Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi sanzjonijiet kriminali kontra l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq sabiex ittejjeb id-deterrenza u l-integrità tas-suq

Commission Européenne - IP/11/1218   20/10/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi sanzjonijiet kriminali kontra l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq sabiex ittejjeb id-deterrenza u l-integrità tas-suq

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2011 – Attwalment, l-investituri li jinnegozjaw bl-użu ta’ informazzjoni privileġġata u li jimmanipulaw is-swieq billi jxerrdu informazzjoni falza jew qarrieqa jistgħu jevitaw is-sanzjonijiet billi japprofittaw mid-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet tas-27 Stat Membru tal-UE. L-awtoritajiet ta’ għadd ta’ pajjiżi ma għandhomx setgħat biex iwettqu sanzjonijiet effikaċi, filwaqt li f’pajjiżi oħra s-sanzjonijiet kriminali mhumiex disponibbli għal ċerti reati ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq. Sanzjonijiet effikaċi jistgħu jservu ta’ deterrent qawwi u jsaħħu l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-UE. Huwa għalhekk li llum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi regoli applikabbli għall-UE kollha biex jiġi żgurat livell minimu ta' sanzjonijiet kriminali kontra l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed tuża setgħat ġodda skont it-Trattat ta’ Lisbona biex tinforza politika tal-UE permezz ta’ sanzjonijiet kriminali. Id-Direttiva proposta tesiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li r-reati kriminali ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq ikunu suġġetti għal sanzjonijiet kriminali. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jimponu sanzjonijiet kriminali għal każijiet ta’ abbuż tas-suq permezz ta’ inċitament u kumpliċità, kif ukoll għal każijiet fejn isiru attentati biex jitwettqu dawn lir-reati. Id-Direttiva tikkumplimenta l-proposta tal-lum għal Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq, li jtejjeb il-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE u jsaħħaħ is-sanzjonijiet amministrattivi.

Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, qalet: “Huwa essenzjali li f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, terġa’ tinkiseb il-kunfidenza taċ-ċittadini fis-swieq tagħna. Huwa għalhekk li llum il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li, bħala komplement għas-superviżjoni effikaċi tas-swieq, l-infurzar tar-regoli tal-UE kontra l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u kontra l-manipulazzjoni tas-suq jiġi msaħħaħ permezz tal-liġi kriminali. Fis-swieq finanzjarji tal-Ewropa ma għandux ikun hemm lok għal imġiba kriminali!"

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Is-sanzjonijiet eżistenti kontra l-abbuż tas-suq huma diverġenti wisq u ma għandhomx l-effett deterrenti neċessarju. Jekk nimponu sanzjonijiet kriminali kontra abbużi tas-suq serji fl-UE kollha nkunu qed nibagħtu messaġġ ċar li jiskoraġġixxi persuni milli jwettqu dawn ir-reati - jekk wieħed iwettaq reat ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata jew ta’ manipulazzjoni tas-suq dan jista’ jispiċċa l-ħabs u b’kondotta kriminali. Dawn il-proposti għandhom iżidu l-integrità tas-suq, jippromwovu l-kunfidenza tal-investituri u jwasslu għal kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. "

Id-definizzjoni ta’ reati kriminali fil-livell tal-UE

L-abbuż minn informazzjoni privileġġata jseħħ meta persuna li jkollha informazzjoni privileġġata li tista’ taffettwa l-prezzijiet tinnegozja fi strumenti finanzjarji relatati. Il-manipulazzjoni tas-suq isseħħ meta persuna timmanipula l-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji b’mod artifiċjali permezz ta’ prattiki bħalma huma t-tixrid ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa u n-negozjar fi strumenti relatati biex tiggwadanja minnhom. Kollettivament, dawn il-prattiki huma magħrufa bħala abbuż tas-suq.

Il-proposta għal Direttiva tiddefinixxi ż-żewġ reati - l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq – li l-Istati Membri għandhom iqisuhom bħala reati kriminali f'każ li dawn jitwettqu b'mod intenzjonali. F’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq, it-tranżazzjonijiet għal ċerti skopijiet huma esklużi minnu: programmi ta’ xiri lura u ta’ stabilizzazzjoni, attivitajiet ta’ politika monetarja u ta’ ġestjoni tad-dejn u attivitajiet li jikkonċernaw il-kwoti ta’ emissjonijiet li jsiru skont il-politika dwar il-klima.

Barra minn hekk, il-proposta tesiġi li l-Istati Membri jibdew iqisu l-każijiet ta’ abbuż tas-suq permezz ta’ inċitament u kumpliċità u l-każijiet ta’ manipulazzjoni tas-suq bħala reati kriminali, kif ukoll it-tentattivi biex jitwettqu dawn ir-reati. Ir-responsabbiltà kriminali jew dik mhux kriminali għandha tiġi estiża għall-persuni ġuridiċi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet kriminali imposti għal dawn ir-reati jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Il-proposta tinkludi klawżola ta’ reviżjoni li tesiġi li l-Kummissjoni, fi żmien erba’ snin minn meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-applikazzjoni tagħha u, fejn ikun meħtieġ, dwar il-ħtieġa li din tiġi riveduta, b’mod partikolari fir-rigward ta' kemm ikun xieraq li jiġu introdotti regoli minimi komuni dwar it-tipi u l-livelli tas-sanzjonijiet kriminali. Jekk ikun xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.

Din hija l-ewwel proposta leġiżlattiva li hija bbażata fuq l-Artikolu 83(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ regoli minimi komuni dwar il-liġi kriminali meta dan ikun essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta’ politika tal-UE armonizzata. Jirriżulta li s-sistemi ta’ sanzjonijiet applikati attwalment fl-Istati Membri għal reati ta’ abbuż tas-suq mhumiex effikaċi biżżejjed. Dawn is-sistemi mhux dejjem jużaw l-istess definizzjonijiet għal dawn ir-reati kriminali u huma diverġenti wisq bejniethom, tant li jippermettu lil min ikun jixtieq iwettaq abbużi japprofitta min-nuqqasijiet tagħhom.

Il-proposta tal-lum issegwi l-aproċċ stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn politika kriminali tal-Unjoni Ewropea – Li tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-20 ta’ Settembru 2011 (ara IP/11/1049). Din kienet tinkludi valutazzjoni, ibbażata fuq evidenza fattwali ċara, tas-sistemi ta’ infurzar nazzjonali li jintużaw u tal-valur miżjud ta’ standards minimi komuni tal-liġi kriminali fuq livell tal-UE, fejn tqiesu l-prinċipji tan-neċessità, proporzjonalità u sussidjarjetà.

Il-proposta tal-lum hija wkoll parti mis-segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-“Rinfurzar tar-Reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji” tat-8 ta’ Diċembru 2010 (ara IP/10/1678). Dan ippreveda l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għall-aktar vjolazzjonijiet serji tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji jekk u fejn dan jirriżulta essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta’ tali leġiżlazzjoni.

Il-passi li jmiss

Il-proposta issa tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, għan-negozjar u l-adozzjoni tagħha. Minn meta d-Direttiva tiġi adottata, l-Istati Membri jkollhom sentejn żmien biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.

Ara wkoll IP/11/1217 u MEMO/11/715

Għal aktar tagħrif:

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/barnier/

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site