Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li jinbdew il-passi li jmiss fir-rigward tad-dħul fl-UE

Brussell, it-12 ta' Ottubru tal-2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tirrakkomanda li jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro, filwaqt li s-Serbja tingħata status ta' kandidat. F'sett ta' rapporti annwali, il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li sar f'din l-aħħar sena mill-Balkani tal-Punent, it-Turkija, u l-Islanda fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE.

Filwaqt li ppreżenta l-Pakkett Annwali tat-tkabbir, il-Kummissarju Stefan Füle qal: "Ir-rakkomandazzjonijiet tal-lum dwar il-Montenegro u s-Serbja juru li l-proċess tat-tkabbir qiegħed jistimula riformi fil-pajjiżi kkonċernati u qiegħed jgħin biex tinħoloq Ewropa aktar stabbli u prospera. Is-setgħa trasformattiva tal-proċess tat-tkabbir jibgħat messaġġ qawwi ta' tama f'dawn iż-żminijiet diffiċli, kemm għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewroepa u anke għall-pajjiżi li jinsabu fil-proċess tat-tkabbir."

Fl-istess sena li ngħalqu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Kroazja, inkiseb aktar progress f'pajjiżi oħrajn tal-Balkani tal-Punent. L-arrest taż-żewġ akkużati tal-ICTY għeleb ostaklu maġġuri fil-proċess ta' adeżjoni Ewropea tas-Serbja u mmarka pass importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun. Id-djalogu bejn Belgrad u Pristina ġie stabbilit u qiegħed jagħti l-ewwel frott tiegħu. Dan għandu jiġi indokrat b'mod kostruttiv. Il-Montenegro saħħaħ l-isforzi ta' riforma tiegħu fuq il-bażi tal-prijoritajiet li ġew stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat ukoll ir-rakkomandazzjoni preċedenti tagħha li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. F'Diċembru tal-2010 ċ-ċittadini ta' żewġ pajjiżi oħra fil-Balkani tal-Punent, l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, ingħataw id-dritt li jivvjaġġaw fiż-żona ta' Schengen mingħajr ir-rekwiżit ta' viża.

Madanakollu, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-kapaċità amministrattiva, il-qgħad u r-riforma ekonomika għadhom fost l-akbar sfidi fir-reġjun. Għad hemm problemi b'rabta mal-kooperazzjoni reġjonali. Riformi importanti ddewmu f'għadd ta' pajjiżi, ta' sikwit minħabba żviluppi u kunflitti politiċi interni. Seħħew għadd ta' żviluppi inkwetanti fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni tal-midja. Id-differenzi dwar l-istatus tal-Kosovo1 għadhom qed iħallu konsegwenzi negattivi kemm fuq il-Kosovo u kif ukoll fuq ir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent.

Fuq l-aħħar sena nkiseb progress dwar il-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda u n-negozjati għadhom għaddejjin. Il-Kummissjoni qiegħda tistenna li jkompli jsir progress tajjeb fuq in-negozjati tal-adeżjoni u hija fiduċjuża li l-kwistjonijiet l-ewlenin, bħas-sajd u l-ħarsien ambjentali, jistgħu jiġu indirizzati b'mod kostruttiv.

Sfortunatament din is-sena n-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija ma komplewx fuq oqsma ġodda. Il-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija mal-UE għadu l-aktar qafas effettiv għall-promozzjoni ta' riformi, biex jiġi żviluppat djalogu dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u tas-sigurtà u għat-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar it-tensjonijiet reċenti fir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u Ċipru. Jeħtieġ li tiġi adottata aġenda pożittiva ġdida fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, sabiex tkun tista' tinbena relazzjoni aktar kostruttiva msejsa fuq passi konkreti f'oqsma ta' interess komuni.

Sfond

TABELLA TAL-PAJJIŻI

IL-KROAZJA: pajjiż kandidat - applikat fl-2003. In-negozjati tal-adeżjoni ngħalqu f’Ġunju tal-2011. Skont l-Artikolu 49 tat-TFUE, illum il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta l-Opinjoni favorevoli tagħha dwar kemm il-Kroazja hija mħejjija li taderixxi mal-Unjoni Ewropea. Wara l-konklużjoni tal-proċess tar-ratifika, il-Kroazja għandha ssir stat membru fl-1 ta' Lulju tal-2013.

IT-TURKIJA: pajjiż kandidat - applikat fl-1987. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu f’Ottubru tal-2005. Infetħu 13-il kapitolu filwaqt li 1 ingħalaq provviżorjament. Sabiex dan il-pajjiż ikun jista' javvanza aktar fin-negozjati tal-adeżjoni huwa meħtieġ li t-Turkija timplimenta l-obbligi tal-Unjoni Doganali b'mod sħiħ filwaqt li trid tikseb progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma' Ċipru.

L-ISLANDA: pajjiż kandidat applikat għal adeżjoni fl-2009 u n-negozjati tal-adeżjoni nfetħu f'Ġunju tal-2010. F'dan ir-rigward infetħu 4 kapitoli li 2 minnhom ingħalqu provviżorjament. Minħabba li l-Islanda hija diġà membru taż-ŻEE u taż-żona ta' Schengen, parti kbira tal-leġiżlazzjoni tagħha hija diġà allinjata ma' dik tal-UE.

DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA: pajjiż kandidat - applika fl-2004. Dan il-pajjiż ikompli jissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi u l-Kummissjoni ġeddet ir-rakkomandazzjoni tagħha tal-2009 għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni. Minħabba li hija meħtieġa deċiżjoni unanima mill-Istati Membri biex jibdew in-negozjati, huwa essenzjali li tinstab soluzzjoni dwar il-kwistjoni tal-isem.

IL-MONTENEGRO: pajjiż kandidat - applika fl-2008. Fl-2010, l-UE tat l-istatus ta' kandidat lil dan il-pajjiż u stabbilixxiet seba' prijoritajiet ewlenin li l-pajjiż irid jissodisfa biex ikunu jistgħu jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni. Illum il-Kummissjoni qiegħda tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni.

L-ALBANIJA: pajjiż kandidat potenzjali - applikat fl-2009. Fl-2010, l-UE stabbilixxiet tnax-il prijorità ewlenija li l-pajjiż irid jissodisfa biex ikunu jistgħu jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni. Għalkemm sar ċertu progress fi wħud mill-oqsma l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tirrakkomanda passi ulterjuri għall-Albanija din is-sena.

Fuq il-bażi ta' sinjali posittivi reċenti, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-forzi politiċi fl-Albanija biex jerġgħu jistabbilixxu u jsostnu livell ta' djalogu politiku li jippermetti l-iffunzjonar ta' istituzzjonijiet demokratiċi ewlenin u l-implimentazzjoni ta' riformi essenzjali.

IS-SERBJA: pajjiż kandidat potenzjali - applikat fl-2009. Illum il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta' adeżjoni tas-Serbja. Fuq il-bażi tas-sejbiet li għamlet, hija tirrakkomanda li l-Kunsill jagħti l-Istatus ta' Kandidat lis-Serbja. Hija stabbilixxiet prijorità ewlenija li għandha tiġi ssodisfata minn dan il-pajjiż qabel ikunu jistgħu jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni.

IL-BOSNIJA-ĦERZEGOVINA: pajjiż kandidat potenzjali - għadha m'applikatx għal adeżjoni mal-UE; wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2010, il-pajjiżi għadu ma ffurmax gvern fil-livell tal-istati u n-nuqqas ta' viżjoni komuni tal-mexxejja politiċi dwar id-direzzjoni li għandu jaqbad il-pajjiż għadha qed timblokka riformi ewlenin relatati mal-UE.

IL-KOSOVO: pajjiż kandidat potenzjali – Id-differenzi dwar l-istatus tal-Kosovo għadhom ta' tfixkil għall-iżviluppar ta' relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-UE u l-Kosovo. L-UE tappoġġja l-isforzi tal-Kosovo li jissodisfa l-perspettiva Ewropea tiegħu.

Għal aktar tagħrif:

Għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kull pajjiż ara l-Memos:

L-Albanija MEMO/11/686

Il-Bosnja-Ħerzegovina MEMO/11/687

Il-Kroazja MEMO/11/688

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja MEMO/11/689

L-Islanda MEMO/11/690

Il-Kosovo* MEMO/11/691

Il-Montenegro MEMO/11/692

Is-Serbja MEMO/11/693

It-Turkija MEMO/11/694

Għal aktar tagħrif dwar il-pakkett tat-tkabbir:

http://ec.europa.eu/enlargement/press_corner/key-documents/reports_oct_2011_mt.htm

Kuntatti :

Peter Stano (+32 2 295 74 84)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

1 :

Skont il-UNSCR 1244/1999


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website