Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Autres langues disponibles: FR EN DE

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-moviment liberu tal-ħaddiema: Il-Kummissjoni titlob lil Malta biex tieqaf tiddiskrimina kontra l-ħaddiema li kisbu esperjenza professjonali fi Stat Membru ieħor

Brussell, id-29 ta' Settembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Malta biex tibda tqis perjodi preċedenti ta' impjieg komparabbli miksuba minn għalliema fi Stat Membru ieħor hi u tiddetermina l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom (eż. is-salarju, il-grad; l-avvanz fil-karriera tagħhom) għall-għalliema fl-iskejjel tal-gvern li jaħdmu f'Malta. Dan jaffettwa wkoll lill-għalliema Maltin li ħadmu fi skola pubblika fi Stat Membru ieħor, billi l-esperjenza tagħhom miksuba barra mill-pajjiż mhix titqies meta jirritornaw Malta.

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea hija tal-fehma li perjodi ta' xogħol komparabbli miksuba fi Stati Membri oħra għandhom jitqiesu bl-istess mod bħall-perjodi ta' impjieg miksuba fis-sistema Maltija.

It-talba qed issir fil-forma ta' "opinjoni motivata" skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Malta issa għandha xahrejn żmien biex tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadet biex il-leġiżlazzjoni tagħha tkun konformi mal-liġi tal-UE. Jekk dan ma jseħħx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Sfond

Bl-eċċezzjoni li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirriservaw ċerti postijiet fis-servizz pubbliku għaċ-ċittadini tagħhom (dawk l-impjiegi li jinvolvu l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u r-responsabbiltà għas-salvagwardja tal-interess ġenerali tal-Istat, eż. il-pulizija, l-imħallfin), il-liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema tapplika bis-sħiħ għall-ħaddiema fis-settur pubbliku. Peress li l-għalliema ma jaqgħux f'din l-eċċezzjoni, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-għalliema li huma ċittadini f'dak li jirrigwarda l-aċċess tagħhom għall-postijiet u t-tfassil tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Għal aktar tagħrif

Il-moviment ħieles tal-ħaddiema

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=26&langId=mt

L-impjieg fis-settur pubbliku

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=465&langId=mt

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Il-moviment liberu tal-ħaddiema fis-settur pubbliku"

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=457&newsId=956&furtherNews=yes

Ara wkoll MEMO/11/646

Kuntatti:

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site