Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/114

Brussell, l-1 ta’ Frar 2011

L-Iskorbord il-ġdid tal-Unjoni tal-Innovazzjoni: il-kompetituri ewlenin jaqbżu lill-UE minkejja progress f'ħafna Stati Membri

L-UE mhux jirnexxilha tagħlaq id-distakk fir-rendiment tal-innovazzjoni mal-kompetituri internazzjonali ewlenin: l-Istati Uniti u l-Ġappun. Għalkemm it-tendenzi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE huma promettenti minkejja l-kriżi ekonomika, il-progress mhux mgħaġġel biżżejjed. Filwaqt li l-UE għad għandha vantaġġ ċar fuq l-ekonomiji emerġenti tal-Indja u r-Russja, il-Brażil qed jagħmel progress regolari, u ċ-Ċina qiegħda tirkupra malajr. Fi ħdan l-UE, l-Isvezja hija l-iktar li impressjonat segwita mid-Danimarka, il-Finlandja u l-Ġermanja. Ir-Renju Unit, il-Belġju, l-Awstrija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Franza, Ċipru, is-Slovenja u l-Estonja, f'dik l-ordni, jiffurmaw il-grupp li jmiss. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet ewlenin tal-Iskorbord tal-2010 tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (IUS) ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Din hija l-ewwel edizzjoni taħt l-inizjattiva tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (IP/10/1288) u tieħu post dak li kien l-Iskorbord tal-Innovazzjoni Ewropew (EIS). L-Iskorbord jiżdied mal-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali (IP/11/22) ippubblikat dan l-aħħar biex jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw il-qawwiet u d-dgħufijiet u jagħtu spinta lir-rendiment tal-innovazzjoni permezz tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom tal-Ewropa 2020.

"L-Iskorbord juri li rridu nagħmlu iktar sforz biex nagħmlu l-Ewropa iktar innovattiva sabiex inlaħħqu mal-kompetituri ewlenin tagħna u nirkupraw it-triq għal tkabbir robust u sostenibbli" enfasizza l-Viċi President Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija.

"Dan l-Iskorbord tal-Unjoni tal-Innovazzjoni jenfasizza l-emerġenza tal-innovazzjoni fl-Ewropa. L-innovazzjoni hija l-ilma tal-ħajja għal ekonomija moderna li tirnexxi. Hija l-qalba tat-tfassil politiku ekonomiku u l-mod ewlieni ta' kif l-ekonomiji joħolqu l-impjiegi. Għalhekk l-Iskorbord tal-lum huwa l-pilastru ċentrali tal-Istrateġija Ewropa 2020. Irridu li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minnu biex jibnu fuq il-qawwiet tagħhom u jindirizzaw id-dgħufijiet tagħhom," qalet il-Kummissarju Máire Geoghegan-Quinn li hija l-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza.

L-Iskorbord tal-2010 jqis 25 indikatur relatat mar-riċerka u l-innovazzjoni u jkopri s-27 Stat Membru tal-UE, kif ukoll il-Kroazja, is-Serbja, it-Turkija, l-Islanda, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, in-Norveġja u l-Isvizzera. L-indikaturi huma miġbura fi tliet kategoriji ewlenin:

  • - "Elementi abilitanti", jiġifieri l-element fundamentali li jippermettu li sseħħ l-innovazzjoni (ir-riżorsi umani, il-finanzi u l-appoġġ, sistemi ta' riċerka miftuħin, eċċellenti u attraenti);

  • - "Attivitajiet tal-impriżi" li juru kemm huma innovattivi l-impriżi Ewropej (investimenti tal-impriżi, kollaborazzjonijiet u intraprenditorija, assi intellettwali); u

  • - "Riżultati" li juru kif dan jissarraf f'benefiċċji għall-ekonomija kollha kemm hi (innovaturi, effetti ekonomiċi).

It-tqabbil tal-indikaturi għall-UE27, l-Istati Uniti u l-Ġappun juru li l-UE27 mhix tagħlaq id-distakk tar-rendiment tagħha mal-kompetituri ewlenin tagħha.

L-ikbar distakk jidher fil-kategorija tal-"Attivitajiet tal-impriżi" fejn l-UE27 qiegħda lura f'termini ta' kopubblikazzjonijiet, infiq min-negozji fir-riċerka u l-iżvilupp, u, meta mqabbla mal-Ġappun, fil-privattivi tal-PCT (it-Trattat dwar il-Kooperazzjoni fil-Privattivi). Dan juri li d-distakk tal-Ewropa fir-riċerka u l-iżvilupp jinsab primarjament fis-settur privat. Il-prijorità għandha għalhekk tkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet regolatorji u kundizzjonijiet qafas oħrajn li jinkoraġġixxu iktar investiment mis-settur privat u li jiffaċilitaw l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka skont is-settur tan-negozju, b'mod partikolari permezz ta' sistema ta' privattivi iktar effiċjenti; Id-distakk huwa partikolarment għoli u qiegħed jiżdied malajr fl-introjtu mill-liċenzji u l-privattivi minn barra. Dan huwa indikatur importanti tad-dinamiżmu ekonomiku. Dan juri li l-mudell ekonomiku u l-funzjonament tas-suq intern għal għarfien protett fl-UE għandu bżonn jittejjeb. Juri wkoll li l-UE qed tipproduċi inqas privattivi b'impatt qawwi (jiġifieri dawk li jiġġeneraw dħul sinifikanti minn pajjiżi terzi) mill-Istati Uniti u l-Ġappun u li mhix qed tikklassifika ruħha sew biżżejjed fis-setturi ta' tkabbir globali għoli;

Id-distakk li għadu sostanzjali fl-għadd ta' nies li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja qiegħed jonqos kemm kemm, bi tkabbir relattivament għoli fl-UE.

L-UE27, madankollu, sejra aħjar mill-Istati Uniti fl-infiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-esportazzjonijiet tas-servizzi intensivi fl-għarfien.

Tul l-aħħar ħames snin, l-iktar tkabbir qawwi tal-indikatturi tal-innovazzjoni tal-UE27 kien f'sistemi ta' riċerka miftuħa, eċċellenti u attraenti (kopubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali, pubblikazzjonijiet b'impatt għoli, studenti tad-dottorati mhux fl-UE) u assi intellettwali (Trademarks Komunitarji, privattivi tal-PCT u disinni Komunitarji).

Kumplessivament, l-UE27 qiegħda żżomm il-vantaġġ tagħha fuq l-Indja u r-Russja. Madankollu, l-UE 27 qiegħda titlef parti mill-vantaġġ tagħha fuq il-Brażil u, fuq kollox, fuq iċ-Ċina li qed ikomplu jnaqqsu d-distakk tar-rendiment mal-UE b'rata mgħaġġla (ara l-Figura 1).

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

FIGURA 1: TQABBIL MAL-KOMPETITTURI EWLENIN

L-Iskorbord ipoġġi lill-Istati Membri fl-erbgħa gruppi ta' pajjiżi li ġejjiin (ara l-Figura 2):

  • Mexxejja fl-innovazzjoni: Id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Isvezja kollha juru rendiment 'il fuq sew minn dak tal-medja tal-UE27.

  • Insegwituri fl-Innovazzjoni: L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, u r-Renju Unit kollha juru rendiment qrib dak tal-medja tal-UE27.

  • Innovaturi moderati: Ir-rendiment tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja huwa taħt dak tal-medja tal-UE27.

  • Innovaturi modesti: Ir-rendiment tal-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja u tar-Rumanija huwa 'l isfel sew mill-medja tal-UE27.

Figura 2: Ir-rendiment fl-innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Nota: Ir-rendiment medju jitkejjel bl-użu ta' indikatur kompost li jqis id-dejta għal 24 indikatur li jmorru mill-iktar rendiment baxx possibbli ta' 0 għar-rendiment massimu possibbli ta' 1. Ir-rendiment medju fl-2010 jirrifletti r-rendiment fl-2008/2009 minħabba invervall fid-disponibilità tad-dejta.

Ir-rendiment tal-Mexxejja fl-innovazzjoni hija ta' 20% jew iktar ogħla minn dik tal-UE27; dik tal-Insegwituri fl-innovazzjoni hija ta' inqas minn 20% 'il fuq imma iktar minn 10% taħt dik tal-UE27; dik tal-Innovaturi moderati hija ta' inqas minn 10% taħt imma iktar minn 50% taħt dik tal-UE27; u dik tal-Innovaturi modesti hija ta' taħt 50% ta' dik tal-UE27.

Informazzjoni fl-isfond:

Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni fl-Innovazzjoni f'Ottubru 2010, l-Iskorbord tal-Innovazzjoni Ewropew (EIS) - għodda stabbilita u rikonoxxuta sew għall-valutazzjoni tar-rendiment fl-innovazzjoni fl-Istati Membri tal-UE - ġie rivedut u ngħata isem ġdid l-Iskorbord tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (IUS). L-Iskorbord tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li kien ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mħejji miċ-Ċentru għat-Taħriġ u r-Riċerka Ekonomika u Soċjali dwar l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ta' Maastricht (UNU-MERIT) b'kollaborazzjoni miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC).

Ir-rapport sħiħ jinstab fi:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/facts-figures-analysis/index_en.htm

u

http://www.proinno-europe.eu/metrics

Għal iktar tagħrif, ara MEMO/11/56.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni

Ewropa 2020


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website