Navigation path

Left navigation

Additional tools

Pjan direzzjonali għall-istabbiltà u t-tkabbir

European Commission - IP/11/1180   12/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Pjan direzzjonali għall-istabbiltà u t-tkabbir

Brussell, it-12 ta' Ottubru 2011 - Illum, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali dwar ir-rispons komprensiv li huwa meħtieġ sabiex tinkiseb lura l-fiduċja fiż-żona tal-Euro u fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Dan ir-rispons huwa mfassal sabiex ikisser iċ-ċirku vizzjuż bejn id-dubji dwar is-sostenibbiltà tad-dejn sovran, l-istabbilità tas-sistema bankarja u l-prospetti tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir.

F'konsistenza mal-impenji magħmula fid-diskors tal-President Barroso dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi ħames oqsma ta' azzjoni li huma interdipendenti u li jenħtieġ li jiġu implimentati flimkien u mill-aktar fis possibbli. Il-ħames oqsma huma: rispons deċiżiv għall-problemi fil-Greċja; tisħiħ tal-protezzjonijiet taż-żona tal-euro kontra l-kriżi; strateġija koordinata biex jiġu msaħħa l-banek Ewropej; antiċipazzjoni tal-politiki li jippromwovu l-istabbiltà u t-tkabbir u l-bini ta' governanza ekonomika robusta u integrata għall-ġejjieni.

Il-President Barroso qal, "dan il-pjan direzzjonali juri t-triq li għandha tieħu l-Ewropa sabiex toħroġ mill-kriżi ekonomika. Risponsi reattivi u frammentati għal aspetti differenti tal-kriżi ma għadhomx biżżejjed. F'dan il-mument jenħtieġ li nkunu proattivi. Il-kunfidenza tista' terġa' tiġi stabbilita biss billi jiġu stabbiliti b'mod immedjat l-elementi meħtieġa biex tiġi solvuta l-kriżi. Huwa biss b’dan il-mod li se nkunu kapaċi nikkonvinċu liċ-ċittadini tagħna, lill-imsieħba globali tagħna u lis-swieq li għandna soluzzjonijiet li jirrispondu għall-isfidi li qed jiffaċċjaw l-ekonomiji kollha. Irridu nilħqu ftehim fil-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Ottubru".

Il-pjan jitlob:

  • Azzjoni deċiżiva dwar il-Greċja – sabiex jitneħħa kull dubju dwar is-sostenibbiltà ekonomika tal-Greċja. Dan għandu jinkludi l-għoti tas-sitt porzjon, it-tieni programm ta' aġġustament, ibbażat fuq finanzjament adegwat permezz tal-involviment tas-settur pubbliku u s-settur privat u tkomplija tal-appoġġ mit-Task Force tal-Kummissjoni.

  • Li jiġi kkompletat l-intervent fiż-żona tal-Euro – inklużi li d-deċiżjonijiet miftiehma fil-21 ta' Lulju 2011 jsiru operattivi, li tiġi mmassimizzata l-effikaċja tal-EFSF, tiġi aċċellerata t-tnedija tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà għal nofs l-2012 u li tiġi pprovduta likwidità suffiċjenti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

  • Approċċ tassew ikkoordinat għat-tisħiħ tal-banek Ewropej - dan għandu jkun ibbażat fuq rivalutazzjoni mill-awtoritajiet tas-superviżjoni bl-użu ta' proporzjon temporanju tal-kapital konsiderevolment ogħla ta' kapital tal-ogħla kwalità wara li jitqies l-esponiment Il-banek għandhom l-ewwel jużaw sorsi privati ta' kapital, b'għajnuna mill-gvernijiet nazzjonali jekk meħtieġ. Jekk dan l-appoġġ ma jkunx disponibbli, ir-rikapitalizzazzjoni għandha tiġi ffinanzjata permezz ta' self mill-EFSF. Sakemm issir din ir-rikapitalizzazzjoni, dawn il-banek ma għandhomx jitħallew mis-superviżuri nazzjonali jqassmu dividendi jew bonusijiet.

  • It-tħaffif ta' politiki li jippromwovu l-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku – inkluża l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-impenji eżistenti dwar is-servizzi, l-enerġija u ftehimiet ta' kummerċ ħieles; l-adozzjoni rapida tal-proposti pendenti biex jissaħħaħ it-tkabbir bħal inizjattivi tat-taxxa, li jsiru aktar malajr il-proposti futuri, speċjalment dawk li jestendu l-benefiċċji tas-Suq Uniku u investiment immirat fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, inkluż permezz ta' bonds tal-proġetti.

  • Il-bini ta' governanza ekonomika robusta u integrata għall-ġejjieni, ibbażata fuq it-Trattati eżistenti (l-Artikolu 136), b'mod li jiġi msaħħaħ l-approċċ Komunitarju. Filwaqt li jibnu fuq il-pjan b'sitt elementi rrinfurzat dwar il-governanza ekonomika u s-semestru Ewropew diġà adottati, il-proposti jfittxu li jintegraw il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilità u l-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir fl-istess sistema ta' governanza biex jiżdiedu l-koerenza u l-effiċjenza. Dan jipprovdi setgħat ġodda lill-Kummissjoni/Kunsill biex jintervjenu fit-tħejjija tal-baġits nazzjonali u biex jissorveljaw l-eżekuzzjoni tagħhom. Għandu jkun hemm koperazzjoni msaħħa fil-każijiet kollha fejn jekk ma jsirx dan ma tkunx tista' tittieħed azzjoni deċiżiva.

Sfond

Il-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Kummissjoni se jiġi ppreżentat lill-Kunsill Ewropew u s-Samit taż-żona tal-Euro li se jseħħu fit-23 ta' Ottubru 2011.

Id-dokument sħiħ adottat mill-Kummissjoni jista' jinstab hawn:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm

Lista tal-proposti preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika, it-tiswija finanzjarja u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek mill-2008 'l hawn jistgħu jinstabu hawn:

Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji:

http://ec.europa.eu/dgs/economy_finance/index_en.htm

Suq Intern u Servizzi: http://ec.europa.eu/dgs/internal_market/index_en.htm

Kompetizzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/competition/index_mt.htm

Persuni ta' kuntatt :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website