Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern: jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex iwettqu t-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE

Brussell, id-29 ta' Settembru 2011 – F'dan iż-żmien ta' kriżi, is-Suq Uniku għandu rwol importanti x'iwettaq biex l-Ewropa toħroġ mill-istaġnar ekonomiku. Iżda kull meta Stat Membru wieħed jew aktar jonqos milli jinkludu r-regoli tal-UE fil-liġi nazzjonali fil-ħin, iħallu vojt fil-qafas legali tal-UE, li jwassal għal frammentazzjoni. Għaldaqstant, l-interessi ekonomiċi tal-Istati Membri kollha jistgħu jbatu jekk Stat Membru wieħed ma jiħux azzjoni. Illum, it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea1 turi li l-Istati Membri għandhom bżonn b'mod urġenti li jtejbu l-aħħar sforzi tagħhom għat-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE. 16 mis-27 Stat Membru tal-UE ma laħqux il-mira għad-defiċit ta' traspożizzjoni ta' massimu ta' 1 %, stabbilita mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tal-UE fl-2007, tul l-aħħar perjodu ta' referenza (l-aħħar sitt xhur).

Dan ifisser li bħala medja, 1.2 % tad-Direttivi dwar is-Suq Intern, li skadiet id-data tat-traspożizzjoni tagħhom, bħalissa mhumiex imniżżla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F'Novembru 2010 din kienet 0.9 %. Madankollu l-Istati Membri naqqsu l-medja tad-dewmien meħtieġ biex issir it-traspożizzjoni ta' Direttiva tal-UE għal liġi nazzjonali għal 5 xhur u nofs. Fatt ieħor pożittiv huwa li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, l-għadd ta’ ksur tal-liġi naqas bi kwart mill-2007 'l hawn. Il-Belġju għadu jirreġistra l-akbar għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni, u warajh jiġu l-Greċja u l-Italja. Meta wieħed iqis l-indikaturi kollha ta' infurzar, Malta u l-Latvja jibqgħu dawk il-pajjiżi li b'mod ġenerali jiksbu l-aqwa riżultati.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Ma hemm l-ebda dubju li s-Suq Uniku huwa l-mutur għal tkabbir ġdid tal-ekonomija tagħna. Jekk irridu tassew nużaw b'mod sħiħ il-potenzjal tas-Suq Uniku sabiex jerġa' jqiegħdna fit-triq it-tajba, irridu nkunu żguri li qed ikun hemm traspożizzjoni u applikazzjoni konkreta u kif xieraq tal-liġijiet tiegħu - kullimkien. Għad hemm lok għal titjib. Jeħtieġ naħdmu flimkien biex naslu."

L-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar is-Suq Intern

  • Għall-ewwel darba mill-2007, l-Istati Membri ma laħqux il-mira għad-defiċit ta' traspożizzjoni ta' massimu ta' 1 %. Id-defiċit medju ta' traspożizzjoni tal-UE - jiġifieri l-perċentwal ta' Direttivi dwar is-Suq Intern li ma ġewx inklużi fil-liġi nazzjonali fil-ħin - tas-27 Stat Membru żdied minn 0.9 % għal 1.2 % tul dawn l-aħħar sitt xhur.

  • L-għadd ta’ Stati Membri li laħqu l-mira għad-defiċit ta' traspożizzjoni ta’ 1 % naqas minn 20 għal 11-il Stat Membru. Il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, Spanja u s-Slovakkja reġgħu laħqu l-mira – iżda uħud minnhom bl-eżatt.

  • Għal darb’oħra Malta kisbet l-aqwa riżultati fir-rigward tat-traspożizzjoni, u qiegħda lura b'żewġ direttivi biss.

  • Minn 11-il Stat Membru li bħalissa laħqu l-mira ta' 1 %, hija biss l-Estonja li tejbet id-defiċit ta' traspożizzjoni tagħha, meta mqabbel ma' sitt xhur ilu: minn 1.3 % f'Marzu għal 0.9 % illum. L-Estonja tat prova li, minkejja dawn iż-żminijiet ta’ sfida, għadu possibbli li l-prestazzjoni tat-traspożizzjoni tinżamm kif inhi jew tittejjeb aktar.

  • Minkejja li f'Marzu kellhom riżultati tajbin, il-Belġju, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit, issa ma laħqux il-mira ta' 1 %.

  • Barra minn dan, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Ungerija, il-Polonja u l-Italja baqgħu 'l fuq mil-limitu massimu ta' 1 %. Ir-Repubblika Ċeka bħalissa għandha l-ogħla defiċit ta' traspożizzjoni (2 %).

  • Tmintax-il xahar ilu, l-Istati Membri ħadu medja ta' 9 xhur żejda sabiex iwettqu t-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE wara li kienet għaddiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri kollha biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom aktar fuq il-ħtieġa li jnaqqsu d-dewmien fit-traspożizzjoni. Issa l-Istati Membri rnexxielhom inaqqsu l-medja tad-dewmien tal-UE għat-traspożizzjoni għal 5 xhur u nofs.

Ksur

  • L-għadd kumplessiv ta' proċedimenti ta' ksur marbuta mas-Suq Intern qed ikompli jonqos - issa naqas bi kwart mill-2007 'l hawn.

  • Illum l-għadd medju ta’ proċedimenti ta’ ksur mibdija huwa dak ta’ 37 każ għal kull Stat Membru meta mqabbel mal-40 każ ta’ sitt xhur ilu. Il-Belġju għadu responsabbli għall-akbar għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur, u warajh jiġu l-Greċja u l-Italja.

  • L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu azzjoni minnufih sabiex ikunu konformi mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Madankollu, bosta każi jieħdu ħin konsiderevoli - medja ta' aktar minn 17-il xahar - biex ikunu solvuti.

  • Franza hija responsabbli għall-akbar dewmien biex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti u tieħu medja ta' sentejn biex tagħmel dan.

It-Tabella ta' Infurzar tas-Suq Intern

It-tabella ta' infurzar tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li meta wieħed iqis id-diversi indikaturi tal-infurzar, għadd żgħir biss mill-Istati Membri jiksbu riżultati aħjar mill-medja tal-UE (ara l-Anness). B'mod ġenerali, Malta u l-Latvja jiksbu l-aqwa riżultati.

Attenzjoni speċjali: Att dwar is-Suq Uniku

F'April, il-Kummissjoni varat l-Att dwar is-Suq Uniku. Filwaqt li jippreżenta 12-il inizjattiva għal tkabbir ġdid, l-għan tiegħu huwa li jerġa' jqiegħed l-ekonomija Ewropea fit-triq it-tajba (ara IP/11/469). L-Att dwar is-Suq Uniku jidentifika l-monitoraġġ aktar mill-qrib tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-Suq Uniku bħala indispensabbli għas-suċċess tiegħu. Għalhekk jipproponi li jsaħħaħ l-isforzi permezz ta' limiti numeriċi ġodda, bħat-tnaqqis tal-mira għad-defiċit ta' traspożizzjoni għal 0.5 %.

Il-Forum dwar is-Suq Uniku, li se jseħħ fi Krakovja (il-Polonja) fit-3 u l-4 ta' Ottubru, se jkollu l-għan li jiżgura impenn akbar lejn it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola s-Suq Uniku minn nies ewlenin li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Aktar tagħrif rigward it-Tabella ta' Valutazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/score/index_en.htm

Rigward il-Forum dwar is-Suq Uniku:

https://simfo2011.regware.be/en/internal_market/top_layer/

Anness: Tabella ta' Infurzar tas-Suq Intern

It-Tabella ta' Infurzar tas-Suq Intern tiġbor l-indikaturi l-iktar rilevanti sabiex tipprovdi stampa aħjar tal-konformità tal-Istati Membri mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern.

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

1 :

L-eżerċizzju tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern jiffoka fuq leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern. Dan huwa eżerċizzju differenti mir-rapport annwali tal-Kummissjoni li hu aktar mifrux dwar l-applikazzjoni ġenerali tal-liġi tal-UE (ara IP/11/1131).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website