Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/112

Brussell, il-31 ta' Jannar 2011

Il-ġejjieni tal-Politika ta’ Koeżjoni jingħata importanza fil-Ħames Forum dwar il-Koeżjoni

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE - li tiswa kważi €350 biljun tul perjodu ta’ 7 snin - tipprovdi appoġġ għal 455 programm ta’ żvilupp nazzjonali u reġjonali madwar l-UE. Fil-kuntest kemm tal-analiżi tal-baġit tal-UE kif ukoll tal-Istrateġija Ewropa 2020, qed jiġu diskussi għadd ta’ għażliet għar-riforma tal-politika meta l-perjodu ta' finanzjament attwali jintemm fl-2013. Il-Ħames Forum dwar il-Koeżjoni, li se jibda llum fi Brussell se jagħti l-aħħar opportunità lill-Istati Membri u r-reġjuni biex isemmgħu leħinhom qabel ma l-Kummissjoni tressaq il-proposti leġiżlattivi tagħha dwar il-politika ta' koeżjoni fil-ġejjieni, li mistennija jkunu magħrufa sas-sajf tal-2011. Għal dan l-avveniment mifrux fuq jumejn, u li jiġi organizzat kull tliet snin, il-Kummissjoni stiednet l-aktar fassala tal-politika importanti mis-27 Stat Membru. B'kollox huma mistennija jieħdu sehem madwar 800 parteċipant.

Flimkien ma’ Johannes Hahn, li huwa l-Kummissarju responsabbli mill-Politika Reġjonali, u László Andor, il-Kummissarju responsabbli mill-Impjiegi, l-Inklużjoni u l-Affarijiet Soċjali, mistennija jingħaqdu wkoll għall-inawgurazzjoni tal-avveniment il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, u l-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk – il-pajjiżi li għandhom f’idejhom il-Presidenza tal-UE. Il-Prim Ministru tal-Litwanja, Andrius Kubilius se jipparteċipa fil-forum ukoll.

F'diskors ta' qabel l-avveniment, il-Kummissarju Hahn stqarr: "L-Unjoni, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ekonomiċi diffiċli, teħtieġ investiment tajjeb u mmirat fir-reġjuni tagħna permezz tal-politika ta' koeżjoni. Il-Forum dwar il-Koeżjoni jipprovdi opportunità kruċjali għar-rappreżentanti nazzjonali, reġjonali u lokali, u anki partijiet interessati oħra, sabiex jiskambjaw l-ideat dwar il-futur tal-politika. Dak li joħroġ mill-konsultazzjoni u d-diskussjonijiet matul il-forum se jgħinna nħejju politika ta’ koeżjoni saħansitra aktar effettiva, li tkun adattata aktar għall-qagħda ekonomika tal-lum u li tgħinna nikkontribwixxu lejn il-miri ambizzjużi ta' Ewropa 2020. "

Il-Kummissarju Andor żied jgħid: “Rajna li l-politika ta' koeżjoni taf tagħmel differenza reali fl-impjiegi, fl-opportunatijiet ta' edukazzjoni u fl-inklużjoni. Din il-politika tqawwi it-tkabbir u l-kompetittività u tgħin fil-progress soċjali. Iżda din trid tiġi adattata ħalli tirrispondi għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħna hekk kif qed infeġġu mill-kriżi. L-istrateġija Ewropa 2020 hija r-riċetta maqbula bejnna lkoll u l-politika ta’ koeżjoni trid isservi ta’ bażi għall-prijoritajiet ta' riforma l-aktar importanti tagħha."

L-avveniment se jagħti ħarsa b’mod partikolari lejn ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fit-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 – li se sservi ta' pjan bażiku għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-UE tul id-diċennju li ġej. Tul l-avveniment se jkun hemm erba’ panels tematiċi, li kull wieħed minnhom se jkun ippresedut minn Kummissarji tal-UE. Dawn se jikkonċentraw fuq il-komponenti ewlenin tal-Istrateġija UE 2020: it-tkabbir intelliġenti, it-tkabbir kompatibbli mal-ambjent, it-tkabbir inklużiv, u d-dimensjoni territorjali tal-Ewropa 2020.

Bil-pubblikazzjoni tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni f’Novembru 2020, il-Kummissjoni esprimiet l-ideat inizjali tagħha biex is-sistema li biha titwettaq il-politika ta' koeżjoni ssir aktar sempliċi u standardizzata, u biex jitjiebu l-valutazzjoni, il-prestazzjoni u r-riżulatati permezz ta’ ffissar tal-miri b’mod aktar effettiv. Ir-rapport wera li l-politika ta’ koeżjoni tat kontribut sinifikanti għat-tkabbir u l-prosperità, b'ċifri li juru kif din il-politika għenet biex jinħolqu madwar 1.4 miljun impjieg ġdid, biex xi 34 miljun persuna qiegħda rritornaw għax-xogħol, biex ittejbu l-ħiliet ta' 36 miljun persuna oħra, biex ġew iffinanzjati 4,700 km ta' highways u 1,200 km ta' ferroviji veloċi, u kif ipprovdiet trattament tal-ilma użat għal 23 miljun persuna oħra, aċċess għall-ilma nadif għal 20 miljun persuna oħra, taħriġ fil-ħiliet għal 10 miljun persuna fis-sena, b’konċentrazzjoini fuq il-gruppi vulnerabbli.

Madankollu, għall-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni, il-Kummissjoni pproponiet li niffokaw il-finanzjament futur fuq il-prijoritajiet ewlenin konformi mal-miri tal-Ewropa 2020, bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt. Il-panels se jiddiskutu fid-dettall l-għażliet kollha espressi fir-rapport.

Tul il-forum, il-President Barroso se jippreżenta wkoll l-ewwel premjijiet ‘Reġjuni ta’ Eċċellenza’ f’ċerimonja wara s-sessjoni tal-ftuħ. Il-Litwanja, Wales (ir-Renju Unit) u Brandenburg (il-Ġermanja) huma r-rebbieħa tal-ewwel premjijiet u se jkunu rrappreżentati rispettivament mill-Prim Ministru Andrius Kubilius, l-Ewwel Ministru Carwyn Jones, u l-Ministru tal-Ekonomija u l-Affarijiet Ewropej Ralf Christoffers. Il-premijiet 'Reġjuni ta’ Eċċellenza’ jirrikonoxxu r-reġjuni u l-pajjiżi li jkunu implimentaw bl-ikbar suċċess il-politiki, il-programmi u l-proġetti b'mod konformi mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Ir-rebbieħa ntgħażlu bħala dawk li taw l-aqwa rendiment kumplessiv fil-premjijiet annwali tal-UE RegioStars mill-2008 ‘l hawn.

L-Isfond

Aktar tagħrif (inkluż il-programm għall-midja) dwar il-Ħames Forum dwar il-Koeżjoni jista’ jinkiseb mill-websajt. Tista’ anki ssegwi d-dibattiti fuq xandira diretta fis-sit. Din tibda fil-11:00 a.m. tat-Tnejn, 31 ta’ Jannar:

http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/5thcohesionforum/index_en.cfm

Iċ-ċerimonja tal-premjijiet 'Reġjuni ta' Eċċellenza' se tittella' f'12:00 p.m. fil-kumpless Charlemagne tal-Kummissjoni Ewropea, Brussell.

Sas-sajf 2011 il-Kummissjoni se tippreżenta proposti leġiżlattivi formali dwar il-politika tal-koeżjoni futura wara l-adozzjoni tal-proposti dwar il-baġit il-ġdid tal-UE.

Aktar informazzjoni dwar il-politika reġjonali tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/regional_policy/index_en.htm

Il-Fond Soċjali Ewropew:

http://ec.europa.eu/employment_social/esf/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website