Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi sħubija ġdida bejn l-Ewropa u l-bdiewa tagħha

Brussell, it-12 ta' Ottubru 2011 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea ressqet abbozz ta' riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għal wara l-2013. L-abbozz tar-riforma jimmira li jissaħħu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-permanenza tal-agrikoltura fit-territorju kollu tal-UE, sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom garanzija ta' alimentazzjoni bnina u ta' kwalità, jitħares l-ambjent, u jiġu żviluppati ż-żoni rurali.

"Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi sħubija ġdida bejn l-Ewropa u l-bdiewa tagħha, bil-għan li jilqgħu flimkien l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, u t-tkabbir. Id-deċennji li ġejjin se jkunu kruċjali biex jitqiegħdu s-sisien ta' agrikoltura b'saħħitha, li kapaċi tilqa' t-tibdil fil-klima u l-kompetizzjoni internazzjonali, filwaqt li tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini. L-Ewropa għandha bżonn il-bdiewa tagħha, u l-bdiewa għandhom bżonn l-appoġġ tal-Ewropa. Il-Politika Agrikola Komuni tfisser l-għaxja tagħna ta' kuljum, u l-ġejjieni ta' 'l fuq minn nofs it-territorju tagħna", stqarr Dacian Cioloş, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

Il-PAK riformata se tippermetti t-trawwim tal-innovazzjoni; it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur agrikolu fil-livell ekonomiku kif ukoll ekoloġiku; il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; u l-appoġġ għall-impjieg u għat-tkabbir. Għandha tagħti kontribut deċiżiv ukoll għall-istrateġija tal-Ewropa 2020.

L-għaxar punti ewlenin tar-riforma

1) Għajnuniet għad-dħul immirati aħjar biex jixprunaw it-tkabbir u l-impjieg

Sabiex jitkattar il-potenzjal agrikolu tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi li tappoġġja d-dħul tal-bdiewa b'mod iktar ġust, sempliċi u mmirat. L-għajnuna bażika għad-dħul se tolqot biss lill-bdiewa attivi; ser tonqos gradwalment minn EUR 150 000 'l isfel, b'limitu ta' EUR 300 000 għal kull azjenda u għal kull sena, filwaqt li tqis l-għadd ta' impjiegi maħluqa mill-azjendi. Se titqassam ukoll b'mod iktar ekwu fost il-bdiewa, ir-reġjuni u l-Istati Membri.

2) Għodod iktar reattivi u adattati aħjar għall-ġestjoni tal-kriżijiet, biex jilqgħu l-isfidi ekonomiċi l-ġodda

L-instabbiltà tal-prezzijiet thedded il-kompetittività fit-tul tas-settur agrikolu. Il-Kummissjoni tipproponi xbieki tas-sigurtà iktar effikaċi, li jwieġbu aħjar għall-iktar aspetti esposti għar-riskju fil-katina tal-provvista (il-ħżin privat u l-intervent pubbliku), u tipproponi wkoll li jitħeġġeġ il-ħolqien ta' poloz tal-assigurazzjoni u tal-fondi mutwi.

3) Ħlasijiet 'ħodor' għal produttività fit-tul, u għall-ħarsien tal-ekosistemi

Sabiex tintrifed is-sostenibbiltà ekoloġika tas-settur agrikolu u jissaħħu l-isforzi tal-bdiewa, il-Kummissjoni tipproponi li 30 % mill-ħlasijiet diretti jiġu ddedikati għall-prattiki li jippermettu l-aqwa użu tar-riżorsi naturali. Dawn il-prattiki, ta' implimentazzjoni faċli u ekoloġikament effiċjenti, huma dawn li ġejjin: id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba'; iż-żamma ta' mergħat dejjiema; u l-ħarsien tar-riżervi ekoloġiċi u tal-pajsaġġi.

4) Investimenti supplimentari fir-riċerka u l-innovazzjoni

Bil-għan li tiġi implimentata 'agrikoltura tal-għarfien' u agrikoltura kompetittiva, il-Kummissjoni tipproponi li tirdoppja l-baġit tar-riċerka u l-innovazzjoni agronoma, u li tagħmel l-almu tagħha biex ir-riżultati tar-riċerka jissarrfu f'soluzzjonijiet prattiċi, permezz ta' sħubija ġdida għall-innovazzjoni. Dawn il-fondi se jħeġġu t-trasferiment tal-għarfien u l-konsulenza lill-bdiewa, u se jkunu ta' sostenn għal proġetti tar-riċerka rilevanti għall-bdiewa, billi jiżguraw kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-settur agrikolu u l-komunità xjentifika.

5) Katina tal-ikel iktar kompetittiva u iktar ibbilanċjata

L-agrikoltura tinsab fis-sies tal-katina tal-ikel, iżda fl-UE hija frammentata ħafna, u mhix strutturata biżżejjed. Sabiex issaħħaħ il-qagħda tal-bdiewa, il-Kummissjoni tipproponi li tappoġġja l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u interprofessjonisti, u li tqarreb il-produtturi u l-konsumaturi permezz tal-iżvilupp ta' 'katina qasira' (mingħajr wisq intermedjarji). Barra minn hekk, il-kwoti taz-zokkor, li m'għadhomx daqshekk relevanti, mhumiex se jiġu estiżi lil hinn mill-2015.

6) It-tħeġġiġ ta' inizjattivi agriambjentali

Għandhom jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull territorju, u għandhom jitħeġġew l-inizjattivi agriambjentali nazzjonali, reġjunali u lokali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li l-ħarsien u r-restawr tal-ekosistemi, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fuq naħa, u l-użu effiċjenti tar-riżorsi fuq in-naħa l-oħra, ikunu tnejn mis-sitt prijoritajiet tal-politika tal-iżvilupp rurali.

7) Għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu l-azjenda tagħhom

Żewġ terzi mill-bdiewa għandhom 'il fuq minn 55 sena. Sabiex jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi u tħeġġeġ lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda jiddedikaw ruħhom għall-agrikoltura, il-Kummissjoni tipproponi li toħloq għajnuna ġdida għall-istabbiliment, li tkun aċċessibbli għall-bdiewa ta' inqas minn erbgħin sena matul l-ewwel ħames snin tal-proġett tagħhom.

8) It-tħeġġiġ tal-impjieg rurali u tal-ispirtu intraprenditorjali

Sabiex jitħeġġu jitrawmu l-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali, il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta' miżuri bil-għan li jixprunaw l-attività ekonomika fiż-żoni rurali, kif ukoll li jħeġġu l-inizjattivi ta' żvilupp rurali. Ngħidu aħna, se jinħoloq 'kitt tat-tluq' bħala appoġġ għall-mikroimpriżi b'finanzjament li jammonta sa EUR 70 000 fuq perjodu ta' ħames snin. Se jissaħħu l-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali tal-LEADER.

9) Iktar kunsiderazzjoni għaż-żoni fraġli

Sabiex tiġi evitata d-deżertifikazzjoni, u biex titħares ir-rikkezza tal-artijiet tagħna, il-Kummissjoni qiegħda toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu iktar appoġġ lill-bdiewa li jinsabu f'żoni li fihom żvantaġġi naturali, permezz ta' kumpens addizzjonali. Din l-għajnuna tiżdied ma' għajnuniet oħra diġà aċċessibbli fil-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali.

10) PAK iktar sempliċi u effikaċi

Biex jiġi evitat il-piż amministrattiv ta' bla bżonn, il-Kummissjoni tipproponi li tħaffef diversi mekkaniżmi tal-PAK, speċifikament ir-regoli tal-kundizzjonalità u s-sistemi ta' kontroll, mingħajr ma ttellef mill-effiċjenza tagħhom. Barra minn hekk, l-appoġġ lill-bdiewa ż-żgħar se jiġi ssimplifikat wkoll, bil-ħolqien ta' għajnuna b'rata fissa ta' bejn EUR 500 u EUR 1 000 għal kull azjenda u għal kull sena. Se jitħeġġeġ it-trasferiment tal-artijiet mill-bdiewa ż-żgħar li jwaqqfu l-attività agrikola tagħhom lil azjendi oħra li jkunu jixtiequ jirristrutturaw l-irziezet tagħhom.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/11/685

Għal aktar tagħrif u dokumenti rigward ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni, ara:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/legal-proposals/index_en.htm

Kuntatti :

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

Johan Reyniers (+32 2 295 67 28)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site