Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: il-mowbajls intelliġenti u r-remote controls sempliċi jgħinu lill-anzjani u lin-nies b’abbiltajiet imnaqqsa fil-ġestjoni tad-djar tagħhom

European Commission - IP/11/11   06/01/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/11

Brussell, is-6 ta’ Jannar 2011

L-Aġenda Diġitali: il-mowbajls intelliġenti u r-remote controls sempliċi jgħinu lill-anzjani u lin-nies b’abbiltajiet imnaqqsa fil-ġestjoni tad-djar tagħhom

Bis-saħħa ta’ finanzjament ta’ EUR 2 7 miljun mill-UE, riċerkaturi mir-Repubblika Ċeka, mill-Ġermanja, mill-Polonja, minn Spanja u mill-Isvezja żviluppaw soluzzjoni li toffri lill-anzjani u lin-nies b’abbiltajiet imnaqqsa kontroll aktar faċli fuq id-diversi apparati u servizzi elettroniċi f’djarhom bl-użu tal-mowbajls jew tagħmir ieħor. Il-proġett "I2HOME" żviluppa interfejs personalizzat u simplifikat imsejjaħ Universal Remote Console ibbażat fuq standards miftuħa eżistenti u li jinsabu fil-proċess ta’ evoluzzjoni. Dan l-interfejs jista’ jkun imdaħħal f’remote control universali, f’mowbajl, f’kompjuter jew apparat ieħor u jista’ jintuża, pereżempju, biex jinxtegħlu u jiġu pprogrammati l-magni tal-ħasil, id-dawl, it-tisħin, l-arja kkundizzjonata, it-televixins, id-DVD plejers/reġistraturi u apparat domestiku ieħor. It-teknoloġija tista’ wkoll tiġi applikata barra d-dar. L-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet b’appoġġ għall-anzjani u għal dawk neqsin mid-dawl jew b’diżabilità konjittiva biex ikollhom ħajja indipendenti dinjituża u ta’ kwalità għolja huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2010 (IP/10/581, MEMO/10/199, MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Ninsab kuntenta ħafna li proġetti ffinanzjati mill-UE bħall-I2HOME jistgħu jagħmlu użu mit-teknoloġiji tal-informazzjoni biex jissimplifikaw il-ħajja għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi l-anzjani, dawk b’abbiltajiet imnaqqsa u dawk neqsin mid-dawl."

Hekk kif ikompli jiżdied il-bejgħ tat-televixins, tad-DVD plejers u ta’ apparat domestiku ieħor, l-interfejsis li permezz tagħhom dawn jitħaddmu qed jiġu dejjem aktar iddisinjati biss għall-konsumaturi li jifhmu fit-teknoloġija jew li huma mgħarrfa fil-qasam digitali. B’riżultat ta’ dan, ħafna nies isibuha diffiċli biex jużaw it-teknoloġiji moderni fi djarhom. Sakemm ma negħlbux din il-problema, dawn in-nies se jkunu dejjem aktar ostakolati milli jipparteċipaw fi u jibbenefikaw bis-sħiħ mis-soċjetà diġitali.

Riċerkaturi fl-universitajiet, fl-istituti u f’kumpaniji fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Portugall, fi Spanja u fl-Isvezja allinjaw it-teknoloġija tal-aċċess, bħar-remote controls, għall-ħtiġijiet tan-nies neqsin mid-dawl, nies b’diżabilità konjittiva, pazjenti b’Alzheimer u l-anzjani. Biex nieħdu eżempju, it-teknoloġija tgħin lin-nies b’diżabilitajiet konjittivi biex ikunu aktar indipendenti billi tagħmilha aktar faċli biex dawn iwettqu azzjonijiet bħall-bdil tal-kanal tat-televixin jew biex jiġu mfakkra dwar attivititajiet ta’ kuljum, ukoll meta ikunu qegħdin jivvjaġġaw jew iżuru lill-familjari tagħhom. Għan-nies neqsin mid-dawl, il-kmandi viżivi huma sostitwiti b’interfejs bil-vuċi.

Bis-saħħa tal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-istandard ISO miftuħ għal Universal Remote Consoles flimkien ma’ gwida personalizzata, is-soluzzjoni I2HOME tipproponi interfejs tal-utent personalizzat u konsistenti li fl-istess ħin topera u tikkontrolla apparati u servizzi differenti bħat-tisħin, l-arja kkundizzjonata u l-ventilazzjoni, cookers, magni tal-ħasil, dishwashers u dwal.

Il-proġett I2HOME ġie ttestjat fl-ambjenti taċ-ċentri tal-assistenza ta’ filgħodu u tad-djar f’4 postijiet pilota fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Spanja u fl-Isvezja u aktar minn 100 organizzazzjoni u kumpanija fl-Ewropa diġà jużaw jew jaħdmu bit-teknoloġija I2HOME.

Applikazzjonijiet oħrajn ta’ din it-teknoloġija qed jintużaw fil-proġett iffinanzjat mill-UE BrainAble li jgħin ukoll lin-nies b’diżabilitajiet billi jtejjeb l-interazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta permezz ta’ apparati mħaddma b’sensuri ċerebrali li għandhom il-kapaċità li jkejlu sentimenti bħal dwejjaq, konfużjoni, frustrazzjoni jew informazzjoni żejda.

It-teknoloġija I2HOME hija applikata fl-iffrankar tal-enerġija permezz ta’ proġetti bħal Smart Energy for All (SEFA). Billi dan il-proġett iħeġġeġ is-sostenibbiltà, SEFA għandu fil-mira tiegħu t-tnaqqis tal-impront ekoloġiku fl-enerġija tal-kumpaniji u taċ-ċittadini billi jipprovdi console li jippermetti l-monitoraġġ ċentrali u l-kontroll tal-aspetti kollha tal-konsum tal-enerġija u tal-ilma.

Il-kuntest

L-I2HOME kien iffinanzjat taħt is-Sitt Programm Kwadru għar-riċerka tal-UE. L-UE allokat EUR 2.7 miljun għall-I2HOME.

Aktar tagħrif dwar l-I2HOME:

http://www.i2home.org/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website