Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tqiegħed il-pedamenti biex ittejjeb l-impatt tal-investimenti tal-koeżjoni wara l-2013

Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2011 – il-politika ta’ koeżjoni tal-UE kienet forza għall-bidla f’dawn l-aħħar għaxar snin u għamlet kontribut ġenwin għall-konverġenza u t-tkabbir fl-UE; direttament ħolqot iktar minn miljun impjieg, investiet fit-taħriġ biex ittejjeb l-impjegabilità ta’ 'l fuq minn għaxar miljun ruħ u kkofinanzjat il-bini ta’ iktar minn 2 000 km ta’ awtostrada u 4 000 km ta’ linji tal-ferrovija u waqqfet mill-inqas 800 000 SME (Intrapriżi Żgħar u Medji). Biex tkompli b’din il-ħidma fil-ġejjieni u ssaħħaħ il-konċentrazzjoni fuq il-prijoritajiet ekonomiċi Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pakkett leġiżlattiv għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu mill-2014 sal-2020. Dan huwa mfassal biex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi madwar l-Ewropa billi fil-mira għandu l-investiment tal-UE fl-Aġenda tat-Tkabbir u l-Impjiegi tal-Ewropa (“Ewropa 2020”).

Il-konċentrazzjoni fuq inqas prijoritajiet ta’ investiment f’konformità ma’ dawn l-għanijiet, se tkun fil-qalba tal-Kuntratti ta’ Sħubija, li l-Istati Membri se jiftiehmu dwarhom mal-Kummissjoni Ewropea. Dawn se jistipulaw miri ċari u se jwarrbu riserva għar-rendiment finanzjarju biex jippremjaw dawk ir-reġjuni li jilħqu l-miri tagħhom l-aħjar. Biex ikun żgurat li l-impatt tal-investimenti tal-UE fuq it-tkabbir u l-impjiegi ma jiġix imxekkel minn politiki makroekonomiċi ħżiena jew minn kapaċità amministrattiva dgħajfa, il-Kummissjoni tista’ titlob li tirrevedi l-programmi jew tissospendi l-finanzjament jekk ma tittiħidx azzjoni ta’ rimedju.

L-impatt tal-fondi se jissaħħaħ ukoll bis-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-fondi differenti, inkluż l-iżvilupp rurali u marittimu u s-sajd. Ġabra waħda ta’ regoli għal ħames fondi differenti. U b’approċċ iktar integrat, il-fondi differenti jkunu jistgħu jaqdu għanijiet koerenti u jsaħħu l-impatt ta’ xulxin.

Il-proposti tal-lum se jsaħħu b’mod partikolari l-investiment soċjali, sabiex in-nies tingħatalhom is-setgħa biex jaffaċċjaw sfidi oħra tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni, bil-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni ġdid li jkompli jżid mal-Fond Soċjali Ewropew u jsaħħu.

Johannes Hahn, li huwa l-Kummissarju għall-Politika Reġjonali qal: “Il-politika ta’ koeżjoni diġà tat ħafna għaż-żieda tal-prosperità fl-UE. Iżda minħabba l-kriżi ekonomika, issa għandha ssir mutur tat-tkabbir u l-kompetittività. Il-proposti tagħna għandhom iservu biex il-fondi tal-UE jaħdmu dejjem iktar. Billi se niffokaw l-investimenti fuq l-aspetti kruċjali għat-tkabbir – l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs), l-innovazzjoni, l-effiċjenza tal-enerġija – se niksbu impatt ikbar. U qegħdin nimmodernizzaw il-politika b'kundizzjonijiet li jiżguraw ir-rendiment u r-riżultati, b’inċentivi għal dawk li jagħtu r-riżultati bl-aktar mod effettiv, u bi proċeduri simplifikati."

László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni żied: "Din il-proposta integrata ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-politika ta’ koeżjoni billi tiżgura ishma minimi għall-Fond Soċjali Ewropew u billi ssaħħaħ il-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Parti importanti mill-isforzi tagħna biex noħorġu mill-kriżi hija li npoġġu lin-nies fuq quddiem. Dawn il-fondi huma l-fulkri finanzjarji li jsarrfu l-politiki tagħna f’realtà fil-prattika għal miljuni ta’ ċittadini, u jgħinuhom isibu impjieg u jikkontribwixxu għal irkupru li jkun rikk fl-impjiegi".

Sfond

Il-pakkett jinkludi:

  • Regolament inklussiv li jistipula regoli komuni għat-tmexxija tal-Fond Ewropew ta' Żvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (EMFF). Dan se jippermetti li l-fondi jintużaw flimkien aħjar għal impatt iktar qawwi tal-azzjoni tal-UE.

  • Tliet regolamenti speċifiċi għall-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni.

  • Żewġ regolamenti dwar l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u r-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (EGTC).

  • Żewġ regolamenti dwar il-Fond Ewropew ta’ Globalizzazzjoni (EGF) u l-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni.

  • Komunikazzjoni dwar il-Fond tal-Unjoni Ewropea tas-Solidarjetà (EUSF)

Il-passi li jmiss

Dawn il-proposti issa se jiġu diskussi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jiġu adottati qabel tmiem l-2012, biex tkun tista’ tibda ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi tal-politika tal-koeżjoni fl-2014.

In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-baġit kollu tal-UE se jkomplu fl-istess ħin. Il-Kummissjoni diġà proponiet li talloka EUR 336 biljun għall-istrumenti tal-politika tal-koeżjoni fl-2014-2020. (IP/11/799)

L-allokazzjonijiet finali mill-Istat Membru, u l-listi ta’ reġjuni eliġibbli skont il-kategorija, se jiġu deċiżi biss wara l-adozzjoni finali tal-pakkett fuq il-mejda llum.

Għal analiżi aktar dettaljata, ara MEMO/11/663

Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet ("Ġranet Miftuħa 2011") mill-10 sat-13 ta’ Ottubru se tagħti l-opportunità lill-partijiet interessati li qed jaħdmu fuq il-politika biex jiddiskutu l-proposti l-ġodda.

Għat-testi leġiżlattivi jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/regional_policy/what/future/proposals_2014_2020_en.cfm

Kuntatti :

Ton Van Lierop (+32 2 296 65 65)

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Marie-Pierre Jouglain (+32 2 298 44 49)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website