Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Klassifika tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż): id-ditti ewlenin tal-UE jżidu l-investiment tagħhom fl-innovazzjoni, iżda għadhom lura mill-kompetituri

Brussell, it-18 ta' Ottubru 2011 – Il-"Klassifika tal-UE tal-Investiment Industrijali fir-R&Ż" turi li l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp mill-kumpaniji ewlenin tal-UE rkupra ferm fl-2010, b'żieda ta' 6.1 %, wara t-tnaqqis ta' 2.6 % li sar fl-2009. Madankollu, id-dejta għall-1 400 kumpanija ewlenija fid-dinja turi li l-kumpaniji tal-UE, meħudin flimkien, għadhom lura mill-kompetituri ewlenin mill-Istati Uniti u minn ċerti ekonomiji tal-Ażja fejn jidħol it-tkabbir tar-R&Ż. Fl-2010 kien hemm xejra pjuttost pożittiva, bl-investimenti globali fir-R&Ż jiżdiedu b'4 %, żieda li kienet tirrappreżenta rpiljatura soda wara t-tnaqqis ta' 1.9 % osservat fl-2009. Il-50 kumpanija ewlenija globali f'termini ta' investiment totali fir-R&Ż jinkludu 15-il kumpanija mill-UE, 18 mill-Istati Uniti u 13 mill-Ġappun. Żewġ kumpaniji farmaċewtiċi jinsabu fil-quċċata: Roche, mill-Iżvizzera (EUR 7.2 biljun), u warajha Pfizer, mill-Istati Uniti (EUR 7 biljun). Volkswagen (EUR 6.3 biljun), li tinsab fis-sitt post, hija l-ikbar investitriċi tal-UE fir-R&Ż, segwita minn Nokia (fil-11-il post, b'EUR 4.9 biljun), Daimler (fit-13-il post, b'EUR 4.8 biljun) u Sanofi-Aventis (l-14-il post, b'EUR 4.4 biljun).

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "L-irpiljatura fl-investiment fir-R&Ż mill-kumpaniji tal-UE hija sinjal pożittiv, aħna u nfittxu li nixprunaw it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa permezz tal-innovazzjoni. Madankollu, il-fatt li għadna lura minn ċerti kompetituri minn naħat oħra tad-dinja juri li rridu nkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet għan-negozju, skont il-miri tagħna ta' Unjoni tal-Innovazzjoni. Jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati mingħajr dewmien il-proposti riċenti u li ġejjin tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-privattiva unitarja, l-istandards, l-akkwist pubbliku u l-kapital ta' riskju."

Il-kumpaniji tal-Istati Uniti investew ħafna iktar fir-R&Ż minn dawk tal-UE fl-2010, b'żieda ta' 10 % (wara tnaqqis ta' 5.1 % fl-2009). Kumpaniji minn ċerti pajjiżi Ażjatiċi komplew juru tkabbir qawwi ferm fil-livelli tal-investiment fir-R&Ż, pereżempju b'29.5 % għall-kumpaniji Ċiniżi u b'20.5 % għal dawk mill-Korea t'Isfel. L-1 400 kumpanija fil-Klassifika ħaddmu iktar minn 40 miljun ruħ fl-2010, li jirrappreżenta żieda ta' 3 % meta mqabbel mal-2009. Analiżi tax-xejriet tal-aħħar tmien snin turi li t-tkabbir fl-impjieg fis-setturi ta’ R&Ż intensivi huwa ġeneralment ogħla minn ta' setturi oħrajn, u li jintlaqat inqas mit-tiġrif ekonomiku.

Iktar minn żewġ terżi tal-investiment fir-R&Ż tal-kumpaniji tal-Klassifika tal-UE ġej minn dawk li jinsabu fl-ikbar tliet Stati Membri, bil-kumpaniji mill-Ġermanja juru l-ogħla tkabbir f'sena (8.1 %). Dan huwa dovut l-aktar għal ftit kumpaniji tal-manifattura tal-karozzi (Daimler, Volkswagen u BMW). It-tkabbir fl-investiment fir-R&Ż tal-kumpaniji mir-Renju Unit kien ta' 5.8 %, qrib il-medja tal-UE, filwaqt li għall-kumpaniji Franċiżi kien ta' 3.8 %.

Fi Stati Membri oħra, l-ikbar partijiet tat-tkabbir fl-investiment fir-R&Ż jirrappreżentawhom ftit atturi kbar. Dawn jinkludu Novo Nordisk (27.3 %) u Vestas (49.8 %) fid-Danimarka, u Banco Santander (56.3 %), Telefónica (16 %) u Amadeus (33.2%) fi Spanja. Kumpaniji li qegħdin jikbru b'ritmu mgħaġġel, bħal TomTom (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-settur tat-tagħmir elettroniku, Autonomy (ir-Renju Unit) u Gameloft (Franza) fis-softwer, u Morphosys (il-Ġermanja) fil-bijoteknoloġija, jispikkaw bħala stejjer ta' suċċess li wrew prestazzjoni mill-aqwa fl-2010.

Sfond

Il-Klassifika tal-UE tal-Investiment Industrijali fir-R&Ż tiġi ppubblikata kull sena mill-Kummissjoni Ewropea (mid-DĠ għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka), u tipprovdi informazzjoni dwar l-1 400 kumpanija ewlenija fid-dinja (400 bbażati fl-UE u 1 000 minn barra l-UE) ikklassifikati skont l-investimenti tagħhom fir-R&Ż. Il-Klassifika tkejjel il-valur totali tal-investiment globali tagħhom fir-R&Ż, irrispettivament minn fejn isiru r-R&Ż rilevanti.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva. Il-pjan tal-Unjoni tal-Innovazzjoni jimmira li l-Ewropa tissarraf f'waħda mill-aqwa entitajiet tad-dinja fir-rendiment xjentifiku, u li jitneħħa x-xkiel għall-innovazzjoni – ngħidu aħna, l-ippatentar għali, it-tifrik tas-suq, il-pass kajman tal-istabbiliment ta' standards, u n-nuqqas ta' ħiliet – li bħalissa qed itellfu milli l-ideat jaslu malajr fis-suq. L-Unjoni tal-Innovazzjoni tfittex ukoll li ġġib rivoluzzjoni fil-mod ta' kif jaħdmu flimkien is-settur pubbliku u dak privat, speċifikament permezz ta' Sħubijiet għall-Innovazzjoni fost l-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, u n-negozji.

Għal aktar tagħrif, u biex tara l-klassifika sħiħa tal-50 kumpanija ewlenija, ara

MEMO/11/705.

Il-"Klassifika tal-UE għall-Investiment Industrijali fir-R&Ż" tal-2011, u rapporti oħra dwar il-Monitoraġġ u l-Analiżi tal-Investiment fir-Riċerka Industrijali (IRMA):

http://iri.jrc.ec.europa.eu/reports.htm

Għal aktar tagħrif dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings +32 2 29 63388

Monika Wcislo +32 2 29 55604


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website