Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

It-tibdil fil-klima: Stħarriġ juri iktar tħassib pubbliku u għarfien dwar il-benefiċċji ekonomiċi ta' teħid ta' azzjoni

Brussell, is-7 ta' Ottubru 2011 – Stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru ppubblikat illum, wera li aktar minn żewġ Ewropej minn tlieta jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja u kważi 80 % jikkunsidraw li t-teħid ta' azzjoni kontrih jista' jgħin l-ekonomija u l-impjiegi.

L-istħarriġ1 li sar f'Ġunju 2011, wera li l-pubbliku Ewropew huwa iktar imħasseb dwar it-tibdil fil-klima milli kien fl-2009 – u li t-tibdil fil-klima jibqa' sitwazzjoni ta' tħassib akbar mis-sitwazzjoni ekonomika.

L-istħarriġ wera wkoll li b'mod ġenerali hemm aspettattivi madwar is-27 Stat Membru li l-Unjoni Ewropea se ssir soċjetà b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li tħares il-klima sa nofs dan is-seklu.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika qalet: "Din hija aħbar inkorraġġanti! Dan l-istħarriġ juri li ċ-ċittadini Ewropej jagħrfu li l-isfidi ekonomiċi mhumiex l-isfidi uniċi li qed niffaċċjaw. L-istħarriġ juri li maġġoranza kbira tal-Ewropej qed jistennew lill-politiċi u l-mexxejja tan-negozju jindirizzaw l-isfida serja tal-klima issa. Huwa impressjonanti li l-pubbliku huwa iktar inkwetat dwar it-tibdil fil-klima milli kien eżatt wara l-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima. B’mod partikolari, il-fatt illi iktar minn 3 Ewropej minn 4 jaraw it-titjib fl-effiċjenza enerġetika bħala mod li joħloq impjiegi ġodda huwa sinjal qawwi għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa. Dan l-istħarriġ inqisu bħala verament inkorraġġanti anke għalina fil-Kummissjoni, biex inkomplu nissieltu għal azzjoni klimatika ambizzjuża u konkreta fl-Ewropa. ''

Ir-riżultati ewlenin tal-istħarriġ huma kif ġej:

  • 68 % ta’ dawk intervistati jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna (żieda ’l fuq minn 64 % fl-2009). B’kollox 89 % iqisuh bħala problema serja (jew 'serja ħafna’jew 'pjuttost serja’). Fuq skala minn 1 (l-inqas) sa 10 (l-aktar), is-serjetà tat-tibdil fil-klima tpoġġiet fuq 7.4, filwaqt li din kienet 7.1 fl-2009.

  • B’mod ġenerali, it-tibdil fil-klima tqies bħala t-tieni l-iktar problema serja li qed tiffaċċja d-dinja, wara l-faqar, il-ġuħ u n-nuqqas ta’ ilma għax-xorb (ikkunsidrati bħala problema waħda). Waħda minn kull ħames persuni intervistati qieset it-tibdil fil-klima bħala l-problema unika l-iktar serja. 51 % (żieda ’ l fuq minn 47 % fl-2009) qalu li kienet jew l-aktar problema serja jew waħda mill-iktar problemi serji, meta mqabbla ma’ 45 % li rreferew għas-sitwazzjoni ekonomika b’dan il-mod.

  • 78 % qablu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jistgħu jkabbru l-ekonomija u l-impjiegi fl-UE – żieda ’l fuq minn 63 % fl-2009 li qablu li t-tibdil fil-klima jista’ jkabbar l-ekonomija u l-impjiegi. Fl-ebda Stat Membru ma kien hemm inqas minn żewġ persuni minn tlieta li appoġġaw din l-opinjoni.

  • 68 % jappoġġaw taxxa bbażata iktar fuq l-użu tal-enerġija, b’maġġoranza f’kull Stat Membru favur bidla bħal din.

  • Il-pubbliku jistenna li l-Ewropa ssir soċjetà li tħares il-klima sal-2050, viżjoni li l-Kummissjoni spjegat aktar kmieni din is-sena fil-Pjan direzzjonali tagħha għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju2. Kważi disgħa minn 10 (88 %) jistennew li fl-2050 l-Ewropa tuża iktar enerġija rinnovabbli, 87 % li l-Ewropa tikseb iktar effiċjenza enerġetika u 73 % li l-karozzi jkunu jaħdmu b’mod iktar effiċjenti mil-lum.

  • Il-problema tat-tibdil fil-klima titqies prinċipalment bħala responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali, l-UE u n-negozji. Kienu biss 21 % li kkunsidraw li kellhom responsabbiltà personali, iżda 23 % oħra ssuġġerew spontanjament li l-atturi kollha, inkluż huma nfushom, kienu jaqsmu responsabbiltà kollettiva.

  • Ftit aktar min-nofs dawk intervistati (53 %) qalu li kienu ħadu xi tip ta’ azzjoni biex jissieltu kontra t-tibdil fil-klima matul is-sitt xhur ta’ qabel, madankollu deher li l-proporzjon kien attwalment ikbar meta ġew mistoqsija x’azzjonijiet speċifiċi kienu ħadu: 66 % minn dawk li wieġbu stqarrew li kienu naqqsu l-iskart domestiku u kienu qed jirriċiklawh, l-azzjoni l-iktar komuni li ttieħdet.

Ir-rapport sħiħ tal-Ewrobarometru jinsab fuq is-sit tal-internet

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_379_360_en.htm#372

Kuntatt :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

1 :

Ewrobarometru Speċjali 372: It-tibdil fil-klima.

2 :

Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 COM (2011) 112.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website