Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji: Kontribut ġust mis-settur finanzjarju

Brussell, it-28 ta' Settembru 2011 – Illum, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. It-taxxa tkun imposta fuq it-tranżazzjonijiet kollha fuq strumenti finanzjarji bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji meta, tal-inqas, parti waħda fit-tranżazzjoni tinsab fl-UE. L-iskambju tal-ishma u bonds ikun intaxxat b'rata ta' 0,1 % filwaqt li kuntratti tad-derivati, ikunu ntaxxati b'rata ta' 0,01 %. Dan jista' jtella' ammont ta' madwar EUR 57 biljun fis-sena. Il-Kummissjoni pproponiet li t-taxxa għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi taxxa ġdida fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għal 2 raġunijiet.

  • L-ewwel nett, biex tiżgura li s-settur finanzjarju jagħti kontribut ġust f'mument ta' konsolidament fiskali fl-Istati Membri. Is-settur finanzjarju kellu rwol fl-oriġini tal-kriżi ekonomika. Fil-biċċa l-kbira, il-Gvernijiet u ċ-ċittadini Ewropej ġarrbu l-ispiża ta' salvataġġi enormi ffinanzjati mill-kontribwenti sabiex jiġi appoġġat is-settur finanzjarju. Minbarra dan, is-settur attwalment mhuwiex intaxxat biżżejjed meta mqabbel ma' setturi oħra. Il-proposta tkun qed tiġġenera dħul addizzjonali sinfikanti minn taxxi imposti fuq is-settur finanzjarju sabiex dawn jikkontribwixxu għall-finanzi pubbliċi.

  • It-tieni nett, qafas ikkoordinat fuq livell tal-UE jkun jista' jgħin sabiex jissaħħaħ is-suq uniku tal-UE. Illum, l-10 Stati Membri diġà għandhom fis-seħħ għamla ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Il-proposta tkun qed tintroduċi rati minimi ġodda tat-taxxa u tarmonizza taxxi differenti eżistenti fuq tranżazzjonijiet finanzjarji fl-UE. Din se tgħin fit-tnaqqis tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq uniku, tiskoraġġixxi attivitajiet riskjużi ta' negozjar u tikkomplimenta miżuri regolatorji li l-għan tagħhom huwa li jevitaw kriżijiet futuri Taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji fuq livell tal-UE tkun qed issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE favur regoli komuni għall-introduzzjoni ta' tali taxxa fuq livell globali, partikolarment permezz tal-G20.

Id-dħul mit-taxxa jinqasam bejn l-UE u l-Istati Membri. Parti mit-taxxa tkun qed tintuża bħala riżorsa proprja tal-UE li tkun tista', parzjalment, tnaqqas il-kontribuzzjonijiet nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-parti tad-dħul billi jintaxxaw tranżazzjonijiet finanzjarji b'rata ogħla.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Permezz ta' din il-proposta l-Unjoni Ewropea tkun fuq quddiem fl-implimentazzjoni globali ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Il-proġett tagħna huwa wieħed sod u fattibbli. M'għandi l-ebda dubju li din it-taxxa tista' twassal għar-riżultat mistenni miċ-ċittadini tal-UE; kontribut ġust mis-settur finanzjarju. Ninsab fiduċjuż li l-imsieħba tagħna fil-G20 se jirrikonoxxu l-interess tagħhom li jsegwu dan il-perkors."

Sfond

Bħala riżultat tal-kriżi, id-dejn pubbliku fis-27 Stat Membru tela' minn inqas minn 60 % tal-PDG fl-2007 għal 80 % fis-snin li ġejjin. Is-settur finanzjarju rċieva appoġġ finanzjarju sostanzjali mill-gvernijiet. L-Istati Membru tal-UE ħadu impenn ta' EUR 4,6 triljun sabiex isalvaw is-settur finanzjarju matul din il-kriżi. Minbarra dan, matul dawn l-aħħar snin, is-settur finanzjarju bbenefika wkoll minn taxxi baxxi. Is-settur finanzjarju jibbenefika minn vantaġġ fiskali ta' madwar EUR 18-il biljun fis-sena minħabba l-eżenzjoni tal-VAT fuq servizzi finanzjarji. Taxxa ġdida fuq is-settur finanzjarju tkun qed tiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji jikkontribwixxu lejn l-ispiża tal-irkupru ekonomiku u jiskoraġġixxu negozjar riskjuż u mhux produttiv.

It-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji timmira għal taxxa ta' 85 % tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jsiru bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji. Iċ-ċittadini u n-negozji ma jkunux intaxxati. Self fuq djar, self minn banek, kuntratti ta' assigurazzjoni u attivitajiet finanzjarji normali oħra mwettqa minn individwi jew negozji żgħar mhumiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta.

Il-Kummissjoni issa ilha bosta xhur li bdiet tesplora l-idea li tintaxxa s-settur finanzjarju fuq livell tal-UE. Fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħabbret, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali, li kienet se tipproponi l-istabbiliment ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bħala riżorsa proprja għall-baġit tal-UE (IP/11/799, MEMO/11/468).

Id-deċiżjoni ssegwi analiżi tal-istrumenti fiskali differenti li permezz tagħhom is-settur finanzjarju jikkontribwixxi lejn l-irkupru tal-ekonomija tal-UE.

Fl-istess waqt, mill-2009 'il quddiem, il-Kummissjoni esplorat modi ta' kif tiġi introdotta taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji fuq livell globali flimkien mal-imsieħba internazzjonali tagħha fil-G20 (Pittsburgh, Toronto).

Il-passi li jmiss

Il-proposta se tiġi diskussa mill-Istati Membri kollha waqt il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Kummissjoni se tippreżentaha waqt il-Laqgħa tal-G20 f'Novembru.

Ara wkoll MEMO/11/640

Għat-test sħiħ tal-proposta u għall-istudju li janalizza l-istrumenti fiskali differenti, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/other_taxes/financial_sector/index_en.htm

Il-paġna tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt :

David Boublil (+32 2 296 55 73)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site