Navigation path

Left navigation

Additional tools

Titvara sistema tal-Viża aktar effiċjenti u sigura

European Commission - IP/11/1169   11/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Titvara sistema tal-Viża aktar effiċjenti u sigura

Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2011 – Mit-08:00 CET illum, bdiet topera s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) . Applikazzjonijiet għall-viża issa se jiġu pproċessati b’aktar ħeffa grazzi għall-użu tal-bijometrija (marki tas-swaba' u ritratt tal-wiċċ diġitali) li se jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' detenturi tal-viża u jgħinu biex jevitaw is-serq tal-identità. Din is-sistema l-ġdida ser tippermetti skambju rapidu u effettiv ta' dejta dwar viżi għal żjarat qosra fost il-pajjiżi ta' Schengen. Il-VIS se ssaħħaħ ukoll l-integrità tas-sistema u ssaħħaħ il-fiduċja fost l-istati membri. L-ewwel postijiet konsulari li għandhom jitqabbdu mas-sistema huma dawk fl-Afrika ta’ Fuq (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija).

Il-Kummissarju Cecilia Malmström, responsabbli mill-Affarijiet Interni, stqarret: Minn issa ‘l quddiem, barranin li jixtiequ jżuru l-UE se jibbenefikaw minn regoli tal-applikazzjoni tal-viża aktar ċari, aktar preċiżi, trasparenti u aktar ġusti. Is-sistema l-ġdida se tippermetti wkoll li jinħarġu u jiġu vverifikati viżi b' mod aktar effiċjenti u sikur. Dan huwa pass importanti lejn it-titjib tal-politika komuni tal-UE dwar il-viża."

Sfond

Sistema ġdida avvanzata teknoloġikament

Attwalment, madwar 13-il miljun viża ta' Schengen jinħarġu kull sena minn 25 pajjiż taż-żona ta’ Schengen, u aktarx li n-numri jiżdiedu fil-ġejjieni. Is-sistema attwali ta’ twassil, sorveljanza u verifika qed tbati biex tlaħħaq ma’ numri daqshekk kbar.Mhuwiex dejjem faċli li tipprevjeni frodi u abbużi u l-proċess tal-applikazzjoni jaf ikun ineffiċjenti għal dawk li jkunu qed ifittxu b’mod leġittimu li tingħatalhom viża għall-ivvjaġġar għal żjara qasira fl-UE.

Is-sistema ġdida avvanzata teknoloġikament ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) tgħin biex jiġu affaċċjati dawn l-isfidi bl-introduzzjoni ta’ ritratti tal-wiċċ diġitali u marki tas-swaba’. Il-VIS mhux biss se tgħaġġel l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-viża iżda se twettaq ukoll kontrolli mal-fruntieri esterni aktar effiċjenti u żżid is-sigurtà totali mal-fruntieri.

Bis-saħħa tas-sistema l-ġdida, bi ftit klikkjaturi tkun tista’ tivverifika l-identità reali tad-detentur tal-viża, u għalhekk tipprevjeni u tiġġieled l-użu frodulenti tal-viżi. Fl-istess ħin, applikanti tal-viża se jaraw l-applikazzjoni tagħhom tiġi pproċessata aktar malajr.

L-awtoritajiet tal-viża fl-Istati kollha ta’ Schengen se jkunu jistgħu jikkonsultaw id-dejta tal-VIS, pereżempju meta applikant preċedenti japplika għal viża ġdida. Il-VIS se tinkludi l-applikazzjonijiet kollha għall-viża ta’ Schengen u d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha meħuda mill-awtoritajiet tal-viża. Dan se jippermetti lill-applikanti li jiksbu viżi ġodda aktar malajr u akatar faċilment, peress li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jivverifikaw il-passat tajjeb u l-affidabilità tal-applikant.

Il-VIS mhux se tibda topera fil-konsulati tal-pajjiżi kollha ta' Schengen mad-dinja kollha f’daqqa. Minflok, se tiġi miftuħa progressivament reġjun reġjun. Ir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq dalwaqt se jkun segwit mil-Lvant Qarib (l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja), u r-reġjuni tal-Golf (l-Afganistan, il-Baħrejn, l-Iran, l-Iraq, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Għarabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, u l-Jemen). Il-postijiet konsulari tal-Istati ta’ Schengen kollha madwar id-dinja għandhom jiġu konnessi mal-VIS fi żmien sentejn.

Proċedura tal-applikazzjoni veloċi, ġusta u sikura

Il-proċedura għall-ġbir tal-marki tas-swaba’ hija sempliċi, rapida u diskreta. L-applikant se jkollu biss iqiegħed is-swaba’ tiegħu fuq il-wiċċ tal-iskaner diġitali. Meta jiddaħħlu applikazzjonijiet sussegwenti fi żmien ħames snin, ma jerġgħux jittieħdu l-marki tas-swaba’ iżda jiġu kkupjati mill-applikazzjoni preċedenti fil-VIS. Id-dejta tal-marki tas-swaba’ titħassar wara 5 snin.

Meta d-detentur tal-viża jasal mal-fruntiera esterna, il-gwardji tal-fruntiera tal-istati ta’ Schengen jivverifikaw l-identità tiegħu u jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-viża fil-VIS. Dan jgħin biex jiġi evitat ir-riskju tal-frodi tal-viża (pereżempju tipprova tuża l-viża ta' ħaddieħor) billi tippermetti verifiki bijometriċi b'ħeffa u aktar sikuri. Fl-istess ħin, il-proċedura se tkun aktar mgħaġġla għall-applikanti bona fide, li jikkostitwixxu l-maġġoranza kbira tal-vjaġġaturi.

Il-VIS ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE u r-Regolament KE 767/2008.

Għal aktar informazzjoni

Ara MEMO/11/682

Materjal awdjoviżiv:

http://ec.europa.eu/avservices/photo/photoBySearch.cfm?keyword=019658&search=smp&sitelang=en

Għal Aktar Informazzjoni dwar il-VIS:

http://ec.europa.eu/vis

Paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website