Navigation path

Left navigation

Additional tools

OPEN DAYS 2011 – Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet (10-13 ta' Ottubru): Dibattitu dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni

European Commission - IP/11/1161   07/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

OPEN DAYS 2011 – Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet (10-13 ta' Ottubru): Dibattitu dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni

Brussell, is-7 ta' Ottubru 2011 – Id-disa' edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, OPEN DAYS 2011, se tibda fi Brussell fl-10 ta' Ottubru, fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jose Manuel Barroso, il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, Mercedes Bresso u l-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn. Koorganizzat mill-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni, l-avveniment ilaqqa' flimkien aktar minn 6,000 imsieħba reġjonali u lokali minn 200 reġjun tal-UE u minn tmien pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-avveniment huwa l-ewwel opportunità għal dibattitu dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar approċċ ġdid għall-politika ta' koeżjoni tal-UE (IP/11/1159).

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn, ikkummenta: "OPEN DAYS 2011 joffri opportunità tad-deheb lill-imsieħba reġjonali tagħna biex jingħaqdu fid-dibattitu dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni, li bħalissa jinsab għaddej ġmielu. Il-Kummissjoni għadha kif ippreżentat reviżjoni maġġuri tal-politika u poġġiet il-pedamenti għal impatt imtejjeb tal-investimenti tal-UE. Issa aħna qegħdin inserrħu fuq l-appoġġ attiv tar-reġjuni u l-bliet biex jippreżentaw riżultati konkreti f'investimenti u proġetti għaqlin għall-għanijiet tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, Mercedes Bresso, żiedet: "L-OPEN DAYS ta' din is-sena, ma setax ġie fi żmien aħjar, l-ewwel opportunità għal dibattitu dwar il-pakkett leġiżlattiv għall-politika reġjonali tal-ġejjieni. F'dan iż-żmien ta' kriżi, irridu niżguraw li kull Ewro li jintefaq fil-livell tal-UE jkollu impatt reali fil-prattika u jsaħħaħ is-sens ta' solidarjetà taċ-ċittadini. F'dan ir-rigward, aħna se nanalizzaw il-proposti tal-Kummissjoni bir-reqqa u se naraw fejn dawn jistgħu jiġu mtejba aktar fl-interess tar-reġjuni u l-bliet Ewropej."

Sfond

Taħt it-titlu "Ninvestu fil-futur tal-Ewropa: Reġjuni u bliet li jiġġeneraw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", 'il fuq minn 100 seminar se jiffukaw fuq tliet aspetti tematiċi:

  • Ewropa 2020: Is-seminars se juru u jiddiskutu kif il-politika ta' koeżjoni u r-reġjuni u l-bliet jikkontribwixxu għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

  • Riżultati aħjar: Id-dibattiti se jiffukaw fuq kif jittejbu r-riżultati tal-politika ta' koeżjoni permezz ta', pereżempju, il-'Qafas Strateġiku Komuni' li jkopri l-fondi kollha tal-UE b'impatt territorjali bejn l-2014 u l-2020.

  • Il-ġeografija hija importanti: Id-diskussjonijiet se jiffukaw fuq strateġiji territorjali integrati għar-reġjuni, il-bliet, iż-żoni transkonfinali u dawk makroreġjonali. Barra minn hekk, għadd ta' akkademiċi magħrufa minn diversi pajjiżi Ewropej, speċjalizzati fi studji urbani u reġjonali, se jagħtu 10 lezzjonijiet u seminars konġunti fl-Università tal-OPEN DAYS. Għadd ta' seminars ma' pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u ċ-Ċina, l-Amerika Latina, l-Ukraina u l-Awstralja se jiffaċilitaw skambji globali dwar il-politika reġjonali.

Il-'Meeting Place'

Is-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat se jkunu l-qofol tal-'Meeting Place' ta' din is-sena li se jsir fil-Kumitat tar-Reġjuni. Se jiġu ppreżentati 65 studju ta’ każijiet tal-Isħubija Privata Pubblika (PPP) minn 19-il pajjiż u setturi varji (it-teknoloġija tal-informazzjoni, it-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp urban, it-telekomunikazzjonijiet, eċċ.) waqt seminars u sessjonijiet ta' netwerking li jinvolvu esperti mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji privati.

L-Ewropa fir-reġjun jew fil-belt tiegħek

Flimkien mas-seminars ta' Brussell, hemm ippjanati 253 avveniment lokali bl-isem ta' "L-Ewropa fir-reġjun/belt tiegħi" bejn Settembru u Novembru fis-27 Stat Membru tal-UE, kif ukoll fil-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, l-Islanda, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Isvizzera u t-Turkija.

Għal aktar tagħrif:

www.opendays.europa.eu

IP/11/1159

COR/11/45

Segwi wkoll l-OPEN DAYS @EU_Regional on Twitter  #euopendays jew ingħaqad ma' parteċipanti oħrajn tal-OPEN DAYS fuq RegioNetwork 2020

Ir-ritratti kollha tal-avveniment se jkunu disponibbli fuq Flickr

Punti ewlenin tal-programm oħrajn

Programm tal-midja

Mappa tar-reġjuni parteċipanti

ANNESS

Il-punti ewlenin tal-ġimgħa tal-OPEN DAYS jinkludu:

  • Is-Sessjoni tal-Ftuħ, l-10 ta' Ottubru, 15:00-18:00, fl-Emiċiklu tal-PE: Għal din is-sessjoni mistennija jattendu sa 1,100 rappreżentant reġjonali u lokali Wara d-diskorsi ta' merħba minn Danuta Hübner, il-President tal-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew, Johannes Hahn u Mercedes Bresso, se jkun hemm diskorsi ewlenin ta' Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Elżbieta Bieńkowska, il-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali fil-Polonja. It-tieni parti se tiftaħ bi preżentazzjoni ta' Johannes Hahn tar-regolamenti proposti għall-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-2014-2020 li se tkun segwita b'dibattitu man-nies preżenti dwar it-tliet temi ewlenin tal-OPEN DAYS.

  • Laqgħa tal-Kummissjonijiet REGI u COTER, il-11 ta' Ottubru, 9:00-10:45, il-Kumitat tar-Reġjuni: F’laqgħa pubblika taż-żewġ Kummissjonijiet tal-PE u u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika ta' koeżjoni tal-UE, se jiġu diskussi l-proposti leġiżlattivi u se partikolarment id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013.

  • Sessjoni Plenarja Speċjali, it-13 ta' Ottubru, 9:30-11:15, il-Bini Charlemagne: Din is-sessjoni se tiffoka fuq ir-rwol tal-fondi taħt il-'Qafas Strateġiku Komuni' l-ġdid biex jorbot l-investiment taħt il-politika ta' koeżjoni, l-iżvilupp rurali u l-politika s-sajd ma' Ewropa 2020. Din is-sessjoni se tlaqqa' lill-Kummissarji Johannes Hahn, László Andor u Maria Damanaki.

Kuntatti :

Ton Van Lierop (+32 2 296 65 65)

Marie-Pierre Jouglain (+32 2 298 44 49)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website