
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa
Il-politika tal-iżvilupp tal-UE: Il-Kummissjoni ser iżżid l-impatt tal-għajnuna, tikkonċentra fuq anqas setturi, tiffoka fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn
Brussell, it-13 ta' Ottubru 2011 – L-UE se tfassal prijoritajiet ġodda għat-twassil tal-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex tiżgura l-impatt massimu fit-tnaqqis tal-faqar. Illum, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, ippreżenta 'L-Aġenda għall-Bidla' tal-politika tal-Iżvilupp tal-UE, kif ukoll politika ġdida dwar għajnuna mill-baġit tal-UE. Dawn il-komunikazzjonijiet stipulaw approċċ tal-UE aktar strateġiku sabiex jitnaqqas il-faqar, anki permezz ta' allokazzjoni aktar iffukata tal-fondi.
L-infiq futur tal-UE għandu jikkonċentra fuq setturi li huma essenzjali għal tkabbir fit-tul u inklussiv, pajjiżi speċifiċi li għandhom l-aktar bżonn ta' sostenn estern, u fejn l-għajnuna tista' tagħmel differenza.
"L-UE, li tirrappreżenta aktar minn 50% tal-għajnuna globali, diġà hija l-akbar donatur fid-dinja. Irrid niżgura li tibqa' wkoll l-aktar waħda effettiva" qal il-Kummissarju tal-UE Piebalgs. Hu żied jgħid li: "Irridu nżommu l-pass mar-realtajiet li qed jevolvu fid-dinja u nadattaw il-mod kif niġġieldu l-faqar. Għalhekk illum qed nipproponi li nerġgħu niffukaw il-prijoritajiet tal-għajnuna, sabiex inqabbdu lill-pajjiżi t-triq tat-tkabbir sostenibbli u inklussiv. Irrid niżgura li kull euro jilħaq lil dawk li l-aktar għandhom bżonnu. Il-ġlieda kontra l-faqar f'pajjiżi barra hija "polza ta' assigurazzjoni" tal-UE għal dinja aktar stabbli u għanja. "
Governanza tajba, agrikoltura u sigurtà tal-provvista tal-ikel, kif ukoll enerġija nadifa
L-għajnuna tal-UE għandha tiffoka fuq setturi li qed jippreparaw il-pedament tat-tkabbir inklussiv u sostenibbli. Dawn jinkludu:
Governanza tajba, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-irwol tas-soċjetà ċivili u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,
Protezzjoni soċjali, saħħa u edukazzjoni,
Appoġġ lil ambjent kummerċjali favorevoli u integrazzjoni reġjonali aktar profonda,
Agrikoltura sostenibbli u enerġija nadifa, għajnuna sabiex jiġu pprovduti salvagwardji kontra xokkijiet esterni u biex l-isfidi tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u t-tibdil fil-klima jinbidlu f'opportunitajiet għal tkabbir.
Sabiex tiġġenera aktar riżorsi, l-UE se tesplora modi innovattivi sabiex tiffinanzja l-iżvilupp, bħall-amalgamazzjoni bejn għotjiet u self.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-UE u lill-Istati Membri sabiex flimkien jippreparaw strateġiji u programmi (hekk imsejħa "programmar konġunt") u biex jaqsmu l-ħidma bejniethom aħjar sabiex tiżdied l-effettività tal-għajnuna.
Approċċ kuntrattwali ġdid għal għajnuna mill-baġit tal-UE.
Parti sinifikanti mill-għajnuna tal-UE hija mogħtija f'forma ta' appoġġ baġitarju: trasferimenti finanzjarji lill-baġits tal-gvernijiet fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, flimkien ma' djalogu dwar politiki, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-bini tal-kapaċità. Il-Kummissjoni tipproponi approċċ tal-UE li jagħmel lill-għajnuna baġitarja iktar effettiva u effiċjenti fit-twassil ta' riżultati tal-iżvilupp billi ssaħħaħ is-sħubijiet kuntrattwali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
"Kuntratt ta' Governanza Tajba u Żvilupp" se jiġi stipulat sabiex jipprovdi appoġġ baġitarju ġenerali fejn il-pajjiż imsieħeb jista' juri impenn lejn il-valuri fundamentali. . L-UE se tagħmel aktar enfasi fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' iffukar fuq djalogu mal-pajjiżi msieħba, se toħloq inċentivi għar-riforma u titlob pajjiżi biex jikkommettu ruħhom għall-valuri fundamentali.
Il-promozzjoni tat-twassil tas-servizzi lis-setturi se tgħaddi minn "Kuntratti għar-riforma tas-settur". Is-sostenn baġitarju tas-settur jibqa’ għodda utli anke meta ma jeżistux kundizzjonijiet li jippermettu l-użu ta' Kuntratt ta' Governanza Tajba u Żvilupp.
L-appoġġ baġitarju se jkun użat f'pajjiżi fraġli fuq bażi ta’ każ b’każ, biex jiżgura l-funzjonijiet Statali essenzjali u jappoġġja t-tranżizzjoni permezz "Kuntratti għall-Bini tal-Istat".
L-appoġġ baġitarju għandu jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, u jgħin lill-pajjiżi sabiex jibnu riżorsi finanzjarji proprji, biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-għajnuna fit-tul.
L-isfond u l-passi li jmiss
Fil-ħarifa tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni dwar il-futur tal-politika tal-iżvilupp u fuq l-istrument ta’ appoġġ baġitarju. Il-proposti tal-lum jimxu fuq l-analiżi tal-informazzjoni li rċeviet mingħand l-imsieħba globali, il-gvernijiet, l-NGOs u s-settur privat.
Il-proposti jaslu f'forma ta’ żewġ Komunikazzjonijiet:
Iż-żieda fl-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla
L-approċċ futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi terzi
Il-prinċipji ewlenin tal-Aġenda bi 12-il punt għall-Bidla se jkun progressivament riflessi fil-bqija taċ-ċikli ta' programmar attwali, u mbagħad fi programmar tal-UE futur. Fir-rebbiegħa 2012, il-Kummissjoni se tistaqsi lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE biex japprovaw l-approċċ ġdid dwar l-għajnuna baġitarja tal-UE.
L-UE bħala donatur
L-Unjoni Ewropea bħala entità sħiħa (l-Istati Membri flimkien ma' EuropeAid - fondi ġestiti mill-Kummissjoni) hija l-akbar donatur tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fid-dinja. Fl-2010, hija pprovdiet EUR 53.8 biljun (aktar minn 50% tal-għajnuna globali). Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-ġestjoni ta’ EUR 11-il biljun ta' għajnuna fis-sena, li jpoġġiha globalment fit-tieni post fost id-donaturi.
Għal aktar informazzjoni
It-test sħiħ tal-Komunikazzjonijiet:
1. Il-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla
http://ec.europa.eu/europeaid/what/development-policies/documents/agenda_for_change_en.pdf
2. Il-Futur tal-Appoġġ Baġitarju tal-UE
Il-filmat tal-messaġġ:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/multimedia/videos/index_en.htm
Konsultazzjoni dwar il-futur tal-politika tal-iżvilupp
http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/5241_en.htm
Konsultazzjoni dwar l-istrument ta’appoġġ baġitarju:
http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/5221_en.htm
Websajt ta' EuropeAid:
http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm
Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs
Persuni ta' kuntatt: Catherine Ray (+32 2 296 99 21) Wojtek Talko (+32 2 297 85 51) |