Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa Is-swieq tal-enerġija: Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni ta’ regoli ġodda dwar il-kummerċ tal-elettriku u tal-gass bl-ingrossa. Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2011 – Illum, l-UE adottat regoli stretti ġodda dwar il-kummerċ tal-enerġija bl-ingrossa. L-għan ewlieni huwa li jiġi evitat l-użu ta' informazzjoni minn ġewwa u forom oħra ta’ abbuż tas-suq li jxekklu l-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa u li normalment ifissru li n-negozji u l-konsumaturi jħallsu iktar milli jeħtieġu għall-enerġija tagħhom. Il-liġi l-ġdida se tidħol fis-seħħ sa tmiem din is-sena. Għall-ewwel darba, il-kummerċ tal-enerġija se jiġi skrinjat fil-livell tal-UE biex jinkixfu l-abbużi. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri se jistabbilixxu pieni biex jgħinu sabiex il-manipulazzjoni tas-suq tieqaf u tiġi evitata. Il-Kummissarju tal-UE għall-Eneġija, Günther Oettinger, qal: "Illum sar pass importanti fl-iżvilupp tas-suq intern. Ir-regoli l-ġodda tal-kummerċ se jikkontribwixxu għal prezzijiet ġusti tal-enerġija. Barra minn hekk, billi jittejbu t-trasparenza u l-integrità tas-suq, aħna nżidu wkoll l-fiduċja tagħna fil-parteċipanti kollha tas-suq fit-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Dan irawwem il-kompetizzjoni u jiżgura li l-konsumaturi jiksbu dejjem l-aħjar akkwist." Sfond Fl-Ewropa hemm mijiet ta' kumpaniji involuti fil-kummerċ tal-elettriku u l-gass bl-ingrossa u kuljum isiru sa 10 000 tranżazzjoni. Fl-enerġija, iktar minn f'setturi oħra, il-prezzijiet tas-suq huma sensittivi ħafna għad-disponibbiltà tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet tat-trażmissjoni. Dan huwa minħabba l-fatt li l-elettriku ma jistax jinħażen fuq skala industrijali. Għal din ir-raġuni l-prezzijiet jistgħu jiġu influwenzati faċilment billi tinħoloq impressjoni falza dwar id-disponibbiltà tal-kapaċitajiet jew billi tabilħaqq titnaqqas il-produzzjoni attwali. Is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa tal-Ewropa qed isiru wkoll dejjem iktar ta’ natura transkonfinali. L-iffissar tal-prezzijiet isir permezz tal-interazzjoni tal-provvista u d-domanda tal-fruntieri nazzjonali. Minbarra dan, ta' spiss it-tranżazzjonijiet jiġu konklużi barra mill-pajjiż li jkun relatat miegħu l-kummerċ. Dan kollu joħloq mezzi għall-abbuż tas-suq li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. S'issa r-regolaturi fl-Istati Membri ma kellhomx aċċess għad-dejta kollha dwar it-tranżazzjonijiet transkonfinali, u kien diffiċli li wieħed jifhem x'kien għaddej f’dawn is-swieq u li effettivament jinkixef l-abbuż. Ir-Regolament adottat illum għandu l-għan li jtemm din is-sitwazzjoni. Ir-Regolament se japplika għall-kummerċ kollu tal-elettriku u tal-gass bl-ingrossa fl-UE, inklużi l-kuntratti għat-trasportazzjoni ta' dawn l-prodotti lill-klijenti. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll sistema ta' kxif tal-abbuż tas-suq u jipprevedi pieni f'każ li ma jiġux rispettati r-regoli. B’mod partikolari, ir-Regolament:
Dawn il-miżuri kollha diġà kienu parti mill-proposta tal-Kummissjoni, minbarra r-reġistru tal-UE li jimmira li jżid it-trasparenza billi jidentifika l-atturi tas-suq attivi fis-suq u r-referenza li l-pieni jeħtieġ jirriflettu d-danni kkawżati lill-konsumaturi. It-tnejn se jgħinu biex jinfurzaw l-għan tar-Regolament tagħna. Fit-8 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni pproponiet regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija. It-test ġie adottat fl-ewwel qari mill-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Settembru 2011. Illum, ir-Regolament ġie adottat mill-Kunsill u dalwaqt se jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali Għal iktar tagħrif Ir-Regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija jista' jiġi kkonsultat hawnhekk. Is-sit elettroniku tal-Kummissjoni fuq: http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/markets/wholesale_en.htm Għal iktar tagħrif jekk jogħġbok ara l-MEMO/10/655.
|
Side Bar