Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-aċċess għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni

European Commission - IP/11/1147   03/10/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Diġitali: konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-aċċess għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni

Brussell, it-3 ta' Ottubru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea varat żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi relatati mal-aċċess ta' operaturi alternattivi għat-telefonija fissa u n-netwerks tal-broadband ta' operaturi stabbiliti. Il-konsultazzjonijiet jagħmlu parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lis-Suq Uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni billi tiżgura approċċi konsistenti u koerenti li jirregolaw netwerks tal-broadband u t-telefonija fl-Istati Membri kollha.

L-ewwel konsultazzjoni tikkonċerna aċċess mhux diskriminatorju ta' operaturi alternattivi għall-infrastruttura u s-servizzi ta' operaturi dominanti tat-telekomunikazzjoni. It-tieni konsultazzjoni tikkonċerna l-mod kif ir-regolaturi nazzjonali jikkalkulaw il-prezzijiet li għandhom jitħallsu minn operaturi għal dan l-aċċess bl-ingrossa (rimedji orjentati lejn l-ispejjeż) Ir-riżultati ser jgħinu lill-Kummissjoni biex tfassal abbozz ta' Rakkomandazzjonijiet għal applikazzjoni, li tkun konsistenti u li tħajjar l-investiment, ta' rimedji għall-kontroll tal-prezzijiet u kontra d-diskriminazzjoni.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet "Jeħtieġ li jkollna konsistenza regolatorja fl-Istati Membri kollha sabiex niżguraw kondizzjonijiet ekwi għat-telekomunikazzjoni madwar l-UE kollha, li jippermettu l-kompetizzjoni u l-investiment. Dan għandu jagħti assigurazzjoni lis-swieq li l-investiment f'netwerks tal-fibra huwa wieħed sikur u li jrendi."

Il-konsistenza regolatorja hija kruċjali sabiex tiżgura li l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jkollom prevedibbiltà u ċarezza regolatorja, partikolarment meta jitqies l-investimenti fuq skala kbira meħtieġa għall-applikazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' netwerks ultraveloċi bbażati fuq il-fibra ottika (ara MEMO/10/424). Dawn in-netwerks tal-"ġenerazzjoni li jmiss" huma essenzjali biex tintlaħaq il-mira tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li kull Ewropew jingħata aċċess għal broadband veloċi u ultraveloċi sal-2020 (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Il-konsistenza tgħin ukoll biex l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jkunu attivi f'bosta Stati Membri. Il-konsultazzjoni dwar l-ipprezzar tal-bejgħ bl-ingrossa se teżamina b'mod partikolari kif ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-aċċess għal sistemi bir-ramm u l-fibra tista' taffettwa l-inċentivi għal investiment f'netwerks ġodda bbażati fuq il-fibra.

Il-Kummissjoni ser teżamina dawn is-suġġetti minħabba l-fatt li bħalissa r-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni qed jieħdu approċċi differenti meta jagħżlu li jirregolaw dawn l-oqsma.

L-applikazzjoni tal-gwida tal-Kummissjoni mir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni ser tiżgura li l-operaturi jkunu jistgħu jixtru prodotti ta' aċċess għal broadband, bħal "Bitstream" jew infrastrutturi lokali miftuħa, bl-istess mod fl-UE kollha. B'hekk l-operaturi jkunu jistgħu finalment joffru servizzi bl-imnut kompetittivi tagħhom stess lil konsumaturi b'kondizzjonijiet ekwivalenti.

Iż-żewġ konsultazzjonijiet huma miftuħa għal operaturi tat-telekomunikazzjoni, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, regolaturi nazzjonali, Stati Membri u partijiet oħra interessati sat-28 ta' Novembru 2011.

Sfond

Skont ir-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni, ir-regolaturi nazzjonali jistgħu jesiġu lill-operaturi dominanti biex ma jiddiskriminawx kontra l-kompetituri tagħhom favur in-negozji bl-imnut tagħhom stess, sabiex jiġi evitat li jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq. Għall-aħħar tmien snin, il-Kummissjoni kienet qed tivvaluta proposti minn regolaturi nazzjonali rigward operaturi dominanti skont il-proċedura ta' konsultazzjoni stabbilita mill-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tal-UE (2002/21/KE) (ara MEMO/10/226). Il-Kummissjoni skopriet li r-regolaturi nazzjonali għandhom interpretazzjoni differenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni eżatt tal-"obbligu ta' ebda diskriminazzjoni" u li l-monitoraġġ u l-infurzar tagħhom ivarjaw ukoll.

Ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni japplikaw ukoll approċċi differenti ħafna meta jiffissaw prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż, li operaturi alternattivi jkollhom iħallsu tal-aċċess għall-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni. Saħansitra meta r-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni japplikaw l-istess mod ta' kalkolu tal-prezzijiet għall-istess prodotti ta' aċċess, jeżistu varjazzjonijiet sostanzjali f'termini ta' implimentazzjoni. Dan jirriżulta f'diverġenza konsiderevoli ta' prezzijiet madwar l-Ewropa (pereżempju minn EUR 5.21/xahar fil-Litwanja għal EUR 12.41/xahar fl-Irlanda għall-aċċess bl-ingrossa għall-infrastruttura lokali). Il-Kummissjoni ma temminx li dawn id-differenzi enormi bejn il-pajjiżi jistgħu jiġu spjegati sempliċiment minn varjazzjonijiet fi spejjeż fundamentali.

Il-frammentazzjoni regolatorja li tirriżulta mhux biss tipperikola l-investimenti tant meħtieġa f'teknoloġiji ġodda iżda tfixkel ukoll l-evoluzzjoni tas-Suq Uniku Ewropew tat-telekomunikazzjoni u l-iżvilupp ta' operaturi pan-Ewropej. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ħabbret fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li ser tagħti prijorità lill-għotja ta' gwida dwar dawn is-suġġetti lir-regolaturi nazzjonali.

Il-passi li jmiss

Ir-regoli reveduti tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni li daħlu fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2011 jagħtu lill-Kummissjoni poteri ġodda biex tiżgura li dawn ir-regoli jiġu applikat konsistentement (ara MEMO/11/321). B'mod partikolari, jekk il-Kummissjoni ssib illi hemm diverġenzi fil-mod li r-regolaturi nazzjonali jimplimentaw ir-regoli dwar it-telekomunikazzjoni, li jistgħu jkunu ostaklu għas-Suq Uniku, il-Kummissjoni tista' toħroġ l-ewwel Rakkomandazzjoni wara li tkun qieset ukoll bis-sħiħ l-opinjoni ta' BEREC (il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ).. Skont ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE, ir-regolaturi nazzjonali għandhom "iqisu bis-sħiħ" ir-Rakommandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Wara almenu sentejn mill-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta Deċiżjoni vinkolanti dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tal-qafas, inkluż ir-rimedji imposti fuq operaturi dominanti (jiġifieri dawk li jgawdu poter sinifikanti fis-suq).

Jekk, abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tiddeċiedi li toħroġ gwida fil-forma ta' Rakkomandazzjoni fuq suġġett wieħed jew fuq it-tnejn, għandha l-ewwel tieħu l-opinjonijiet ta' BEREC, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (2002/21/KE), u tal-Kumitat dwar il-Komunikazzjonijiet (COCOM), kumitat konsultattiv magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Il-websajt ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:http://twitter.com/#!/neeliekroeseu

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website