Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE kkommettiet ruħha li tikseb l-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt

European Commission - IP/11/1160   10/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE kkommettiet ruħha li tikseb l-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2011 – L-10 ta' Ottubru huwa meqjus bħala l-Jum Dinji u Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt. L-abolizzjoni tal-piena tal-mewt mad-dinja kollha, tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-UE tikkonsidra l-piena tal-mewt bħala piena inumana u li tmur kontra d-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk, din ma sservix ta' miżura dissważiva għall-kriminalità vjolenti. Kull piena kapitali li tingħata b'segwitu għal amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja, fatt li jista' jseħħ fi kwalunkwe sistema ġudizzjarja, tirrappreżenta telfa irriversibbli ta' ħajja umana.

"Illum qed niċċelebraw l-Jum Dinji u Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt. Jien inwiegħed li nonora l-impenn kontinwu tiegħi, flimkien ma' dak tal-Unjoni Ewropea, fil-ġlieda kontra l-piena tal-mewt, li ma jistħoqqilhiex post fid-dinja moderna," qalet Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika dwar is-Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

L-UE qiegħda minn ta' quddiem fil-ħidma ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili filwaqt li qed tagħti l-ikbar kontribut fil-kampanja li qed imexxu mad-dinja kollha favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt. L-UE qed tagħmel użu mill-għodda kollha disponibbli li joffru d-diplomazija u l-għajnuna fil-kooperazzjoni biex taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena kapitali. F'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha fis-seħħ, l-UE titlob li l-applikazzjoni tagħha ssir dejjem aktar limitata u tinsisti li din għandha tiġi eżegwita skont l-istandards minimi li ntlaħaq ftehim dwarhom fuq livell internazzjonali.

L-UE tinkoraġġixxi li jkun hemm dibattitu pubbliku, li jasal biex isaħħaħ l-oppożizzjoni pubblika u li jagħmel pressjoni fuq il-pajjiżi li baqgħu jżommu l-piena tal-mewt bil-għan li dawn jabolixxuha, jew li tal-anqas, għall-ewwel, jistabbilixxu moratorju. Barra minn hekk, l-UE tieħu azzjoni kontra l-piena tal-mewt f'fora multilaterali, bħal pereżempju n-Nazzjonijiet Uniti; il-qofol tal-isforzi tagħha jidher mis-sensiela ta' riżoluzzjonijiet dwar il-moratorju fir-rigward tal-użu tal-piena tal-mewt, li ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Lulju tal-2011 se jibqa' mfakkar bħala l-20 anniversarju tad-dħul fis-seħħ tat-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ikkunsidrat bħala l-istrument legali ewlieni fuq livell dinji għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt. L-UE tinkoraġġixxi lill-Istati kollha biex jirratifikaw jew jaderixxu ma' dan il-protokoll. 

L-UE hija wkoll l-ewwel korp reġjonali li adotta r-regoli li jipprojbixxu kemm il-kummerċ ta' oġġetti li jintużaw fil-piena kapitali (u fit-tortura u fil-moħqrija), kif ukoll l-għoti ta' assistenza teknika relatata ma' oġġetti ta' dan it-tip. Flimkien mal-impenn politiku tal-UE hemm appoġġ finanzjarju sostanzjali fir-rigward ta' proġetti konkreti.

Għal aktar informazzjoni, ara l-MEMO/11/669

Dikjarazzjoni konġunta:

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/124992.pdf

Għal iktar informazzjoni:

http://www.eeas.europa.eu/human_rights/adp/index_en.htm

http://www.eidhr.eu/highlights/death-penalty

Kuntatti :

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website