Navigation path

Left navigation

Additional tools

Regoli ġodda għal swieq finanzjarji aktar effiċjenti, reżiljenti u trasparenti fl-Ewropa

European Commission - IP/11/1219   20/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Regoli ġodda għal swieq finanzjarji aktar effiċjenti, reżiljenti u trasparenti fl-Ewropa

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2011 – F'dawn l-aħħar snin, seħħet bidla kbira fis-swieq finanzjarji. Prodotti ġodda u ċentri tan-negozjar ġodda feġġew fis-swieq, u żviluppi teknoloġiċi bħal negozju bi frekwenza għolja biddlu x-xenarju. Il-G20, permezz tal-esperjenza tal-kriżi finanzjarja tal-2008, ftiehmu fis-summit tal-2009 f’Pittsburgh dwar il-ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza u s-sorveljanza tas-swieq inqas irregolati – inklużi s-swieq tad-derivati – u li jindirizzaw il-kwistjoni ta’ volatilità eċċessiva tal-prezzijiet fis-swieq tad-derivati tal-komoditajiet. Il-Kummissjoni Ewropea, bi tweġiba għal dan, illum resqet proposti biex tirrevedi d-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID). Dawn il-proposti jikkonsistu minn Direttiva u Regolament u għandhom l-għan li jirrendu s-swieq finanzjarji aktar effiċjenti, reżiljenti u trasparenti, u li jsaħħu l-ħarsien tal-investituri. Il-qafas il-ġdid ser iżid ukoll il-poteri tas-sorveljanza tar-regolaturi u ser jipprovdi regoli operattivi ċari għall-attivitajiet kollha tan-negozjar. Qed iseħħu diskussjonijiet simili fl-Istati Uniti u f'ċentri finanzjarji globali ewlenin oħrajn.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "Is-swieq finanzjarji qegħdin hemm biex iservu l-ekonomija reali – u mhux bil-kontra. Is-swieq verament tbiddlu matul is-snin u l-ħtiġijiet leġiżlattivi tagħna jeħtieġ li jiġu aġġornati skont dan. Il-kriżi qed isservi bħala tfakkira ħarxa ta’ kemm saru komplessi u mhux ċari, ċerti prodotti u attivitajiet finanzjarji. Dan ma għandux jibqa’ hekk. Il-proposti tal-lum ser jgħinu biex iwasslu għal swieq finanzjarji aħjar, aktar sikuri u aktar miftuħa."

Sfond

Id-Direttiva oriġinali dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID), li ilha fis-seħħ minn Novembru 2007, tirregola l-forniment ta’ servizzi tal-investiment fi strumenti finanzjarji (bħal senserija, konsulti, tranżazzjonijiet, ġestjoni tal-portafolli, sottoskrizzjonijiet, eċċ.) minn banek u ditti tal-investiment u t-tħaddim ta’ Boroż tradizzjonali u ċentri tan-negozjar alternattivi (l-hekk imsejħa faċilitajiet multilaterali tan-negozjar). Filwaqt li l-MiFID ħolqot kompetizzjoni bejn dawn is-servizzi u offriet għażla ikbar u prezzijiet aktar baxxi għall-investituri, il-kriżi finanzjarji kixfet xi nuqqasijiet.

Elementi ewlenin tal-proposta:

Strutturi tas-swieq aktar b’saħħithom u effiċjenti: Il-MiFID kienet diġà tkopri l-Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar u s-swieq irregolati, però r-reviżjoni issa ser tinkludi tip ġdid ta’ ċentru tan-negozjar fi ħdan il-qafas regolatorju tagħha: il-Faċilità Organizzata tan-Negozjar (OTF). Dawn huma pjattaformi organizzati li bħalissa mhumiex irregolati iżda li għandhom rwol dejjem iżjed importanti. Pereżempju, il-kuntratti standardizzati tad-derivati qed jiġu nnegozjati dejjem iżjed fuq dawn il-pjattaformi. Il-proposta l-ġdida ser tneħħi dan in-nuqqas. Il-MiFID riveduta ser tkompli tippermetti mudelli differenti tan-negozju, però ser tiżgura li ċ-ċentri kollha tan-negozjar isegwu l-istess regoli tat-trasparenza u li l-kunflitti ta’ interess jitnaqqsu.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq tal-kapital għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-proposti ser jintroduċu wkoll il-ħolqien ta’ tikketta speċifika għas-swieq tal-SMEs. Dan għandu jipprovdi tikketta ta’ kwalità għal pjattaformi li għandhom l-għan li jilħqu l-ħtiġijiet tal-SMEs.

Jitqiesu l-innovazzjonijiet teknoloġiċi: Barra minn hekk, il-MiFID aġġornata se tintroduċi salvagwardji ġodda għall-attivitajiet tan-negozju algoritmiċi u bi frekwenza għolja li żiedu drastikament il-veloċità tan-negozju, u li joħolqu riskji sistematiċi potenzjali. Dawn is-salvagwardji jinkudu l-ħtieġa li n-negozjanti algoritmiċi kollha jibdew jiġu rregolati adegwatament, li jipprovdu likwidità adegwata,u li jkun hemm regoli li jevitaw li jżidu l-volatilità b’movimenti ta’ dħul fis-swieq u ta’ ħruġ minnhom. Fl-aħħar nett, il-proposti ser itejbu l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni f’servizzi essenzjali ta’ wara n-negozju bħall-ikklerjar, li jistgħu jiffrustraw il-kompetizzjoni bejn ċentri tan-negozjar.

Aktar trasparenza: Bl-introduzzjoni tal-kategorija OTF, il-proposti ser itejbu t-trasparenza ta’ attivitajiet tan-negozju fis-swieq tal-ekwità, inklużi “dark pools” (volumi tat-tranżazzjonijiet jew likwidità li mhumiex disponibbli fuq pjattaformi pubbliċi). Mhux ser jitħallew eżenzjonijiet ħlief f’ċirkustanzi preskritti. Id-Direttiva riveduta ser tintroduċi wkoll skema ġdida għat-trasparenza tan-negozju għal swieq li mhumiex tal-ekwità (jiġifieri tal-bonds, tal-prodotti finanzjarji strutturati u tad-derivati). Hekk ukoll, b’rekwiżiti ġodda li ser jiġu introdotti għall-ġbir tad-dejta kollha dwar is-swieq f’post wieħed, l-investituri ser ikollhom idea ġenerali tal-attivitajiet kollha tan-negozju fl-UE, u dan se jgħinhom biex jagħmlu għażliet aktar infurmati.

Poteri tas-sorveljanza infurzati mill-ġdid u qafas aktar strett għal swieq tad-derivati tal-komoditajiet: Il-proposti ser jinfurzaw mill-ġdid ir-rwol u l-poteri tar-regolaturi. B’koordinazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) u f’ċirkustanzi definiti, dawk li jagħmlu s-sorveljanza ser ikunu jistgħu jipprojbixxu prodotti, servizzi jew prattiki speċifiċi f’każ ta’ theddid għall-ħarsien tal-investituri, l-istabbiltà finanzjarja jew it-tħaddim tajjeb tas-swieq. Il-proposti jipprevedu wkoll sorveljanza iktar stretta tas-swieq tad-derivati tal-komoditajiet. Ser jiġi introdott obbligu għar-rappurtar tal-pożizzjoni skont il-kategorija tan-negozjant. Dan ser jgħin ukoll lir-regolaturi u l-parteċipanti fis-swieq biex jivvalutaw aħjar ir-rwol tal-ispekulazzjoni f’dawn is-swieq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li tagħti lir-regolaturi finanzjarji l-poter li jagħmlu monitoraġġ u li jintervjenu fi kwalunkwe stadju tal-attività tan-negozju fid-derivati tal-komoditajiet, inkluż fil-forma ta’ limiti tal-pożizzjonijiet jekk ikun hemm tħassib dwar swieq diżordnati. Is-Summit tal-G20 f’Cannes fit-3 u l-4 ta’ Novembru ser jindirizza wkoll il-kwistjoni tad-derivati tal-komoditajiet.

Ħarsien aħjar tal-investituri: Il-MiFID riveduta, imsejsa fuq sett komprensiv ta’ regoli li diġà huma stabbiliti, tistabbilixxi rekwiżiti iktar stretti għall-ġestjoni tal-portafolli, konsultazzjoni dwar investimenti u toffri prodotti finanzjarji komplessi bħal prodotti strutturati. Sabiex jiġi evitat kunflitt ta’ interess potenzjali, konsulenti indipendenti u maniġers tal-portafolli mhux ser ikunu jistgħu jagħmlu jew jirċievu pagamenti minn terzi persuni jew dħul monetarju ieħor. Fl-aħħar nett, qed jiġu introdotti regoli dwar il-governanza korporattiva u r-responsabbiltà tal-maniġers għad-ditti tal-investiment kollha.

Il-passi li jmiss: Il-proposti issa ser jgħaddu għand il-Parlamenti Ewropew u l-Kunsill (l-Istati Membri) biex jiġu nnegozjati u adottati. Hekk kif jiġi adottat ir-Regolament, id-Direttiva, u r-regoli tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw flimkien fl-istess data tad-dħul fis-seħħ.

Ara wkoll il-MEMO/11/716

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/isd/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website