Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

X'inhu "nanomaterjal"? Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ orizzonti ġodda b’definizzjoni komuni

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2011 – Skont rakkomandazzjoni adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea "nanomaterjali" huma materjali li l-kostitwenti ewlenin tagħhom ikollhom dimensjoni ta' bejn 1 u 100 minn biljun ta' metru. Id-dikjarazzjoni hija pass importanti lejn protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini, u tiddefinixxi b’mod ċar liema materjali jeħtieġu trattament speċjali f'leġiżlazzjoni speċifika.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Ninsab kuntent li nista’ ngħid li l-UE hija l-ewwel organizzazzjoni li ressqet denominazzjoni trasversali tan-nanomaterjali biex tintuża għall-finijiet regolatorji kollha. Aħna ħriġna b'definizzjoni soda bbażata fuq input xjentifiku u konsultazzjoni wiesgħa. F'dan is-settur ekonomiku importanti, l-industrija teħtieġ qafas regolatorju koerenti ċar u l-konsumaturi ħaqqhom informazzjoni preċiża dwar dawn is-sustanzi. Huwa pass importanti lejn l-indirizzar ta' kwalunkwe riskju possibbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, filwaqt li jiżgura li din it-teknoloġija ġdida tista' tilħaq il-potenzjal tagħha."

In-nanomaterjali diġà qed jintużaw f'mijiet ta' applikazzjonijiet u prodotti għall-konsumaturi li jvarjaw minn toothpaste sa batteriji, żebgħa u ħwejjeġ. L-iżvilupp ta' dawn is-sustanzi innovattivi huwa stimulu importanti għall-kompetittività Ewropea, u għandhom potenzjal sinifikanti għall-progress f'oqsma bħall-mediċina, il-ħarsien tal-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Iżda minħabba li jibqgħu l-inċertezzi dwar ir-riskji li joħolqu, tenħtieġ definizzjoni ċara sabiex tiżgura li japplikaw ir-regoli xierqa dwar is-sikurezza tal-kimika. Id-definizzjoni se tgħin lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, minħabba li hija toħloq koerenza fil-varjetà tad-definizzjonijiet li qed jintużaw bħalissa f'setturi differenti. Id-definizzjoni se tiġi riveduta fl-2014 fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku.

Ir-rakkomandazzjoni tissodisfa wkoll l-impenn magħmul fl-2009 lill-Parlament Ewropew biex tinħareġ definizzjoni waħda li tkun applikabbli b'mod ġenerali għal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE kkonċernata min-nanomaterjali.

Id-definizzjoni adottata llum hija bbażata fuq approċċ li jikkunsidra d-daqs tal-partiċelli kostitwenti ta’ materjal, aktar milli l-periklu jew ir-riskju. Il-kliem jiddeskrivi n-nanomaterjali bħala "materjal naturali, inċidentali jew immanifatturat li fih partiċelli, fi stat mhux irregolat jew aggregat jew magħqud u fejn, għal 50 % jew iktar mill-partiċelli fid-distribuzzjoni tad-daqs tan-numru, dimensjoni esterna waħda jew iktar tkun tvarja minn 1 nm – 100 nm fil-qies."

Id-definizzjoni hija bbażata fuq parir xjentifiku mill-Kumitat Xjentifiku tal-Preżenza u l-Identifikazzjoni ta' Riskji Sanitarji Ġodda (SCENIHR) u miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC). Abbozz ta’ verżjoni tad-definizzjoni kien suġġett għal konsultazzjoni pubblika.

Sfond

Bħalissa, in-nanomaterjali huma mmexxija minn varjetà ta' strumenti leġiżlattivi fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali. Madankollu, id-definizzjonijiet ġew żviluppati fuq bażi individwali u jvarjaw skont is-setturi, u b'hekk joħolqu piżijiet żejda għall-industrija u jfixklu d-dibattitu pubbliku dwar ir-riskji u l-benefiċċji ta' dawn is-sustanzi. Din ir-rakkomandazzjoni tagħti lil-leġiżlaturi tal-UE referenza legali għan-nanomaterjali, meta jadottaw leġiżlazzjoni ġdida jew meta jimplimentaw leġiżlazzjoni eżistenti.

L-esperjenza tal-ewwel skadenza tar-reġistrazzjoni (it-30 ta' Novembru 2010) skont ir-REACH, il-politika ewlenija tal-UE dwar il-kimika, uriet li l-kumpaniji kienu jeħtieġu iktar ċarezza dwar l-obbligi tagħhom fir-rigward tan-nanomaterjali. REACH għandha rwol ewlieni biex tiġġenera informazzjoni dwar il-kwalitajiet tan-nanomaterjali bħala sustanzi kimiċi. Bid-definizzjoni adottata se jkun eħfef għall-kumpaniji biex jivvalutaw id-dokumenti tar-reġistrazzjoni tagħhom u jiddeterminaw eżattament meta għandhom jikkunsidraw il-prodotti tagħhom bħala nanomaterjali.

Għal iktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/chemicals/nanotech/index.htm

MEMO/11/704

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website