Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva biex tagħti spinta lill-kummerċ u tespandi l-għażla tal-konsumaturi

Brussell, it-11 ta' Ottubru 2011 – Minkejja s-suċċess tas-Suq Uniku tal-UE, għad hemm xi ostakli għall-kummerċ transkonfinali. Ħafna minn dawn jirriżultaw minn liġijiet diverġenti dwar il-bejgħ fis-27 Stat Membru. Minħabba f'hekk il-bejgħ f'pajjiż ieħor huwa xi ħaġa kkumplikata u li tinvolvi ħafna spejjeż, speċjalment għall-impriżi ż-żgħar. Il-kummerċjanti li jiġu dissważi milli jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali minħabba l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali, kull sena jkunu qed jirrinunċjaw għal mill-inqas EUR 26 biljun ta' kummerċ fl-UE kollha. Fl-istess ħin, 500 miljun konsumatur fl-Ewropa qed jitilfu ħafna f'termini ta' għażla u prezzijiet orħos minħabba li inqas negozji jagħmlu offerti transkonfinali, b'mod partikolari fi swieq nazzjonali iżgħar.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva li se tgħin biex jingħelbu dawn l-ostakli u biex il-konsumaturi jingħataw iktar għażla u livell għoli ta’ protezzjoni. Hija se tiffaċilita l-kummerċ billi toffri sensiela waħda ta’ regoli għall-kuntratti transkonfinali f’kull wieħed mis-27 Stat Membru. Jekk il-kummerċjanti joffru l-prodotti tagħhom fuq il-bażi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-konsumaturi jkollhom il-possibilità li b’sempliċi għafsa ta’ buttuna tal-mouse, jagħżlu kuntratt Ewropew li faċli jintuża mill-utent u li joffri livell għoli ta' protezzjoni. Issa, il-proposta tal-Kummissjoni teħtieġ li tirċievi l-approvazzjoni tal-Istati Membri tal-UE u tal-Parlament Ewropew, li diġà wera l-appoġġ kbir tiegħu waqt votazzjoni li saret iktar kmieni din is-sena (IP/11/683).

Il-Viċi President Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja qalet, “Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva se tgħin biex tagħti spinta lis-Suq Uniku, li huwa l-magna tal-Ewropa biex ikun hemm tkabbir ekonomiku. Se tipprovdi lill-impriżi b’metodu faċli u irħis biex jespandu n-negozju tagħhom fi swieq ġodda fl-Ewropa filwaqt li jagħtu lill-konsumaturi offerti aħjar u livell għoli ta’ protezzjoni.” “Minflok ma jitwarrbu l-liġijiet nazzjonali, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tadotta metodu innovattiv imsejjes fuq il-libertà tal-għażla, is-sussidjarjetà u l-kompetizzjoni."

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tegħleb l-ostakli u toffri benefiċċji massimi għall-konsumaturi u n-negozji.

1. Il-vantaġġi għall-Kumpaniji:

  • Li jkun hemm sistema waħda komuni (imma fakultattiva) ta’ liġi kuntrattwali li tkun identika fis-27 Stat Membru sabiex il-kummerċjanti ma jkollhomx iktar bżonn jiffaċċjaw l-inċertezzi li jirriżultaw mill-fatt li jkollhom jitrattaw ma' diversi sistemi kuntrattwali nazzjonali: Skont l-Ewrobarometru ppubblikat illum, 71% tal-kumpaniji Ewropej iddikjaraw li jekk ikollhom l-għażla, huma jagħżlu li jużaw liġi kuntrattwali Ewropea waħda għall-bejgħ kollu transkonfinali lil konsumaturi f’pajjiżi oħra tal-UE.

  • It-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-kumpaniji li jkunu jixtiequ jagħmlu kummerċ transkonfinali: Bħalissa, in-negozji li jkunu jixtiequ jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali jkollhom jadattaw ruħhom għal 26 liġi kuntrattwali nazzjonali differenti, jittraduċuhom u jqabbdu avukati, bi spejjeż ta’ madwar EUR 10,000 għal kull suq ta’ esportazzjoni ġdid.

  • L-għajnuna mogħtija lill-kumpaniji żgħar u medji (SMEs) biex jespandu fi swieq ġodda: bħalissa 9.3% biss mill-kumpaniji kollha fl-UE jbiegħu f'pajjiżi oħra tal-UE u b’hekk qed jirrinunċjaw għal mill-inqas EUR 26 biljun kull sena.

2. Il-vantaġġi għall-Konsumaturi:

  • Li jkun hemm l-istess livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur fl-Istati Membri kollha: Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jistrieħu fuq il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ bħala simbolu tal-kwalità. Pereżempju, hija toffri lill-konsumaturi għażla libera ta’ rimedji f’każ li l-prodott li jixtru jkun difettuż – anke diversi xhur wara li jkun inxtara. Dan ifisser li l-konsumaturi jkunu jistgħu jtemmu l-kuntratt, jitolbu li l-prodott jiġi sostitwit jew li jissewwa, jew li jitnaqqasslu l-prezz. Illum, din l-għażla libera ta’ rimedji teżisti biss f’ħames pajjiżi tal-UE (Franza, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall).

  • Li jkun hemm għażla usa’ ta’ prodotti bi prezzijiet orħos: Bħalissa, il-kummerċjant spiss jirrifjuta li jbiegħ jew li jikkonsejna lill-konsumaturi li jfittxu b’mod proattiv għal offerti aħjar madwar l-UE, b’mod partikolari dawk li jfittxu onlajn. F’perjodu ta’ sena, mill-inqas 3 miljun konsumatur esperjenzaw dan ir-rifjut.

  • Li tingħatalhom ċertezza dwar id-drittijiet tagħhom fi tranżazzjonijiet transkonfinali: 44% tal-konsumaturi jgħidu li jaqtgħu qalbhom milli jixtru minn pajjiżi oħra tal-UE minħabba l-inċertezzi dwar id-drittijiet tagħhom.

  • Iż-żieda tat-trasparenza u tal-fiduċja tal-konsumaturi: il-konsumaturi se jkunu dejjem informati b’mod ċar, u jkun jeħtieġ li jaqblu dwar l-użu ta’ kuntratt imsejjes fuq il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-konsumaturi se jkunu spjegati b’mod ċar f’avviż ta’ informazzjoni miktub bil-lingwa tagħhom.

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun applikabbli:

  • jekk iż-żewġ partijiet jaqblu volontarjament u espressament li tintuża;

  • f'kuntratti transkonfinali fejn jinqalgħu l-biċċa l-kbira tal-problemi marbuta mal-ispejjeż addizzjonali ta' tranżazzjonijiet u mal-kumplessitajiet legali; l-Istati Membri se jkollhom l-għażla li jagħmlu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ applikabbli wkoll għall-kuntratti nazzjonali.

  • għall-kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija – li jiffurmaw il-parti l-kbira tal-kummerċ fi ħdan l-UE – kif ukoll għal kuntratti dwar kontenut diġitali, bħal mużika, films, softwer jew applikazzjonijiet għall-użu fl-ismart-phones

  • fi tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur kif ukoll bejn in-negozji

  • jekk waħda mill-partijiet tkun stabbilita fi Stat Membru tal-UE. Il-kummerċjanti jistgħu jużaw l-istess sett ta’ kudizzjonijiet kuntrattwali meta jinnegozjaw ma' kummerċjanti oħra fl-UE kif ukoll barra mill-UE, biex b’hekk il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tingħata xejra internazzjonali.

Sfond

Il-kuntratti huma essenzjali għat-tmexxija tan-negozji u biex isir il-bejgħ lill-konsumaturi. Huma jifformalizzaw ftehim bejn il-partijiet u jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet, inkluż il-bejgħ ta’ prodotti u ta' servizzi assoċjati magħhom bħat-tiswija u l-manutenzjoni.

Meta joperaw fis-Suq Uniku tal-Ewropa l-kumpaniji jagħmlu użu minn varjetà wiesgħa ta' kuntratti li huma rregolati minn liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti. Is-27 lista differenti ta' regoli nazzjonali jistgħu jwasslu għal spejjeż addizzjonali tat-tranżazzjonijiet, għal nuqqas ta’ ċertezza legali għan-negozji u għal nuqqas fil-fiduċja tal-konsumaturi. Dawn jistgħu jservu ta' deterrent għax-xiri u għall-kummerċ transkonfinali fl-UE, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji. Spejjeż ogħla tat-tranżazzjonijiet jolqtu b'mod partikolari lill-kumpaniji żgħar u medji.

Dan jikkontrasta mas-suq intern tal-Istati Uniti, fejn kummerċjant f’Maryland jista’ jbiegħ il-prodotti tiegħu lil konsumatur fl-Alaska bla problemi ta’ xejn.

Skont l-istrateġija Ewropa 2020 (IP/10/225), il-Kummissjoni qiegħda tittratta d-diffikultajiet fis-Suq Uniku sabiex tixpruna l-irkupru ekonomiku. Dan jinkludi li jsir progress lejn dritt kuntrattwali Ewropew.

F’Lulju 2010 il-Kummissjoni ressqet diversi alternattivi fi Green Paper għal approċċ aktar koerenti fir-rigward tal-liġi kuntrattwali. Il-Kummissjoni mbagħad organizzat konsultazzjoni pubblika li baqgħet sejra sal-31 ta' Jannar 2011 u li rriżultat fi 320 tweġiba (MEMO/11/55).

Fit-3 ta' Mejju 2011, grupp ta' esperti stabbilit mill-Kummissjoni ssottometta studju ta’ fattibilità, dwar kemm fil-futur tista' titwettaq inizjattiva fil-qasam tal-liġi kuntrattwali Ewropea (IP/11/523). Waqt l-istudju ta’ fattibilità, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet interessati u maċ-ċittadini u rċeviet 120 tweġiba.

Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Parlament Ewropew ta l-appoġġ tiegħu għal-liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva f’votazzjoni plenajra dwar rapport fuq inizjattiva proprja tal-Membru Parlamentari Ewropew Diana Wallis.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/11/680

Komunikazzjoni għall-istampa:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/news/20111011_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-websajt tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

http://ec.europa.eu/justice/contract/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website