Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-konsumaturi tal-UE jivvalutaw is-swieq tas-servizzi finanzjarji u tal-fjuwils bħala fqar

Commission Européenne - IP/11/1221   21/10/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-konsumaturi tal-UE jivvalutaw is-swieq tas-servizzi finanzjarji u tal-fjuwils bħala fqar

Brussell, il-21 ta' Ottubru 2011 - Is-servizzi finanzjarji, l-investimenti (inklużi l-pensjonijiet u t-titoli), l-ipoteki u s-servizzi tal-proprjetà huma s-swieq li bl-aktar mod probabbli qegħdin jonqsu lill-konsumaturi madwar l-UE, skont l-aħħar Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur. Fost is-swieq tal-prodotti, il-karozzi użati u l-fjuwils huma klassifikati l-agħar. Sa mill-2010, is-swieq tas-servizzi baqgħu jmorru ħażin, bis-servizzi finanzjarji u s-servizzi ta' netwerks kollha taħt il-medja. Il-provvista tal-elettriku u l-fjuwils iddeterjoraw ħafna meta mqabbla mal-2010. L-indiċi prinċipali tat-Tabella jikklassifika s-swieq tal-konsumatur, f’termini ta’ fiduċja mill-konsumatur, is-sodisfazzjon, il-faċilità li biha jitqabblu l-offerti, il-problemi u l-ilmenti. L-għażla tal-konsumatur, il-faċilità li biha tista' taqleb il-fornituri tiegħek tas-servizz jew it-tariffi, u d-differenzi fil-prezzijiet bejn il-pajjiżi huma sorveljati wkoll. L-għan huwa li jiġu identifikati s-swieq li jidhru l-aktar fir-riskju li jmorru ħażin biex isiru studji ta’ segwitu li janalizzaw fil-fond il-problemi u jidentifikaw reazzjonijiet politiċi. Abbażi tal-aħħar sejbiet, il-Kummissjoni Ewropea se tinvestiga s-swieq tal-kreditu tal-konsumatur u tal-fjuwil.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Konsumatur John Dalli qal: "Il-valur tas-Suq Uniku għall-konsumaturi jitkejjel b'x'joffrilhom f'termini ta' kwalità, għażla akbar, prezzijiet aktar baxxi, trasparenza u sodisfazzjon. Bis-saħħa tat-Tabella ta' Valutazzjoni nistgħu naraw fejn dan jidher li mhux qed jiġri. Il-proċess huwa dwar politika bbażata fuq l-evidenza għal problemi reali li l-konsumaturi jiffaċċjaw fis-Suq Uniku. In-negozji li jilqgħu l-ħtiġijiet tal-konsumatur jiġu ppremjati bl-għażla tal-konsumatur."

It-Tabella annwali tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tikklassifika 51 suq tas-servizzi u l-prodotti li jkopru aktar minn 60% mill-baġits domestiċi, biex tara liema minnhom huma l-iktar probabbli li jonqsu lill-konsumaturi madwar l-UE.

Is-sejbiet ewlenin

  • Is-swieq tas-servizzi baqgħu jmorru ħażin, bis-servizzi finanzjarji (eż. il-kreditu tal-konsumatur) u s-servizzi ta' netwerks (eż. l-elettriku) kollha taħt il-medja.

  • B'mod ġenerali, l-investimenti (inklużi l-pensjonijiet u t-titoli), is-servizzi tal-proprjetà u l-ipoteki huma t-tlett iswieq tal-konsumatur li marru l-agħar (fl-2010, dawn kienu l-investimenti, il-proprjetà u l-provvista tal-internet, IP/10/1369).

  • Kumplessivament, is-swieq tal-prodotti jidhru li mexjin ferm aħjar. Eċċezzjonijiet għal dan jinkludu l-karozzi użati u l-fjuwils tal-vetturi, li ġabu l-aktar marki baxxi fil-kategorija tal-prodotti (fl-2010, dawn kienu l-karozzi użati, il-ħwejjeġ u ż-żraben, u l-laħam; ara IP/10/1369).

  • Meta mqabbla mal-2010, is-swieq tal-elettriku u tal-fjuwils marru l-iktar lura, li jista' jirrifletti s-sentiment tal-konsumaturi dwar il-prezzijiet tal-elettriku u tal-fjuwil.

  • Meta titqies il-perċezzjoni tal-faċilità li biha wieħed jista' jaqleb il-fornitur jew il-pjan tariffarju kif ukoll kemm il-konsumaturi effettivament jaqilbuhom, l-ipoteki, l-investimenti (inklużi l-pensjonijiet u t-titoli) u l-provvista tal-elettriku jġibu l-iktar punteġġ baxx mill-14-il suq tas-servizzi analizzat.

  • 64% tal-konsumaturi huma sodisfatti bl-għażla ta' prodotti jew fornituri (madwar is-swieq kollha). Dan jissuġġerixxi li l-għażla hija anqas ta’ problema għall-konsumaturi minn kwistjonijiet bħall-fiduċja fin-negozjanti u l-kapaċità li jitqabblu l-offerti.

Ir-rapport sħiħ, inklużi l-klassifikazzjonijiet nazzjonali, jinsab fi:

http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/cms6_en.htm

Il-passi li jmiss

Bħala segwitu, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi żewġ studji tas-suq dwar:

  • Il-kreditu tal-konsumatur, li mar ħażin fit-Tabella ta' Valutazzjoni, partikolarment f’termini ta’ fiduċja u komparabilità. Peress li d-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur tasal għar-reviżjoni fl-2013, is-sejbiet se jipprovdu evidenza rikka biex jiġi stmat l-impatt tar-regoli attwali tal-UE. L-istudju mhux se jkopri is-settur tal-ipoteki għax dan huwa diġà s-suġġett ta' proposta reċenti mill-Kummissjoni (IP/11/383).

  • Fjuwils. Is-suq tal-fjuwils huwa kklassifikat it-tieni l-agħar fost is-swieq tal-prodotti u huwa dak li mar l-aktar lura mill-2010. Huwa jiġi r-raba' l-ikbar suq f'termini tas-sehem tiegħu mill-baġit domestiku. Barra minn hekk, l-għadd kbir ta' denominazzjonijiet ta’ fjuwils jistgħu joħolqu konfużjoni lill-konsumaturi, b'impatt possibbli fuq is-suq uniku.

Għal ħafna mis-swieq problematiċi l-oħra, diġà saru studji profondi (eż. għall-elettriku, għas-servizzi finanzjarji bl-imnut) jew hemm studji profondi għaddejjin dwarhom (eż. għall-provvista tal-internet) -- ara MEMO/11/718 għad-dettalji.

Sfond

L-għan ewlieni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur huwa li jiġu identifikati s-swieq li jidhru l-aktar fir-riskju li jmorru ħażin għall-konsumaturi biex isiru studji ta’ segwitu li janalizzaw fil-fond il-problemi u jidentifikaw reazzjonijiet politiċi.

L-indiċi ewlieni użat mit-Tabella ta' Valutazzjoni biex jiġu kklassifikati l-51 suq huwa l-Indikatur tar-Rendiment fis-Suq (MPI). L-indiċi huwa magħmul minn riżultati ta' stħarriġ mal-konsumaturi dwar: (1) il-fiduċja fil-bejjiegħa bl-imnut/fornituri (2) is-sodisfazzjon ġenerali (3) il-faċilità li biha jitqabblu l-offerti (4) il-problemi u l-ilmenti tal-konsumatur. B'mod separat, it-Tabella ta' Valutazzjoni tissorvelja wkoll kemm jinqalbu l-fornituri u tariffi (għal 14-il suq tas-servizzi), l-għażla tal-konsumatur fuq kull suq, u d-differenzi fil-prezz bejn il-pajjiżi tal-UE għal aktar minn 100 oġġett u servizz.

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site