Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/109

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2011

Il-Kummissjoni tniedi pjan ta' azzjoni biex tnaqqas il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien.

Aktar minn sitt miljun żagħżugħ fl-UE jitilqu mill-iskola u t-taħriġ bi kwalifiki baxxi fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja biss. Dawn isibu diffikultajiet kbar biex isibu xogħol, u ta' spiss ikunu qiegħda u jiddependu mill-benefiċċji soċjali. It-tluq mill-iskola qabel il-waqt huwa ta' xkiel għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u huwa ostaklu serju għall-mira tal-Unjoni Ewropea ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Kummissjoni llum approvat pjan ta' azzjoni li se jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta' tnaqqis fir-rata medja tal-UE ta' żgħażagħ li jitilqu qabel il-waqt għal taħt 10%, mil-livell attwali ta' 14.4%, sa tmien id-deċennju.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: "Ma jistax ikun li l-Ewropa tippermetti li tant żgħażagħ li għandhom il-potenzjal li jagħtu sehem lis-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jibqgħu lura. Jeħtieġ li l-potenzjal taż-żagħżagħ kollha fl-Ewropa jissarraf f'realtà, u dan biex nirkupraw mill-kriżi."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, żiedet tgħid; "It-tnaqqis fil-proporzjon taż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt madwar l-Ewropa b'punt perċentwali wieħed biss iwassal għal żieda ta' madwar nofs miljun żagħżugħ ikkwalifikat ieħor, kull sena. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE mxew 'il quddiem fit-tnaqqis tal-għadd ta' żgħażagħ li jabbandunaw l-istudji tagħhom bi kwalifiki baxxi, iżda dan mhux biżżejjed."

L-inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni tanalizza l-qagħda madwar l-Ewropa għal dak li huwa tluq mill-iskola qabel il-waqt, il-kawżi prinċipali ta' dan, ir-riskji għall-iżvilupp ekonomiku u tas-soċjetà fil-ġejjieni, u tipproponi modi kif il-problema tista' tiġi indirizzata b'mod effettiv.

Il-proposta mehmuża għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fiha linji gwida biex jgħinu lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji politiċi komprensivi u msejsa fuq evidenza biex jitnaqqas it-tluq mill-iskola qabel il-waqt.

Il-qagħda madwar l-Ewropa

Il-medja attwali tal-UE ta' żgħażagħ li jitilqu qabel il-waqt ta' 14.4% taħbi d-differenzi kbar li hemm minn pajjiż għal ieħor:

  • Tmien Stati Membri diġà laħqu l-valur referenzjarju ta' 10%: L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja.

  • Tliet Stati Membri għandhom rati ogħla minn 30%: Malta, il-Portugall u Spanja.

  • Kważi l-pajjiżi kollha naqqsu r-rati tagħhom ta' żgħażagħ li jitilqu qabel il-waqt mill-2000.

  • Xi pajjiżi b'rati għoljin ukoll irnexxielhom jiksbu tnaqqis sinifikanti: Ir-Rumanija, Malta, l-Italja, Ċipru u l-Portugall.

  • Inkiseb progress konsiderevoli minn pajjiżi li diġà kellhom rati baxxi ta' tluq qabel il-waqt fil-bidu tad-deċennju, bħal-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja.

Minkejja li hemm xi karatteristiċi komuni, l-Istati Membri jinsabu f'sitwazzjonijiet differenti wkoll fir-rigward ta' dawk il-gruppi l-aktar milquta, l-ogħla livell ta' edukazzjoni milħuq minn dawk li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt u l-livell ta' impjieg li għandhom (għal aktar dettalji ara MEMO/11/52).

Kif tindirizza l-problema tal-waqfin mill-iskola qabel iż-żmien

It-tluq mill-iskola qabel il-waqt hija problema kumplessa u s-soluzzjoni ma tinstabx fil-politika edukattiva biss. L-istrateġiji effiċjenti biex jonqos it-tluq qabel il-waqt iridu jindirizzaw il-politika tal-edukazzjoni, dik soċjali u taż-żgħażagħ. Jeħtieġ li jitfasslu fuq il-kondizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Għandhom jinkludu miżuri ta' prevenzjoni, intervent u ta' kumpens.

  • Il-prevenzjoni tat-tluq mill-iskola qabel il-waqt jeħtieġ li tibda kemm jista' jkun malajr billi t-tfal isibu għajnuna fit-tagħlim u billi jiġu evitati kondizzjonijiet li jistgħu jwasslu f'qasir żmien għal tluq qabel il-waqt, bħal pereżempju ġġiegħel lil student jirrepeti sena u tonqos milli tgħin kif xieraq tfal li għandhom aktar minn lingwa waħda bħala lsien pajjiżhom.

  • Il-miżuri ta' intervent jeħtieġ li jindirizzaw malajr u b'mod effettiv diffikultajiet emerġenti bħal skartar mill-iskola u livelli baxxi ta' rendiment.

  • Il-miżuri ta' kumpens jeħtieġ li joffru opportunitajiet ta' tagħlim 'tat-tieni ċans' inklużi klassijiet addizzjonali fl-iskola u possibilitajiet biex għal darb'oħra adulti ta' età żgħira jistudjaw u jitħarrġu.

Kooperazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE, skambju ta' prassi tajba u użu aktar immirat tal-fondi tal-UE jistgħu jgħinu biex tinstab soluzzjoni.

Il-passi li jmiss

Il-proposti tal-Kummissjoni se jiġu diskussi mill-Ministri tal-Edukazzjoni matul il-laqgħa tagħhom tal-Kunsill bejn it-2 u l-4 ta' Mejju fi Brussell. L-Istati Membri se jiġu mistiedna jadottaw strateġiji komprensivi msejsa fuq dan il-qafas sa tmiem l-2012 u jimplimentawhom permezz tal-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, se tikkonċentra fuq il-fondi permezz tal-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja u l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka biex toħloq modi innovattivi biex tinstab soluzzjoni għall-problema, u permezz tal-Fond Soċjali Ewropew biex tiffinanzja miżuri nazzjonali u reġjonali biex jonqos it-tluq qabel il-waqt.

Biex tkun taf aktar:

MEMO/11/52, inkluża statistika skont il-pajjiż

Il-Kummissjoni Ewropea: Komunikazzjoni [COM(2011)18] "L-indirizzar tat-tluq mill-iskola qabel il-waqt. Kontribut ewlieni għall-Aġenda Ewropa 2020", il-31 ta' Jannar 2011

http://ec.europa.eu/education/school-education/doc/earlycom_en.pdf

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar strateġiji politiċi biex jitnaqqas it-tluq mill-iskola qabel il-waqt COM(2011)19], il-31 ta' Jannar 2011

http://ec.europa.eu/education/school-education/doc/earlyrec_en.pdf

Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni "It-tnaqqis tat-tluq mill-iskola qabel il-waqt" [SEC(2011)96], il-31 ta' Jannar 2011

http://ec.europa.eu/education/school-education/doc/earlywp_en.pdf

Il-Kummissjoni Ewropea: It-Tluq mill-iskola qabel il-waqt

Tabella 1: Perċentwali tal-popolazzjoni ta' età bejn 18-24 li ma għandhomx aktar minn livell ta' edukazzjoni sekondarja baxx u li mhumiex l-iskola jew jitħarrġu (2009) u l-evoluzzjoni mill-2000 sal-2009 (% ta' tibdil relattiv)1

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

1 :

Eurostat (Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol); MK= ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

Studenti li jgħixu barra għal aktar minn sena jew suldati bil-lieva fuq servizz militari obbligatorju mhumiex koperti mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE, u dan jista' jfisser li r-rati huma ogħla minn dawk disponibbli fil-livell nazzjonali. Dan huwa minnu b'mod speċjali fil-każ ta' Ċipru.

Id-dejta għas-Slovenja u l-Kroazja mhiex affidabbli minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun;

Il-Bulgarija, il-Polonja u s-Slovenja: l-evoluzzjoni tirreferi għall-perjodu 2001-2009;

Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Latvja, is-Slovakkja u l-Kroazja: l-evoluzzjoni tirreferi għall-perjodu 2002-2009.

Fil-Finlandja, il-livell ta' rendiment edukattiv jitkejjel fil-bidu tas-sena (dejta tar-reġistru). Dan ifisser stima għolja wisq tal-indikatur fil-pajjiż.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website