Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-istampa
It-Task Force tal-Kummissjoni għall-Greċja tagħmel progress rapidu bl-azzjonijiet ta' assistenza teknika
Brussell, it-13 ta' Ottubru 2011 – It-Task Force għall-Greċja organizzat l-ewwel laqgħa ta' koordinazzjoni ta' livell għoli l-Erbgħa t-12 ta' Ottubru mal-awtoritajiet Griegi, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li qed joffru assistenza teknika lill-Greċja. Fuq il-bażi tal-kwistjonijiet identifikati fil-Memorandum ta' Ftehim bejn l-awtoritajiet Griegi u t-Troika u wkoll l-ewwel lista ta' talbiet mill-amministrazzjoni Griega riċevuta fl-4 ta' Ottubru, il-parteċipanti ddiskutew kif l-aħjar jorganizzaw l-għajnuna teknika għall-Greċja. L-assistenza teknika se tikkonċentra fuq tliet oqsma prinċipali:
miżuri li jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi biex il-fondi tal-UE jitħaffu u jiġu ffukati aktar kif ukoll biex jinħoloq ambjent tan-negozju aħjar u miżuri settorjali għall-enerġija, it-turiżmu, in-negozju agrikolu u l-ġestjoni tal-iskart.
taxxi, kontroll tal-infiq u privatizzazzjoni,
riformi strutturali orizzontali għas-suq tax-xogħol, is-saħħa pubblika, il-ġustizzja, l-amministrazzjoni pubblika u l-ġestjoni tal-iskart.
Waqt dan l-avveniment, il-Kummissarju Rehn qal: "ma nistax nenfasizza biżżejjed l-importanza ta' dan l-avveniment. Għalija, din il-laqgħa ma tfisser xejn inqas mill-ewwel pass ta' sforz Ewropew konġunt biex il-Greċja tiġi megħjuna timplimenta r-riformi strutturali tant meħtieġa, li huma neċessarji għall-irkupru tagħha".
It-Task Force se ssaħħaħ, tħaffef u twessa' l-ħidma tagħha f'appoġġ għall-amministrazzjoni Griega li diġà tinsab għaddejja. Sabiex ikollha stampa sħiħa tal-ħtiġijiet u l-offerti ta' assistenza teknika, it-Task Force kienet stiednet rappreżentanti għolja mill-Istati Membri, in-Norveġja kif ukoll organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali (inkluż il-BEI, il-FEI, il-FMI, l-OECD). Id-delegazzjoni Griega kienet immexxija mis-Sur Pantelis Tzortzakis, Viċi Ministru għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-e-Government.
Il-laqgħa ta' jum sħiħ uriet is-solidarjetà tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali mal-Greċja matul il-proċess tar-riforma attwali. Id-diskussjonijiet ippermettew progress konkret rigward il-ħtiġijiet l-aktar urġenti għall-assistenza teknika f'xi wħud mill-oqsma ta' prijorità:
li jingħata bidu qawwi għal 100 proġett ta' prijorità ta' livell għoli tal-fond strutturali li jippermetti l-aħjar użu tal-EUR 15 bn li baqa' fil-fond strutturali u ta' koeżjoni tal-Greċja għall-2007-13; għajnuna għall-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-PPPs kruċjali;
pjan ta' azzjoni ewlieni bl-involviment ta' diversi Stati Membri u l-IMF fl-oqsma kruċjali tat-taxxa, il-baġit u l-infiq pubbliku;
Il-preparazzjoni ta' riformi amministrattivi konkreti fil-Greċja, fuq il-bażi ta' analiżi tal-OECD u sostenn possibbli minn għadd ta' Stati Membri.
Il-parteċipanti saħqu fuq il-ħtieġa li l-amministrazzjoni Griega tieħu sjieda sħiħa u tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-assistenza teknika disponibbli. Intlaħaq qbil li jkun hemm laqgħat ta' koordinazzjoni ta' livell għoli futuri kull ftit xhur.
Sfond
Wara talba mill-Prim Ministru Grieg Papandreou u appoġġ fil-Kunsill Ewropew f'Ġunju, it-Task Force twaqqfet mill-President tal-Kummissjoni Barroso biex tikkoordina l-assistenza teknika li l-Greċja teħtieġ sabiex twettaq il-programm ta' aġġustament tal-UE/IMF; u biex tirrakkomanda miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u jekk meħtieġ ta' (ri)programmar għal użu aċċellerat tal-fondi tal-UE, b'enfasi fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi/taħriġ.
It-TFGR tirrapporta kull tliet xhur lill-Kummissjoni u lill-Gvern Grieg dwar il-progress miksub.
It-TFGR se ttejjeb l-effiċjenza tal-assistenza teknika għall-GR billi:
Tipprovdi interlokutur uniku/prinċipali għall-awtoritajiet tal-GR rigward l-assistenza teknika.
Timmobilizza r-riżorsi mill-SM u korpi oħra b'mod effiċjenti u kkoordinat;
Tindirizzahom lejn oqsma fejn jistgħu jkollhom l-akbar impatt fuq it-titjib tas-servizzi pubbliċi bażiċi, u t-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi.
It-TFGR bdiet topera fl-01.09.11. Minn dakinhar, qiegħda taħdem f'kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet tal-GR biex tidentifika l-bżonnijiet tagħhom kif ukoll mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li qed joffru assistenza teknika.
Għaddejjin sforzi biex jiġi rrazzjonalizzat il-programm ta' għajnuna mill-fond strutturali u biex jiġu prijoritizzati numru ta' proġetti ewlenin sabiex ikun hemm assorbiment aħjar tal-għajnuna disponibbli mill-fond strutturali.
Qed jiġi żviluppat programm ta' assistenza teknika fuq il-bażi ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi, sabiex jirrispondi għall-ħtiġijiet prijoritarji tagħhom. Saru kuntatti estensivi mal-ministeri Griegi l-iktar rilevanti sabiex jiġu identifikati l-oqsma ta' prijorità.
L-ewwel Rapport Trimestrali huwa ppjanat li joħroġ kmieni f'Novembru u se jikkonsolida r-riżultati u l-metodi ta' ħidma li joħorġu mill-konferenza fit-12.10.11. Ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-Istati Membri u organizzazzjonijiet oħra li qegħdin jipparteċipaw fil-programm ta' assistenza teknika.
Persuni ta' kuntatt : Olivier Bailly (+32 2 296 87 17) Pia Seppälä (+32 2 299 24 88) |