Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Diġitali: grupp ta’ esperti ta’ livell għoli ser jiddiskuti l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja madwar l-UE

Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2011 – Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes ħatret grupp ta’ esperti ta’ livell għoli sabiex jipprovdi rakkomandazzjonijiet għar-rispett, il-ħarsien, l-appoġġ u l-promozzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Ewropa. Il-grupp ser jiffunzjona b’mod totalment indipendenti, u se jkun ippresedut mill-President Emeritus tal-Latvja, il-Professur Vaira Vīķe-Freiberga.

Il-membri tal-grupp intgħażlu fuq mertu tal-għarfien espert tagħhom fl-oqsma rispettivi u tal-indipendenza totali tagħhom. Dawn huma l-Professur Herta Däubler-Gmelin, l-ex-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġermanja, il-Professur Luís Miguel Poiares Pessoa Maduro, mill-European University Institute (l-Istitut Universitarju Ewropew), u l-ex-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u Ben Hammersley, pijunier fit-teknoloġija diġitali u editur ta’ ġurnal dwar it-teknoloġija. Il-Kummissjoni Ewropea ser tipprovdi s-servizz ta’ segretarjat għall-Grupp.

Il-grupp, li ser jiltaqa’ għall-ewwel darba fil-11 ta’ Ottubru, għandu jagħmel rapport lill-Kummissjoni b’rakkomandazzjonijiet dwar ir-rispett, il-ħarsien, l-appoġġ u l-promozzjoni tal-pluraliżmu u l-libertà fil-midja fl-Ewropa. Ir-riżultati tal-analiżi tal-Grupp ser jiġu ppubblikati.

Neelie Kroes qalet: "Il-libertà tal-espressjoni hija fundamentali u essenzjali għal soċjetajiet demokratiċi, u hija rikonoxxuta fit-Trattati Ewropej u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, jeħtieġ ukoll li l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja jitkattru fil-prattika, f’ambjent favorevoli, Għaldaqstant, qed nistieden lil dan il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli ġdid li għadu kif inħatar sabiex jagħmel analiżi komprensiva, u jagħti rakkomandazzjonijiet.”

Il-Kummissjoni tistieden lill-Grupp biex janalizza u jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħal:

  • il-limitazzjonijiet għal-libertà fil-midja li huma kawża ta' interferenza politika (intervent mill-istat jew leġiżlazzjoni nazzjonali)

  • il-limitazzjonijiet għall-indipendenza fil-midja li ġejjin minħabba interferenza privata u kummerċjali

  • il-kwistjoni tal-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja u l-konsegwenza tagħha fuq il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u fuq l-indipendenza tal-ġurnalisti

  • it-theddid legali eżistenti jew potenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ġurnalisti u l-professjoni tagħhom fl-Istati Membri

  • ir-rwol u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji

  • il-miżuri eżistenti jew potenzjali, favur il-ġurnaliżmu ta’ kwalità, l-etika u r-responsabbiltà fil-midja, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-UE u dawk internazzjonali.

Sfond

Il-Grupp ser jikkunsidra l-liġijiet nazzjonali dwar il-midja tal-Istati Membri u tal-pajjiżi applikanti sabiex jidentifika kwistjonijiet jew oqsma komuni u jispjega soluzzjonijiet possibbli għall-ħarsien u l-libertà fil-midja.

Il-Grupp ser jiddeċiedi huwa stess dwar kif ser jiffunzjona. Huwa mistieden jagħmel konsultazzjonijiet jew seduti, skont kif xieraq, ma’ esperti, partijiet interessati, Membri tal-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Għal aktar tagħrif

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Is-sit elettroniku tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Midja:

http://ec.europa.eu/information_society/media_taskforce/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-politiki awdjovisivi u tal-midja:

http://ec.europa.eu/avpolicy/index_en.htm

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti :

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website