Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-istampa

Azzjoni aktar ħarxa f'każijiet ta' "insider dealing" u ta' manipulazzjoni tas-suq

Brussell, l-20 ta’Ottubru 2011 – F'dawn l-aħħar snin is-swieq finanzjarji saru dejjem aktar globali, u dan irriżulta f'pjattaformi ta' negozjar ġodda u f'teknoloġiji ġodda. Dan sfortunatament wassal ukoll għal possibilitajiet ġodda ta' manipulazzjoni ta' dawn is-swieq. Bħala parti mill-ħidma tagħha biex is-swieq finanzjarji jkunu iktar sodi u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta għal Regolament dwar "insider dealing" [l-abbuż minn informazzjoni privileġġata] u manipulazzjoni tas-suq (jiġifieri l-abbuż tas-suq). Il-proposta għandha l-għan li taġġorna u ssaħħaħ il-qafas eżistenti sabiex ikunu żgurati l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur kif stipulati fid-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (2003/6/KE). Il-qafas il-ġdid se jiżgura li r-regolament ikun aġġornat mal-iżviluppi fis-suq, se jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq fis-swieq tal-komoditajiet u fis-swieq tad-derivati relatati, se jirrinforza s-setgħat investigattivi u ta' sanzjonar tar-regolaturi u se jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-emittenti li jkunu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u għas-Servizzi qal: "L-abbuż tas-suq mhuwiex reat mingħajr vittmi. Billi joħolqu t-tagħwiġ tal-prezzijiet tas-suq, l-"insider dealing" u l-manipulazzjoni tas-suq idgħajfu l-fiduċja tal-investituri u l-integrità tas-suq. Il-proposti tal-lum, billi jestendu u jsaħħu l-qafas leġiżlattiv tagħna, u billi jirrinfurzaw is-setgħat u s-sanzjonijiet li hemm għad-disponibbiltà tar-regolaturi, se jipprovdu lir-regolaturi bl-għodod meħtieġa sabiex is-swieq jinżammu f'saħħithom u trasparenti."

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tadatta r-regoli tal-UE għar-realtà ġdida tas-suq, notevolment billi testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għal strumenti finanzjarji nnegozjati biss fuq pjattaformi ġodda u negozjar barra l-borża (over the counter - OTC), li bħalissa mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE u billi tadatta r-regoli għal teknoloġiji ġodda. Il-proposta tippreċiża li l-abbuż tas-suq, kemm dak li jseħħ fis-swieq tal-komoditajiet kif ukoll dak fis-swieq tad-derivati relatati, huwa pprojbit, u tirrinforza l-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi finanzjarji u r-regolaturi tal-komoditajiet. Il-proposta tinkludi għadd ta' miżuri biex jiġi żgurat li r-regolaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu biex jindividwaw u jissanzjonaw l-abbuż tas-suq. Billi s-sanzjonijiet li hemm bħalissa għad-dispobibbilità tar-regolaturi ta' sikwit ikunu neqsin mill-effett deterrenti, il-proposta tintroduċi sanzjonijiet aktar iebsin flimkien ma' armonizzazzjoni akbar ta' dawn is-sanzjonijiet, inkluż possibbilment sanzjonijiet kriminali li huma s-suġġett ta' proposta separata iżda komplementari (ara wkoll IP/11/1218). Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib li l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni tal-UE jirrappreżentaw ostaklu għall-aċċess tas-swieq finanzjarji li ma jistax jiġi ssuperat mill-emittenti li jkunu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-proposta tadatta r-regoli għall-emittenti li jkunu SMEs f'diversi aspetti.

L-għanijiet tar-reviżjoni:

Aġġornament mal-iżviluppi tas-suq: Il-qafas regolatorju stabbilit bid-Direttiva oriġinali dwar l-Abbuż tas-Suq ġie ssuperat mit-tkabbir ta' pjattaformi ġodda ta' negozjar, negozjar barra l-borża (OTC) u teknoloġiji ġodda bħan-negozjar bi frekwenza għolja (high frequency trading - HFT). Il-proposta testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għal strumenti finanzjarji nnegozjati biss fuq faċilitajiet multilaterali ta' negozjar (multilateral trading facilities - MTFs), faċilitajiet ta' negozjar organizzati (organised trading facilities -OTFs) u OTC oħrajn b'tali mod li n-negozjar fuq il-pjattaformi kollha u tal-istrumenti finanzjarji kollha li jista' jkun li jkollhom impatt fuqhom issa se jkunu koperti minn leġiżlazzjoni dwar l-abbuż tas-suq. Il-proposta tikkjarifika wkoll liema strateġiji ta' HFT jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq ipprojbita, bħal pereżempju l-preżentazzjoni ta' ordnijiet mingħajr l-intenzjoni li jiġu nnegozjati iżda bil-għan li jfixklu s-sistema ta' negozjar ("quote stuffing"). Is-swieq tal-komoditajiet saru dejjem aktar globali u interkonnessi mas-swieq tad-derivati, u dan iwassal għal possibbiltajiet ġodda ta' abbuż tas-suq transkonfinali kif ukoll ta' abbuż bejn is-swieq. Għalhekk, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni qed jiġi estiż għall-abbuż tas-suq li jseħħ kemm fis-swieq tal-komoditajiet kif ukoll fis-swieq tad-derivati relatati.

Tisħiħ tas-setgħat investigattivi u ta’ sanzjonar tar-regolaturi: Il-proposta testendi r-rappurtar kurrenti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi wkoll għal ordnijiet suspettużi li ma jiġux eżegwiti jew tranżazzjonijiet suspettużi tal-OTC. Hija tagħti lir-regolaturi l-poteri biex jiksbu r-reġistri tat-telefonati u tat-traffiku tad-dejta mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni jew biex ikollhom aċċess għal dokumenti jew stabbilimenti privati fejn ikun hemm suspett raġonevoli ta' "insider dealing" jew ta' manipulazzjoni tas-suq. Hemm il-ħtieġa wkoll ta' mandat ġudizzjarju minn qabel għal aċċess għall-istabbilimenti privati. Il-proposta tesiġi wkoll li l-Istati Membri jipprovdu għall-protezzjoni tal-informaturi u tistabbilixxi regoli komuni li joffru inċentivi għar-rappurtar tal-informazzjoni dwar l-abbuż tas-suq. Fl-aħħar nett ġie introdott reat ġdid ta' '"tentattiv ta' manipulazzjoni tas-suq" sabiex ir-regolaturi jkunu jistgħu jimponu sanzjoni f'każijiet fejn xi ħadd jipprova jimmanipula s-suq imma mbagħad fil-fatt ma jirnexxilux jinnegozja.

Prinċipji komuni huma proposti, notevolment li l-multi m'għandhomx ikunu inqas mill-qligħ li jirriżulta mill-abbuż tas-suq fejn dan jista’ jiġi determinat, u li l-ogħla multa m'għandhiex tkun anqas mid-doppju tat-tali qligħ. B’mod parallel, proposta għal Direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għall-abbuż tas-suq tesiġi li l-Istati Membri jintroduċu sanzjonijiet kriminali għal reati ta’ "insider dealing" u tal-manipulazzjoni tas-suq fejn dawn huma kommessi intenzjonalment.

Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq l-emittenti li jkunu SMEs: Ir-rekwiżiti tal-iżvelar għall-emittenti fis-swieq tal-SMEs se jkunu adattati skont il-ħtiġijiet tagħhom, u l-emittenti f'dawn is-swieq se jiġu eżentati mir-rekwiżit li jfasslu elenki ta' "insiders", sakemm is-superviżur ma jitlobx mod ieħor. Il-limitu għar-rappurtar tat-tranżazzjonijiet tal-maniġers se jiġi indirizzat ukoll.

Il-passi li jmiss

Il-proposta issa tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għan-negozjar u l-adozzjoni. Ladarba jiġi adottat, ir-Regolament għandu jibda japplika 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dwar l-abbuż tas-suq

"Insider dealing" iseħħ minn persuna li tinnegozja fl-istrumenti finanzjarji filwaqt li hija jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni privileġġata li tista' taffettwa l-prezzijiet fir-rigward ta' dawk l-istrumenti. Il-manipulazzjoni tas-suq isseħħ meta persuna timmanipula artifiċjalment il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji permezz ta' prattiki bħat-tixrid ta' informazzjoni falza jew ta' xnigħat u billi tinnegozja fi strumenti relatati. Dawn il-prattiki flimkien huma magħrufa bħala abbuż tas-suq.

Ara wkoll MEMO/11/715

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/abuse/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website