Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipprova tħares lin-negozji Ewropej minn prattiki qarrieqa u inġusti

Brussell, il-21 ta' Ottubru tal-2011 – Bosta negozji żgħar madwar l-Ewropa qiegħda ssirilhom ħsara minn operaturi tas-suq diżonesti li jużaw prattiki inġusti, bħal reklamar qarrieqi. Dawn il-frodaturi jinħbew wara l-fruntieri nazzjonali u japprofittaw irwieħhom mill-vulnerabbiltà tal-kumpaniji – speċjalment il-kumpaniji ż-żgħar - meta dawn jagħmlu negozju f'pajjiżi oħrajn tal-UE. Anke l-professjonisti – bħat-tobba u l-avukati – u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jisfaw vittmi. Sabiex tħarishom aħjar, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiftaħ konsultazzjoni pubblika biex tiġbor aktar informazzjoni mingħand kumpaniji u partijiet oħra milquta dwar in-natura u l-iskala tal-prattiki inġusti, fosthom il-prattiki qarrieqa li jseħħu onlajn. Wara l-konsultazzjoni, il-pass li jmiss ikun li l-Kummissjoni tivvaluta l-aħjar mod kif dawn l-operaturi tas-suq diżonesti ma jitħallewx jużaw lakuni fir-regoli filwaqt li jiġi żgurat l-operaturi tas-suq leġittimi jiġu mħarsa b'mod xieraq.

Il-Viċi-President Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja qalet, "In-negozji ż-żgħar huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u ma jifilħux jitilfu flus biex imorru fi bwiet l-imbruljuni. Għandna bżonn ta' regoli b'saħħithom u effettivi li jkunu japplikaw madwar l-Ewropa kollha sabiex inrażżnu l-prattiki inġusti u niżguraw li l-ħatjin ma jkunux jistgħu jinħbew wara l-fruntieri nazzjonali."

Ta' kuljum, negozji, professjonisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jisfaw vittmi ta' prattiki inġusti. Dawn jistgħu jvarjaw mill-ommissjoni ta' informazzjoni importanti jew l-għoti ta' informazzjoni falza jew qarrieqa dwar l-offerta, partikolarment fis-sura ta' reklamar qarrieqi, għall-użu ta' intimidazzjoni, sfurzar jew influwenza żejda.

It-23 miljun impriża ta' daqs żgħir u medju (IŻM) fl-UE jirrapreżentaw 99% tan-negozji tal-UE u huma tassew vulnerabbli għal prattiki qarrierqa. Madanakollu, xi minn daqqiet anke kumpaniji kbar tal-UE jinqabdu f'iskemi frawdolenti bħal dawn.

Waħda mill-iskemi li jintużaw l-aktar hija dik ta' kumpaniji tad-direttorji qarrierqa. Dawn id-ditti jibagħtu formoli lil negozji u jitolbuhom jaġġornaw id-dettalji tagħhom; proċess li għall-ewwel jingħata d-dehra li jsir mingħajr ħlas. Iżda meta l-vittmi jaqblu, jintqalilhom li huma jkunu ffirmaw kuntratt u jkollhom iħallsu ammont sinifikanti kull sena. Stħarriġ li sar mill-Parlament Ewropew fl-2008 ddokumenta 13,000 ilment rigward prattiki qarrierqa dwar kumpaniji tad-direttorji, u huwa maħsub li dawn huma biss il-każijiet li nafu bihom. L-istħarriġ skopra li, tipikament, il-kumpaniji kienu qegħdin jintalbu jħallsu EUR 1000.

Ta' sikwit il-kumpaniji anqas biss jirrapportaw il-prattiki inġusti li jkunu saru fil-konfront tagħhom, għaliex jew ma jkollhomx il-ħin jew għaliex ma jkunux jafu lil min jikkuntattjaw.

Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni ser tiġbor dejta mingħand individwi, negozji u s-soċjetà ċivili. Wara l-konsultazzjoni, fl-ewwel nofs tal-2012 il-Kummissjoni ser tressaq alternattivi għal azzjoni tal-UE fil-ġejjieni, li jistgħu jinkludu tibdil leġiżlattiv.

Il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-fehmiet tagħhom hawnhekk:

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/opinion/

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa' għaddejja sas-16 ta' Diċembru 2011.

Sfond

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv (id-Direttiva 2006/114/KE tat-12 ta' Diċembru 2006) tistabbilixxi standard legali minimu għar-reklamar qarrieqi fl-UE kollha kemm hi. Din tipprovdi lill-operaturi tas-suq bi protezzjoni mir-reklamar qarrieqi maħsub għalihom. Barra minn hekk, tiżgura li r-reklamar komparattiv iqabbel "ħaġa ma' oħra bħalha", li ma jbaxxix l-istima ta' marki rreġistrati ta' kumpaniji oħrajn u li ma joħloqx konfużjoni fost l-operaturi tas-suq. Madanakollu, filwaqt li l-leġiżlazzjoni kurrenti tal-UE tħares lill-konsumaturi minn kull forma ta' prattiki kummerċjali inġusti (id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju tal-2005), din ma tgħoddx għall-operaturi tas-suq.

Biex issaħħaħ il-ħarsien tal-operaturi kummerċjali u ttejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-infurzaturi nazzjonali, il-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika Komunikazzjoni fl-ewwel nofs tal-2012. Il-Komunikazzjoni ser tagħti dettalji ġenerali dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv qed tiġi implimentata fl-Istati Membri, tidentifika kwistjonijiet problematiċi, u tesplora alternattivi biex din il-leġiżlazzjoni tiġi riveduta.

Il-Parlament Ewropew ukoll enfasizza l-importanza ta' dan is-suġġett f'ħafna okkażjonijiet. B'mod partikolari, kienet il-problema ta' kumpaniji tad-direttorji qarrierqa li sawret il-bażi għal żewġ riżoluzzjonijiet importanti mill-Parlament Ewropew, waħda fl-2008 u waħda aktar reċenti fid-9 ta' Ġunju tal-2011.

Għal aktar informazzjoni

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/unfair-trade/false-advertising/index_en.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Persuni ta' kuntatt :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website