Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Aġenda Diġitali: in-netwerks soċjali jistgħu jagħmlu ħafna aktar biex jipproteġu l-privatezza tal-minorenni – rapport mill-Kummissjoni

Brussell, it-30 Settembru 2011 - Skont sensiela ġdida ta’ testijiet mwettqa għall-Kummissjoni Ewropea tnejn biss minn disa' siti ta' netwerking soċjali (Habbo Hotel u Xbox Live) għandhom settings awtomatiċi li jagħmlu l-profili personali tal-minuri aċċessibbli biss għal-lista approvata tal-kuntatti tagħhom.

Madankollu, il-maġġoranza tas-siti ttestjati jagħtu liż-żgħażagħ l-informazzjoni dwar is-sikurezza li tkun adattata għall-età tagħhom, jagħtu gwida u/jew materjali edukattivi mmirati speċifikament lejn il-minorenni u jwieġbu talbiet għall-għajnuna. Seba' siti wieġbu għal talbiet għall-għajnuna, il-maġġoranza minnhom f’anqas minn jum.

Żewġ siti (Dailymotion u Windows Live) jiżguraw li l-minorenni jistgħu jiġu kkuntattjati awtomatikament mill-ħbieb biss permezz ta' messaġġi pubbliċi jew privati. Fis-siti kollha ttestjati, il-minorenni jistgħu jibagħtu talbiet għall-ħbiberija minn kwalunkwe persuna. Fuq sitta mis-siti, il-profili tal-minorenni jistgħu jiġu aċċessjati direttament minn ħbieb tal-ħbieb. Is-siti kollha ttestjati jipprovdu verżjoni iqsar u aktar adattata għat-tfal tat-Termini tal-Użu jew tas-Servizz tagħhom

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: “Iż-żgħażagħ igawdu u jiksbu benefiċċji kbar min-netwerking soċjali onlajn iżda spiss ma jkunux konxji biżżejjed tar-riskji bħal ma hu l-grooming (il-manipulazzjoni psikoloġika tat-tfal u ż-żgħażagħ). Jeħtieġ li s-siti ta' netwerking soċjali jieħdu bis-serjetà r-responsabbiltajiet tagħhom lejn dawn iż-żgħażagħ . Beħsiebni nindirizza dawn il-kwistjonijiet aktar tard din is-sena fi strateġija komprensiva biex l-Internet isir post aktar sikur għat-tfal bis-saħħa ta' miżuri protettivi u li jagħtu s-setgħa."

Ir-rapport jeżamina speċifikament l-implimentazzjoni tal-“Prinċipji għal Netwerking Soċjali iktar Sikur għall-UE" bis-saħħa tal-pjattaformi tal-blogging (Skyrock) u tal-logħob elettroniku (Xbox Live), il-pjattaformi għall-qsim tar-ritratti u tal-filmati (YouTube, Dailymotion, Flickr), id-dinjiet virtwali (Habbo Hotel, Stardoll), il-pjattaformi li għandhom xi funzjonalitajiet tan-netwerking soċjali (Windows Live) u l-pjattaformi li jippermettu l-ħolqien ta’ profili personali bil-possibbiltà li jittellgħu bloggati, ritratti u aġġornamenti (Yahoo! Pulse). It-testijiet saru bejn Marzu u Ġunju 2011.

L-aħħar rapport jikkomplementa dak ippubblikat f’Ġunju 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji minn erbatax-il sit ta' netwerking soċjali ddedikati (ara IP/11/762).

Il-Kummissjoni qed tirrevedi l-protezzjoni tal-minorenni onlajn minn riskji bħall-grooming u s-cyber-bullying bħala parti mill-għan stabbilit fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) sabiex il-fiduċja fl-Internet tissaħħaħ. Ir-riżultati taż-żewġ servejs dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji għal Netwerking Soċjali iktar Sikur ser jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni f’inizjattiva komprensiva mistennija aktar tard din is-sena biex tagħti s-setgħa u tipproteġi lit-tfal meta huma jużaw teknoloġiji ġodda.

Sfond

"Prinċipji għal Netwerking Soċjali iktar Sikur għall-UE" jikkostitwixxu ftehim awtoregolatorju miksuba fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni fl-2009 sabiex it-tfal ikunu protetti onlajn (ara IP/09/232).

Sal-lum wieħed u għoxrin kumpanija ffirmaw il-Prinċipji: Arto, Bebo, Dailymotion, Facebook, Giovani, Google, Hyves, Microsoft Europe, MySpace, Nasza-klasa, Netlog, One, Rate, Skyrock, VZnet Netzwerke, Stardoll, Sulake, Tuenti, Yahoo! Europe u Zap. F’Novembru 2010 ffirmathom ukoll il-kumpanija Wer-kennt-wen, iżda din ma ġietx ttestjata fil-valutazzjoni attwali.

Ir-rapport aħħari juri li:

  • Habbo Hotel u Xbox Live biss għandhom settings ipprogrammati minn qabel li jagħmlu l-informazzjoni personali u identifikabbli tal-minorenni awtomatikament viżibbli biss għall-kuntatti fil-lista approvata tagħhom, irrispettivament minn kemm informazzjoni dwarhom infushom titqiegħed fil-profili tagħhom.

  • Fis-seba' siti l-oħra ttestjati r-riżultati wrew li ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni personali - inkluż tagħrif miżjud mill-utenti wara r-reġistrazzjoni – kien jidher awtomatikament lill-utenti lil hinn mill-kuntatti approvati fil-lista tal-minorenni. Din l-informazzjoni mhux neċessarjament twassal għall-identifikazzjoni immedjata tal-minorenni, iżda huwa possibbli li dan isir.

  • F’sitta mis-servizzi, il-profili tal-minorenni jistgħu jkunu direttament aċċessibbli minn ħbieb tal-ħbieb. L-utenti mhux irreġistrati jistgħu jiksbu aċċess għall-profili tal-minorenni permezz tal-blogg tagħhom, jew ta' filmat jew stampa li l-minorenni kien tella' onlajn. Ladarba jinstabu l-blogg, il-filmati individwali, ir-ritratti, il- kanali tal-filmat jew is-sensiela ta' ritratti tal-minorenni (eż. permezz ta’ magna tat-tiftix esterna jew permezz ta' ħolqa mibgħuta bil-posta elettronika, eċċ.), jingħata aċċess għall-profil tagħha.

  • Tmienja mid-disa' siti ttestjati jipprovdu informazzjoni dwar is-sikurezza u gwida u/jew materjali edukattivi speċifikament immirati għall-minorenni (kollha ħlief Windows Live); F’Windows Live l-informazzjoni pprovduta kienet immirata pjuttost lill-ġenituri jew min jieħu ħsieb it-tfal, għalkemm tista' wkoll tinftiehem faċilment miż-żgħażagħ.

  • Dailymotion, Flickr, Habbo Hotel, Yahoo! Pulse, Skyrock, Stardoll u YouTube jipprovdu l-informazzjoni dwar is-sikurezza għat-tfal u l-ġenituri li hija faċli biex issibha u li tinftiehem.

  • Awtomatikament, f'waħda biss mid-disa' servizzi ttestjati setgħu jinstabu l-profili ta' minorenni bit-tiftix tal-isem jew permezz ta’ magni tat-tiftix interni jew esterni (eż. Google, Bing jew Yahoo).

Fuq bosta minn dawn is-siti l-profili tal-utenti mhumiex il-punt prinċipali tad-dħul jew ta' interess għall-utenti. Dan jgħodd speċjalment għall-pjattaformi tal-qsim tar-ritratti u tal-filmati fejn l-utenti tipikament iżuru kanal tas-sensiela ta' ritratti jew tal-filmati, iżda mhux neċessarjament il-profil tal-utent.

Il-Prinċipji ta’ Netwerking Soċjali iktar Sikur għall-UE u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/social_networking/eu_action/implementation_princip_2011/index_en.htm

Il-Programm għal Internet iktar Sikur:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/digital-agenda

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu

Contacts :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website