Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/120

Brussell, it-2 ta’ Frar 2011

Proposta tal-UE dwar id-dejta tal-passiġġieri fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u terroriżmu

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat proposta ta' Direttiva tal-UE dwar Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record - PNR) biex jiġu miġġielda l-kriminalità u t-terroriżmu. Il-proposta tobbliga lil-linji tal-ajru li jipprovdu lill-Istati Membri tal-UE dejta dwar passiġġieri li jkunu deħlin jew ħerġin mill-UE, filwaqt li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-privatezza u ta' dejta personali.

"Din il-proposta għal Direttiva tal-UE dwar il-PNR hija parti importanti tal-politika ta' sigurtà tal-UE. Huma meħtieġa regoli komuni tal-UE fil-ġlieda kontra kriminalità serja bħalma huma l-kuntrabandu tad-droga, it-traffikar tal-persuni kif ukoll it-terroriżmu, u sabiex jiġi żgurat li l-privatezza tal-passiġġieri tkun irrispettata u li jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha. Il-proposta titlob mill-Istati Membri li janonimizzaw id-dejta kollha tal-PNR li tinġabar", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni.

B'din il-proposta, il-Kummissjoni qed tfassal regoli komuni għall-Istati Membri tal-UE biex iwaqqfu sistemi nazzjonali tal-PNR.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li:

  • Il-kumpaniji tal-ajru jittrasferixxu dejta dwar il-passiġġieri li jkunu fuq titjiriet internazzjonali li jkollhom fis-sistemi ta' riżervazzjoni tagħhom lil unità apposta fl-Istati Membri fejn tasal jew min fejn titlaq it-titjira. L-Istati Membri janalizzaw u jżommu d-dejta għall-iskop ta' prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' offiżi serji kriminali u terroristiċi.

  • Ikun hemm protezzjoni qawwija tal-privatezza u tad-dejta personali. Id-dejta tal-PNR ma tkunx tista' tintuża għal xi skop ieħor ħlief dak li jiġu miġġielda offiżi serji ta' kriminalità u terroriżmu (limitazzjoni stretta tal-iskop). L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jridu jirrendu d-dejta anonima xahar wara t-titjira, u d-dejta m'għandhiex tinżamm għal aktar minn ħames snin b'kollox (perjodu qasir ta' żamma). Dejta sensittiva li tkun tista' tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjoni politika, jew it-twemmin reliġjuż qatt ma jistgħu jiġu trasferiti mil-linji tal-ajru lill-Istati Membri, jew ikunu b'xi mod użati minnhom. L-Istati Membri mhux se jkollhom aċċess għad-databases tal-linji tal-ajru, id-dejta tkun trid tintalab u tiġi mibgħuta lilhom mil-linji tal-ajru kkonċernati ('push method'). L-Istati Membri għandhom iwaqqfu unitajiet apposta biex jimmaniġġjaw id-dejta u jżommuha b'mod sikur u jaraw li dawk l-unitajiet ikunu sorveljati minn awtorità indipendenti ta' superviżjoni (ta' protezzjoni tad-dejta). Ikunu introdotti wkoll regoli ċari dwar id-dritt tal-passiġġieri li jingħataw tagħrif preċiż dwar il-ġbir ta' dejta tal-PNR, kif ukoll regoli li jagħtu lill-passiġġieri d-dritt li jkollhom aċċess, li jirranġaw, u li jħassru d-dejta tagħhom u li jingħataw kumpens u rimedji ġudizzjarji.

  • Ikun hemm regoli ċari dwar kif id-dejta għandha tiġi ttrasferita, pereżempju dwar kemm-il darba d-dejta tista' tiġi trasferita mil-linji tal-ajru lill-Istati Membri u s-sigurtà ta' tali trasferimenti, bil-għan li jiġi mnaqqas kemm jista' jkun l-impatt fuq il-privatezza u jiġu mminimizzati l-kosti għal-linji tal-ajru.

Sfond

Id-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) tikkonsisti minn informazzjoni pprovduta mill-passiġġieri u miġbura mil-linji tal-ajru waqt li jkunu qed isiru r-riżervazzjonijiet u l-ibbukkjar tal-biljetti u meta jkun qed isir iċ-check-in għat-titjiriet.

Fil-prattika, ħafna aġenziji tal-infurzar fl-Istati Membri diġà jiġbru dejta tal-PNR fuq bażi każ b'każ jew inkella titjira b'titjira. Il-proposta tal-Kummissjoni tkun tippermetti li jsir użu aktar sistematiku mid-dejta għat-titjiriet relevanti kollha, u li jinħoloq approċċ koerenti madwar l-Istati Membri kollha. Dan jevita livelli mhux uniformi tal-protezzjoni ta’ dejta personali kif ukoll jevita nuqqasijiet fis-sigurtà, iżjed spejjeż u inċertezza legali għal-linji tal-ajru u anke għall-passiġġieri.

L-ipproċessar tad-dejta tal-PNR taħt il-proposta jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-dejta kif stipulati fid-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-2008, u għaldaqstant se tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ta' dejta personali.

L-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja bħalissa jobbligaw lil-linji tal-ajru tal-UE li jpoġġu għad-dispożizzjoni tagħhom id-dejta tal-PNR għall-persuni kollha li jtiru lejn u minn dawk il-pajjiżi. L-esperjenza ta' dawk il-pajjiżi, u tal-Istati Membri tal-UE li jużaw id-dejta tal-PNR, tikkonferma li d-dejta tal-PNR hija neċessarja fil-ġlieda kontra atti serji ta' kriminalità u terroriżmu.

Din il-proposta tieħu post il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta' Qafas dwar l-użu ta' dejta tal-PNR tal-2007. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Lisbona, il-proposta tal-2007 kellha bżonn li tiġi ppreżentata mill-ġdid taħt ir-regoli tat-Trattat il-ġdid.

Il-passi li jmiss

Hu mistenni li jridu jgħaddu madwar sentejn biex il-proposta tiġi negozjata fil-Kunsill tal-Ministri u fil-Parlament Ewropew.

Għal iktar informazzjoni

Paġna ewlenija ta' Cecilia Malmström, Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/index_en.htm

Paġna ewlenija ta' DĠ Intern:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

MEMO/11/60


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website