Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi kampanja dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi

European Commission - IP/11/1196   17/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tniedi kampanja dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi

Varsavja, is-17 ta’ Ottubru 2011 – Illum tnediet il-kampanja tal-UE "Generation Awake. Your choices make a world of difference!", li hija ddiżinjata biex tinkoraġġixxi ’l-konsumaturi jieħdu d-drawwa li jagħmlu użu effiċjenti tar-riżorsi. Il-kampanja ġiet inawgurata mill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik u mill-Ministru Pollakk għall-Ambjent, Andrzej Kraszewski. L-għan tal-kampanja huwa li toħloq għarfien dwar l-użu bil-għaqal tar-riżorsi naturali, u li ċ-ċittadini jkunu inkoraġġiti jirriflettu dwar l-impatt tagħhom fuq il-pjaneta meta jieħdu deċiżjonijiet huma u jixtru.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-ekonomija tagħna tinsab f’diffikultà u r-riżorsi qegħdin jonqsu, għalhekk wasal il-mument li nirriflettu mill-ġdid dwar uħud mill-użanzi tagħna. L-użu tar-riżorsi b’mod aktar prudenti ma jgħinx biss biex jitħares l-ambjent, iżda jiffranka l-flus u jnaqqas l-ispejjeż tan-negozji. Hija kwistjoni ta’ li wieħed jagħmel aktar billi juża anqas. Kulħadd jista’ jagħti sehmu. Irridu nqumu fuq tagħna!"

Generation Awake

Il-messaġġ ewlieni huwa 'ikkonsmaw mod ieħor, u qisu qabel ma tagħżlu'. Billi nagħmlu l-għażliet it-tajba, ilkoll nistgħu ngħinu biex nippreżervaw ir-riżorsi naturali, niffrankaw il-flus, innaqqsu l-impatt tagħna fuq l-ambjent u nagħmlu l-ġejjieni tagħna aktar sostenibbli.

L-għodod prinċipali huma 'viral clip' (filmat li jinfirex malajr permezz tal-internet), sit elettroniku ddedikat, u paġna fuq il-Facebook fejn il-viżitaturi huma inkoraġġiti jissieħbu fil-kampanja "Generation Awake'' u jilqgħu l-isfidi, ngħidu aħna billi jużaw it-trasport pubbliku biss għal xahar jew billi jnaqqsu l-ħin ta’ xawer biex jiffrankaw l-ilma.

Il-kampanja, li hija mifruxa mal-Ewropa kollha, qed tiġi mnedija fil-Polonja, li attwalment għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE. L-avveniment tat-tnedija f’Varsavja jikkonsisti f’padiljun fejn il-viżitaturi ser jingħataw pariri dwar it-tisjir sostenibbli, il-moda u l-użu effiċjenti tal-enerġija, u se jkun hemm ukoll dibattitu pubbliku bit-tema "L-għażliet tiegħek jistgħu jagħmlu differenza enormi", bis-sehem ta’ Janez Potočnik, il-Ministru Kraszewski, u rappreżentanti tal-NGOs u s-settur privat.

Avvenimenti oħra ta’ tnedija ser jittellgħu din is-sena fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u r-Renju Unit.

Sfond għall-kampanja: għaliex l-użu effiċjenti tar-riżorsi?

L-użu effiċjenti tar-riżorsi jfisser kif wieħed juża r-riżorsi b'mod sostenibbli – wieħed jagħmel aktar billi juża anqas u billi jiġu minimizzati l-impatti fuq l-ambjent. Hija dwar kif wieħed jagħmel l-għażliet it-tajba biex tiġi żgurata kwalità tajba ta' ħajja, mhux biss għalissa, iżda għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi huwa l-uniku mezz biex wieħed jikseb is-saħħa, il-ġid u l-benessri li lkoll nimmiraw li nilħqu fil-limitazzjonijiet tal-pjaneta tagħna. Li wieħed isir effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jfisser bidla fil-mod ta’ kif wieħed jaħsibha u bidla fix-xejriet tal-imġiba, u li wieħed iqis kif l-għażliet tiegħu jaffettwaw ir-riżorsi naturali. Mhijiex kwistjoni ta’ anqas konsum – hija kwistjoni ta’ konsum mod ieħor.

Il-futur tagħna jiddependi minn kif nużaw ir-riżorsi issa. Fiż-żelu tagħna biex intejbu l-livell tal-għajxien tagħna, ikollna t-tendenza li nikkunsmaw mingħajr ma naħsbu dwar il-konsegwenzi. Ninsew l-impatt tal-imġiba tagħna fuq ir-riżorsi naturali bħalma huma l-ilma, il-ħamrija għammiela, l-arja nadifa u l-bijodiversità. U dan kollu għandu prezz: minħabba li dawn ir-riżorsi qed jonqsu, qed nipperikolaw il-benessri tagħna fil-ġejjieni.

In-negozji jistgħu jużaw din l-opportunità għall-vantaġġ tagħhom. Meta l-effiċjenza tiżdied, din tiffranka l-ispejjeż. Il-prodotti sostenibbli u s-servizzi ġodda jiftħu swieq ġodda. L-innovazzjoni tista’ tkattar il-kompetittività u toħloq impjiegi ġodda.

Aktar dettalji dwar is-sit elettroniku tal-kampanja, b'diversi lingwi: www.generationawake.eu

Fimat "Generation Awake": http://www.youtube.com/user/GenerationAwake

Ara wkoll http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/index_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website