Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-benessri tal-annimali: Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-projbizzjoni tal-gaġeġ tat-tiġieġ, inkella jissugraw li tittieħed azzjoni legali kontrihom

European Commission - IP/11/1216   20/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-benessri tal-annimali: Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-projbizzjoni tal-gaġeġ tat-tiġieġ, inkella jissugraw li tittieħed azzjoni legali kontrihom

Brussell, l-20 ta' Ottubru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum reġgħet appellat lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-projbizzjoni tal-gaġeġ mhux kundizzjonati (unenriched cages) għat-tiġieġ tal-bajd, li tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012, u wissiet li se tkun qed tadotta miżuri kontra dawk li jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

"Id-deċiżjoni politika għall-projbizzjoni ttieħdet fl-1999. Issa għaddew 12-il sena u l-qagħda f'xi Stati Membri hija rrappurtata bħala waħda xejn sodisfaċenti. Il-konsegwenzi fuq il-benessri tal-annimali u r-riskju tad-distorsjonijiet fis-suq jeżistu tabilħaqq. Dawn il-fatturi jxekklu l-investiment, l-isforzi li diġà saru b'rabta mal-konformità, kif ukoll il-fiduċja tal-konsumatur, u naturalment dan mhuwiex aċċettabbli," qal John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, waqt intervent fil-Kunsill tal-Agrikoltura, li ltaqa' llum u li ddiskuta l-kwistjoni. "Il-Kummissjoni," kompla jgħid, "m'għandhiex f'moħħha li ttawwal id-data sa meta trid tiġi implimentata l-projbizzjoni u mhix se toqgħod lura milli tiftaħ proċeduri ta' ksur fil-każijiet fejn jirriżultaw nuqqasijiet fil-konformità."

Il-Kummissarju Dalli ħabbar ukoll li esperti mis-servizz tal-ispezzjoni tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (l-FVO), minn Jannar tal-2012 se jibdew iżuru Stati Membri speċifiċi. Kull deċiżjoni b'rabta mal-proċeduri ta' ksur se tissejjes fuq dak li joħroġ minn dawn il-kontrolli.

Sfond

L-isforzi li saru biex titħaffef l-implimentazzjoni

F'dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni ħadet kull opportunità biex tfakkar lill-Istati Membri fir-responsabbiltà tagħhom rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Fost l-oħrajn, talbet lill-Istati Membri jressqu pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi, li jinkludu sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità, biex il-projbizzjoni tkun infurzata fiż-żmien stipulat. Bejn l-2008 u l-2010, l-FVO wettaq kontrolli f'20 Stat Membru u eżamina fiex inhi l-qagħda ta' infurzar f'dawn il-pajjiżi.

F'Diċembru tal-2010, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li ssostni l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni mingħajr dewmien u li tappella lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex tiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni.

F'Jannar ta' din is-sena, il-Kummissjoni organizzat laqgħa bejn bosta partijiet interessati biex jiddiskutu l-għażliet possibbli, hekk li tkun żgurata l-implimentazzjoni b'mod sħiħ tal-projbizzjoni fl-UE. Sabiex tippermetti studju xieraq ta' fiex waslet l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Istati Membri jibagħtu dejta dwar l-għadd ta' tiġieġ tal-bajd, ikkategorizzati skont is-sistema tat-trobbija, mhux iktar tard mill-1 ta' April 2011. Id-dejta wriet li, f'xi Stati Membri, sa tmiem is-sena xorta se jkun għad hemm tiġieġ tal-bajd f'gaġeġ mhux kundizzjonati.

X'hemm fin-nofs

Il-leġiżlazzjoni dwar l-istandards minimi għall-ħarsien tat-tiġieġ tal-bajd ilha teżisti mill-1999, meta l-Istati Membri tal-UE qablu mad-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni kif ukoll dwar perjodu ta' żmien sa meta kellhom jiġu konformi mar-rekwiżiti.

Skont il-leġiżlazzjoni, il-gaġeġ mhux kundizzjonati jridu jitneħħew għal kollox sal-1 ta' Jannar 2012. Minflok, iridu jeħdulhom posthom sistemi oħra li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet bijoloġiċi tal-annimali, kif ukoll dawk il-ħtiġijiet marbuta mal-imġiba tal-istess annimali. Il-gaġeġ mhux kundizzjonati lit-tiġieġ iħallulhom inqas spazju fejn jgħixu minn dawk kundizzjonati, u m'għandhomx ċerti strutturi, bħalma hi bejta jew passiġġiera, li jwasslu għal mod iktar uman ta' kif jitrabba dan it-tiġieġ.

Il-bżonn li l-gaġeġ mhux kundizzjonati jinbidlu huwa sostnut minn opinjoni tal-2005 maħruġa mill-EFSA dwar l-aspetti tal-benessri ta' bosta sistemi kif jitrabba t-tiġieġ tal-bajd.

Il-fondi għall-iżvilupp rurali biex jiġu aġġornati s-sistemi tat-trobbija fil-każ tat-tiġieġ tal-bajd ilhom disponibbli, imma huma biss ftit l-Istati Membri (ngħidu aħna, l-Irlanda) li użawhom biex ikun hemm aktar konformità mar-rekwiżiti legali. Xi Stati Membri tejbu s-sistemi ta' trobbija tagħhom anki qabel l-applikazzjoni tad-Direttiva. L-Isvezja (1999), il-Lussemburgu (2007), l-Awstrija (2009) u l-Ġermanja (2010) irreġistraw livell ta' konformità ta' 100% mad-dispożizzjonijiet legali.

L-UE, skont studju li sar fl-2010 mill-Parlament Ewropew, tistrieħ fuq il-produzzjoni tagħha stess tal-bajd bil-qoxra. L-importazzjonijiet tagħha jikkonċernaw, primarjament, prodotti ġejjin mill-bajd u l-kwantità qatt ma kienet verament sinfikanti.

Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiksbu tagħrif dwar it-tip ta' trobbija direttament minn fuq il-bajd. Ittimbrat direttament fuq il-qxur tal-bajd wieħed isib numru marbut mas-sistema ta' trobbija użata. Sa issa din hi l-unika sistema Ewropea eżistenti, marbuta mal-ittikkettjar, li tirreferi għat-tip ta' trobbija, u li hi mandatorja. Grazzi għal din is-sistema ta' klassifikazzjoni, l-UE rat żieda importanti fil-konsum ta' bajd ta' tiġieġ imrobbi fl-apert.

L-infurzar tad-Direttiva dwar it-tiġieġ tal-bajd (1999/74/KE) huma responsabbli minnu l-Istati Membri biss.

Għal aktar tagħrif, tista' tidħol hawn:

http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/farm/laying_hens_en.htm

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website