Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess li kellha l-ispinta għar-reklutaġġ ta' Uffiċjali mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004

European Commission - IP/11/121   02/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/121

Brussell, it-2 ta’ Frar 2011

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess li kellha l-ispinta għar-reklutaġġ ta' Uffiċjali mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004

Fl-aħħar tal-perjodu ta' tranżizzjoni (31/12/2010), il-Kummissjoni Ewropea qabżet il-miri tagħha biex jiġi rreklutat persunal mill-għaxar Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004. L-aħħar rapport juri li bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-aħħar tas-sena 2010, il-Kummissjoni rreklutat 4,004 Uffiċjali u Aġenti Temporanji mir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja, ferm aktar mill-mira ambizzjuża ta' 3,508. Fuq il-livell ta' maniġment superjuri, il-Kummissjoni mill-ġdid marret lil hinn mill-objettiv li stabbilixxiet għaliha nnifisha, li kien li jkun hemm mill-anqas ċittadin wieħed minn kull wieħed mill-għaxar Stati Membri f'livell ta' Direttur Ġenerali jew ta' Deputat Direttur Ġenerali. Suċċess simili ieħor kien fir-reklutaġġ ta' Diretturi u Kapijiet ta' Unitajiet. Ir-reklutaġġ mill-UE-10 kellu wkoll effett pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi fil-Kummissjoni, jiġifieri li kien hemm aktar nisa milli rġiel fi ħdan l-organizzazzjoni lejn l-aħħar tas-sena 2010 u li kien hemm proporzjon akbar ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali milli kien hemm qabel it-tkabbir tal-2004. Il-perjodu ta' tranżizzjoni għar-reklutaġġ ta' Uffiċjali mill-Bulgarija u mir-Rumanija wkoll miexi tajjeb, u għandu jibqa' għaddej sal-aħħar tas-sena 2011.

"Ninsab ferm kuntent li, wara l-aktar tkabbir reċenti, l-ispinta għar-reklutaġġ kellha suċċess mill-akbar," qal Maroš Šefčovič, il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni. "L-għażla u l-integrazzjoni ta' għadd kbir ta' membri tal-persunal ġodda minn pajjiżi differenti huma sfida għal kwalunkwe organizzazzjoni. Aħna mhux biss qbiżna l-miri tagħna, iżda sibna wkoll kollegi eċċellenti u ta' impenn, u rnexxielna niffaċilitaw id-dħul tagħhom fl-organizzazzjoni, li dan imbagħad ta enerġija ġdida lill-Kummissjoni."

Waqt l-iżvilupp tal-akbar tkabbir li qatt sar, jiġifieri dak tal-2004, intlaħaq ftehim dwar regoli li jippermettu li tingħata preferenza lir-reklutaġġ ta' persunal mill-Istati Membri l-ġodda matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2010. Arranġament simili japplika sal-aħħar ta' din is-sena għall-Bulgarija u r-Rumanija.

Għaċ-ċittadini tal-UE-10, il-Kummissjoni kkommettiet lilha nnifisha li twettaq madwar 3,500 reklutaġġ, li jirrappreżentaw kważi 16 fil-mija mit-total tal-karigi ta' qabel it-tkabbir. Il-miri għar-reklutaġġ ta' maniġers kienu bbażati fuq żieda proporzjonali fin-numru ta' funzjonijiet maniġerjali. Il-Kummissjoni kellha wkoll l-għan li tirrekluta mill-anqas DĠ jew DDĠ wieħed minn kull pajjiż tal-UE-10.

Il-mira ġenerali tal-UE-10 ntlaħqet f'Ottubru 2008, aktar minn sentejn qabel ma kien ippjanat, kemm għall-ADs (Amministraturi) kif ukoll għall-ASTs (Assistenti). Sal-aħħar tal-2010, in-numru ta' reklutaġġi ta' Uffiċjali Permanenti u ta' Aġenti Temporanji laħaq l-4,004. Xi 62 fil-mija minn dawn ir-reklutaġġi kienu f'livell ta' AD (livell universitarju). Barra minn hekk, kien hemm 595 Aġent Kuntrattwali u 144 Espert Nazzjonali Ssekondat mill-UE-10 jaħdmu għall-Kummissjoni fl-aħħar tas-sena 2010. Kien hemm mill-anqas ċittadin wieħed minn kull wieħed mill-10 pajjiżi f'livell ta' DĠ jew ta' DDĠ, u tnejn minn tlieta minnhom fl-aktar livell superjuri. Madwar 42 Direttur/Konsulent Prinċipali ġew irreklutati flimkien ma' 189 Kap ta' Unità.

Il-politika ta' reklutaġġ mill-Istati Membri l-ġodda naqqset inevitabilment l-ammont ta' reklutaġġi mill-UE-15; madanakollu żammew ritmu raġonevoli matul il-perjodu, b'tali mod li mhuma mistennija l-ebda żbilanċi ġeografiċi kbar.

It-tkabbir tal-2004 kellu effett pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi tal-Kummissjoni. Aktar minn żewġ terzi tal-membri tal-persunal irreklutati mill-UE-10 kienu nisa. L-ammont ta' 46.6 fil-mija ta' nisa li jaħdmu fil-Kummissjoni qabel it-tkabbir żdied għal 52.1 fil-mija sal-aħħar tas-sena 2010. Kien hemm ukoll żieda fl-ammont globali ta' nisa fost il-maniġers tal-Kummissjoni. It-tkabbir naqqas kemmxejn ukoll l-età medja tal-persunal tal-Kummissjoni.

Ir-reklutaġġ ta' numru daqstant kbir ta' nies minn barra l-organizzazzjoni jeħtieġ sforz konsiderevoli min-naħa l-waħda mill-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal, il-korp interistituzzjonali responsabbli mill-għażla tal-persunal għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u mis-servizzi tal-Kummissjoni li implimentaw sensiela ta' miżuri ġodda bħala għajnuna għall-integrazzjoni tal-membri tal-persunal il-ġodda u l-familji tagħhom.

L-4,000 membru tal-persunal li ġie rreklutat mill-għaxar Stati Membri l-ġodda jirrappreżentaw 16 fil-mija tal-Uffiċjali u l-Aġenti Temporanji tal-Kummissjoni. L-integrazzjoni tagħhom iffunzjonat sew mingħajr tfixkil kbir u mingħajr ma twaqqaf ir-reklutaġġ mill-15-il Stat Membru l-oħra. Dan, flimkien mar-reklutaġġ li għaddej bħalissa ta' Uffiċjali mill-Bulgarija u mir-Rumanija, ifisser li fl-2011 il-Kummissjoni se tkun verament istituzzjoni Ewropea. Meta mqabbel ma' tkabbir aktar bikri, u b'mod partikolari minħabba d-daqs tiegħu, it-tkabbir tal-2004 kien ta' suċċess kbir għall-Kummissjoni. It-tagħlimiet li ttieħdu se jgħinu fit-tkabbir futur u fl-integrazzjoni ta' membri ġodda tal-persunal għall-benefiċċju ta' kollegi mill-Istati Membri kollha.

Ara l-weblink:

http://ec.europa.eu/civil_service/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/headlines/news/2011/02/eu_10_recruitment_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website