjonijiet teknoloġiċi, l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta u l-kostijiet.

Il-Kummissjoni issa se tiddiskuti dawn l-elementi kollha mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta. Imbagħad se tippreżenta proposti leġislattivi tul is-sena d-dieħla.

Il-proposta tal-lum hija l-ewwel risposta għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (l-24 ta’ Ġunju 2011) li sejjaħ biex titmexxa ‘l quddiem il-ħidma fuq “Fruntieri Intelliġenti” (IP/11/781).

Hija parti minn approċċ komprensiv biex tissaħħaħ il-governanza ġenerali taż-żona Schengen (għall-‘pakkett Schengen’, ara IP/11/1036 u MEMO/11/606), kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar il-Migrazzjoni adottata fl-4 ta’ Mejju 2011 (IP/11/532 u MEMO/11/273).

Hija telabora fuq Komunikazzjoni adottata fl-2008 intitolata “Inħejju għall-pass li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea” (IP/08/215).

Għal aktar informazzjoni

MEMO/11/728

Paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

1 :

Ikkumparat mal-400 miljun vjaġġ transkonfinali fl-ajruporti Ewropej fl-2009, 720 miljun vjaġġatur jridu jiġu kkontrollati fl-2030 (ara l-aħħar tbassir fit-tul tal-Eurocontrol ippubblikat fis-17 ta' Diċembru 2010)

2 :

Dan il-kalkolu huwa bbażat fuq l-assunzjoni li 20% tal-persuni li għandhom visa ta' diversi dħul (madwar 10 miljun fis-sena) u li numru ekwivalenti ta' passiġġieri li ma jeħtiġux visa ser japplikaw għal status ta' vjaġġatur reġistrat.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site