Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Il-Kummissjoni tadotta pjan li jagħti spinta ta’ EUR 50 biljun lin-netwerks Ewropej

European Commission - IP/11/1200   19/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Il-Kummissjoni tadotta pjan li jagħti spinta ta’ EUR 50 biljun lin-netwerks Ewropej

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea llum ressqet pjan li se jiffinanzja EUR 50 biljun ta’ investiment biex jittejbu n-netwerks tat-trasport, l-enerġija u dawk diġitali tal-Ewropa. Investimenti mmirati f’infrastrutturi kruċjali se jgħinu biex jinħolqu impjiegi u jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa fi żmien meta l-Ewropa teħtieġha l-aktar. Il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" se tiffinanzja proġetti li jimlew il-konnessjonijiet neqsin fis-sinsla tal-enerġija, tat-trasport u dik diġitali tal-Ewropa. Se tagħmel ukoll l-ekonomija tal-Ewropa aktar ekoloġika billi tippromwovi mezzi tat-trasport aktar nodfa, konnessjonijiet tal-broadband b'veloċità għolja u tiffaċilita l-użu ta’ enerġija rinnovabbli f' konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk il-finanzjament għal netwerks tal-enerġija se jkompli jintegra s-suq intern tal-enerġija, inaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. Biex jassistu l-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni adottat ukoll it-termini għal Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti li se tkun waħda minn numru ta' strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji li fuqhom il-faċilità tista’ tiddependi sabiex tattira finanzjament privat fil-proġetti. Il-fażi pilota se tibda mis-sena d-dieħla.

Billi tiffoka fuq netwerks tat-trasport, l-enerġija u dawk diġitali li jkunu intelliġenti, sostenibbli u interkonnessi bis-sħiħ, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tgħin biex jitlesta s-suq uniku Ewropew. Il-Kummissjoni identifikat proġetti fejn l-investiment addizzjonali tal-UE jista’ jkollu l-akbar impatt. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistenna li l-investimenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jaġixxu bħala katalist għal finanzjament ulterjuri mis-settur privat u pubbliku billi tagħti kredibbiltà lill-proġetti infrastrutturali u jitbaxxew il-profili tar-riskju tagħhom. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni, fidila lejn l-impenn tagħha biex toħloq sinerġiji u simplifikazzjoni tar-regoli, qed tipproponi strument ta’ finanzjament uniku għat-tliet setturi tan-netwerks.

Il-President José Manuel Barroso qal: “Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Inizjattiva tal-Bonds għall-Proġetti huma dimostrazzjoni perfetta tal-valur miżjud li l-Ewropa tista' tipprovdi. Dawn il-proposti se jgħinu sabiex jinbnew it-toroq, il-linji tal-ferroviji, in-netwerks u l-pajpijiet tal-enerġija, u n-netwerks tal-broadband li huma daqshekk importanti għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna. Aħna qed nagħlqu l-konnessjonijiet nieqsa fin-netwerks infrastrutturali tal-Ewropa li kieku ma kinux jinbnew. Dan l-investiment se jiġġenera tkabbir u impjiegi u fl-istess ħin jagħmel ix-xogħol u l-ivvjaġġar aktar faċli għal miljuni ta' ċittadini u negozji Ewropej"

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se timmobilizza aħjar finanzjamenti privati u tippermetti strumenti finanzjarji innovattivi bħal garanziji u bonds tal-proġetti sabiex jingħataw l-akbar influwenza minn din l-injezzjoni ta’ finanzjament mill-UE. Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mill-qrib mal-BEI biex tieħu vantaġġ mill-interess tal-investituri fis-suq f’opportunitajiet ta’ investiment fit-tul bi dħul stabbli. .

Nikkollegaw l-Ewropa: It-Trasport

Il-Faċilità Nikkollegaw L-Ewropa se tinvesti EUR 31,7 biljun biex taġġorna l-infrastruttura tat-trasport tal-Ewropa, tibni l-konnessjonijiet nieqsa u tneħħi l-ostakli. Dan jinkludi EUR 10 biljun imwarrbin fil-Fondi tal-Koeżjoni għal proġetti tat-trasport fil-pajjiżi ta' koeżjoni, bil-bqija tal-21,7 biljun disponibbli għall-Istati Membri kollha biex jinvestu fl-infrastruttura tat-trasport. L-idea hi li jittejbu r-rabtiet bejn partijiet differenti tal-UE, biex jagħmluha aktar faċli għal pajjiżi differenti biex jiskambjaw oġġetti u nies ma’ xulxin.

Billi tiffoka fuq il-modi tat-trasport li jniġġsu anqas, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se timbotta s-sistema tat-trasport tagħna biex issir aktar sostenibbli. Se tagħti wkoll lill-konsumaturi aktar għażla dwar kif jixtiequ jivvjaġġaw.

Is-sistemi tat-trasport fl-Ewropa żviluppaw tradizzjonalment skont il-linji nazzjonali. L-UE għandha rwol kruċjali x’taqdi fil-koordinazzjoni bejn Stati Membri fl-ippjanar, il-ġestjoni u l-finanzjament ta' proġetti transkonfinali. Netwerk li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali għall-operazzjoni mingħajr tfixkil tas-suq uniku u jagħti spinta lill-kompetittività. Il-Kummissjoni pproponiet li toħloq kurituri biex tkopri l-proġetti transkonfinali l-aktar importanti. Kien stmat li sa l-2020, se jkunu meħtieġa EUR 500 biljun biex iseħħ netwerk tassew Ewropew, inklużi EUR 250 biljun biex telimina l-ostakoli u jitlestew il-konnessjonijiet nieqsa fin-netwerk prinċipali.

Nikkollegaw l-Ewropa: L-Enerġija

Is-settur tal-enerġija jista’ jistenna EUR 9,1 biljun investiti fl-infrastruttura trans-Ewropea, li jgħinu biex jintlaħqu għanijiet tal-enerġija u l-klima tal-UE għall-2020. Iċ-CEF se tgħin ukoll biex jitneħħew nuqqasijiet finanzjarji u ostakli fin-netwerks. Is-suq intern għall-enerġija se jiġi żviluppat aktar permezz ta’ interkonnessjonijiet aħjar, li jwasslu għal sigurtà fil-provvista u l-possibbiltà li tiġi trasportata l-enerġija rinnovabbli b’mod finanzjarjament effikaċi matul l-UE. Kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-kumpaniji għandhom bżonn li jkunu jistgħu jserrħu rashom minn enerġija li tkun disponibbli dejjem u bi prezz raġonevoli. Il-flus minn Nikkollegaw l-Ewropa se jaġixxu bħala influwenza għal aktar fondi minn investituri privati u pubbliċi oħrajn.

Nikkollegaw l-Ewropa: It-Telekomunikazzjoni u l-ICT

Il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” tipprevedi kważi EUR 9,2 biljun biex jappoġġjaw l-investiment f'netwerks tal-broadband b’veloċità għolja u għolja ħafna u servizzi diġitali pan-Ewropej.

Il-finanzjament CEF se jinfluwenza flus privati u pubbliċi oħrajn, billi tingħata l-kredibilità lill-proġetti tal-infrastruttura u jitbaxxew il-profili tar-riskju tagħhom. Abbażi ta' stimi konservattivi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-finanzjament tal-infrastruttura tan-netwerks jista’ jistimula investiment li jiswa aktar minn EUR 50 biljun. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa stabbiliet miri għall-2020 għal aċċess broadband għall-veloċitajiet kollha ta’ mill-anqas 30 Mbps, b’mill-anqas 50% tad-djar li jabbonaw għal veloċitajiet ‘il fuq minn 100 Mbps.

Fir-rigward tas-servizzi diġitali, il-flus jintużaw għal għotjiet biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa għat-tnedija tal-e-ID, l-eProcurement, ir-reġistri elettroniċi tal-kura tas-saħħa, l-Europeana, l-eJustice u s-servizzi relatati mad-dwana. Il-flus iservu biex tiġi żgurata l-interoperabilità u jintlaħqu l-ispejjeż tat-tmexxija tal-infrastruttura fil-livell Ewropew, li jgħaqqdu l-infrastrutturi tal-Istati Membri.

Finanzjament Innovattiv u l-Inizjatttiva tal-Bonds għall-Proġetti

Il-Baġit tal-UE huwa element prinċipali ta’ sostenn għall-aġenda tat-tkabbir u għas-suċċess tal-miri tal-politika tal-Ewropa 2020. L-użu aktar b’saħħtu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi huwa meħtieġ biex jimmultiplika l-involviment tal-Baġit tal-UE. L-Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti, iddisinjata għal din ir-raġuni, għandha għan doppju: biex tqajjem mill-ġdid is-swieq tal-bonds u tgħin lill-promoturi ta’ proġetti tal-infrastruttura individwali biex jiġbdu finanzjament tad-dejn mis-setturi privati fit-tul. L-Inizjattiva tal-Bonds għall-Proġetti tistabbilixxi mezz biex jitnaqqas ir-riskju għal investituri ta’ parti terza li jkunu qed ifittxu opportunitajiet ta’ investiment fit-tul. B’hekk taġixxi bħala katalist biex tiftaħ mill-ġdid is-suq kapitali tad-dejn (li attwalment huwa ġeneralment mhux sfruttat għal investimenti tal-infrastruttura wara l-kriżi finanzjarja) bħala sors sinifikanti ta’ finanzjament fis-settur tal-infrastruttura.

Il-Kummissjoni qed tipproponi t-tnedija ta’ fażi pilota fil-perjodu tal-2012-2013, xorta fi ħdan il-Qafas Finanzarju Multiannwali attwali. Il-fażi pilota se tkun ibbażata fuq emenda tar-Regolament dwar in-Netwerks Trans-Ewropej (TEN) u d-Deċiżjoni dwar il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u se tieħu sa total ta’ EUR 230 miljun mill-intestaturi tal-baġit ta’ dawn il-programmi.

Bħall-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji u l-istrument ta’ Garanzija għal Self għal proġetti ta’ Trasport TEN, il-baġit tal-UE jiġi użat biex jipprovdi kontribuzzjonijiet kapitali lill-BEI sabiex ikopri parti mir-riskju li jieħu l-BEI meta jiffinanzja l-proġetti eleġibbli. Filwaqt li l-baġit tal-UE se jnaqqas ir-riskju għall-BEI li jiffinanzja l-proġetti ta' bażi, il-BEI ikopri l-bqija tar-riskju. Meta l-fondi tal-baġit tal-UE jingħaqdu mal-finanzjament tal-BEI, il-baġit totali li jammonta għal EUR 230 miljun huwa mistenni jimmobilizza l-investimenti li jaslu sa EUR 4,6 biljun.

Fil-fażi pilota, l-idea hi li tiffoka fuq 5-10 proġetti, tikkonċentra fuq dawk li huma f’fażi relattivament żviluppata tal-proċess tal-offerti u finanzjament jew li jeħtieġu finanzjament mill-ġdid wara l-fażi ta’ kostruzzjoni, f’settur wieħed jew aktar mit-tliet setturi mmirati tat-trasport, l-enerġija u l-broadband.

Il-fażi pilota tiġi ġestita mill-BEI.

Sfond

Il-pakkett Nikkollegaw l-Ewropa jimplimenta l-impenji magħmula mill-Kummissjoni fil-proposti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali mid-29 ta’ Ġunju 2011. Il-pakkett ta' proposti adottati llum jikkonsisti minn:

  • Komunikazzjoni chapeau fuq pakket ta’ tkabbir dwar l-infrastrutturi Ewropej integrati.

  • Komunikazzjoni dwar strateġija pilota għall-Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti, b’fażi pilota li tibda fl-2012.

  • Komunikazzjoni dwar qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji innovattivi – il-pjattaformi tal-ekwità u d-dejn tal-UE

  • Proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

  • Proposta għal regolament dwar linji gwida għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport

  • Proposta għal regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea

  • Proposta għal regolament dwar linji gwida għal netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej

It-testi sħaħ tal-proposti jinstabu fuq:

http://ec.europa.eu/budget/reform/commission-proposals-for-the-multiannual-financial-framework-2014-2020/index_en.htm

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/11/707: Proġett pilota għall-Inizjattiva tal-Bonds Ewrpa 2020 għall-Proġetti- proposta leġiżlattiva adottata mill-Kummissjoni

MEMO/11/710: Il-pakkett dwar l-infrastruttura tal-Enerġija dwar il-Kummissjoni

MEMO/11/706: Nikkollegaw l-Ewropa: in-netwerk prinċipali l-ġdid tat-trasport fl-UE

MEMO/11/709: L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tipproponi ‘il fuq minn EUR 9 biljun għall-investiment fil-broadband.

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website