Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

It-tibdil fil-klima: il-Kummissjoni tvara konsultazzjoni dwar it-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet industrijali

Brussell, is-26 ta' Settembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum varat konsultazzjoni pubblika dwar it-tisħiħ tal-miżuri tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet fluworinati, grupp ta' gassijiet industrijali li jikkontribwixxi b'mod verament qawwi għat-tisħin globali.

Analiżi tal-Kummissjoni1, li ġiet ukoll adottata llum, tikkonkludi li r-Regolament eżistenti tal-UE dwar gassijiet fluworinati ('gassijiet F') qed ikollu impatt sinifikanti, iżda li, mingħajr miżuri ulterjuri, l-emissjonijiet tal-gassijiet F huma mistennija li jibqgħu fil-livelli attwali fuq medda twila ta' żmien.

L-analiżi tidentifika kamp wiesa' ta' applikazzjoni għal tnaqqis kosteffikaċi ulterjuri tal-emissjonijiet, l-aktar minħabba l-possibbiltà dejjem tiżdied li l-gassijiet F jinbidlu f'bosta setturi b'alternattivi li m'għandhom ebda kontribut, jew kontribut inqas għat-tibdil fil-klima. L-analiżi turi li sal-2030 l-UE tista' potenzjalment telimina sa żewġ terzi tal-emissjonijiet attwali tal-gassijiet fluworinati.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika qalet: "Ir-Regolament tal-UE dwar gassijiet fluworinati waqqaf b'suċċess ix-xejra ta' żieda fl-emissjonijiet u ta spinta lill-innovazzjoni teknoloġika. Madankollu, it-tranżizzjoni sal-2050 għal ekonomija kompetittiva tal-UE b'livell baxx ta' karbonju teħtieġ azzjoni ambizzjuża sabiex l-emissjonijiet jitnaqqsu fis-setturi kollha. Huwa ċar li hemm kamp ta' applikazzjoni konsiderevoli għal tnaqqis kosteffikaċi tal-emissjonijiet tal-gassijiet F u wara l-konsultazzjoni pubblika beħsiebni nipproponi miżuri leġiżlattivi ġodda s-sena d-dieħla."

Il-konsultazzjoni ser tibqa' għaddejja sad-19 ta' Diċembru 2011 u hija indirizzata lil partijiet interessati kollha.

L-għażliet potenzjali ta' politika li qed jiġu kkonsultati jinkludu ftehimiet volontarji ġodda, projbizzjonijiet ta' prodotti u apparat ġdid u l-introduzzjoni ta' skema biex jitnaqqas għal kollox, gradwalment, it-tqegħid tal-HFCs fis-suq tal-UE.

L-analiżi tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-2006 dwar il-gassijiet F turi li din il-miżura u d-Direttiva parallela li jindirizzaw l-użu ta' gassijiet fluworinati f'apparat mobbli għall-arja kkundizzjonata diġà qed jikkontribwixxu għall-kisba ta' miri tal-UE u dawk tal-Istati Membri fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta' Kjoto. Il-politika hija mistennija li tnaqqas kważi nofs l-emissjonijiet imbassrin tal-gassijiet F sal-2050 jekk jitranġaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward.

Madankollu, minkejja dawn l-impatti sinifikanti fuq il-leġiżlazzjoni attwali, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet F mhumiex mistennija jonqsu fuq medda twila taż-żmien meta mqabbla mal-livell attwali. Dan huwa minħabba l-fatt li qegħdin jintużaw f'għadd dejjem jikber ta' apparat, bħal dak għall-arja kkundizzjonata u għat-tkessiħ. Dawn huma, madankollu, fost is-setturi fejn l-użu ta' alternattivi qed isir dejjem iżjed possibbli.

Bħalissa l-gassijiet F jikkontribwixxu għal madwar 2 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE. Jekk l-emissjonijiet tal-gassijiet F jibqgħu stabbli fil-livelli attwali, mingħajr miżuri ulterjuri, is-sehem tagħhom jista' jikber sostanzjalment fil-ġejjieni.

Sfond

Il-gassijiet serra koperti mill-Protokoll ta' Kjoto jinkludu tliet 'familji' ta' gassijiet fluworinati. l-idrofluworokarboni (hydrofluorocarbons – HFCs), il-perfluworokarboni (perfluorocarbons – PFCs) u l-eżafluworidu tal-kubrit (sulphur hexafluoride – SF6). Għal kull tunnellata, il-kontribut ta' gassijiet F individwali għat-tisħin globali huwa bejn 140 u 23,900-il darba ogħla2 minn dak tad-diossidu tal-karbonju(CO2), il-gass serra l-iżjed komuni.

Il-gassijiet F intużaw dejjem iżjed għal firxa ta' applikazzjonijiet industrijali, inkluż l-arja kkundizzjonata (HFCs), u l-apparat għat-tkessiħ u għat-tifi tan-nar (HFCs u PFCs), il-produzzjoni ta' elettronika, farmaċewtika u kożmetika (PFCs), u l-produzzjoni ta' manjeżju u aluminju u swiċċijiet b'vultaġġ għoli (SF6).

Fl-2006 ġew adottati żewġ atti leġiżlattivi separati bil-għan li din ix-xejra tinbidel għal kollox sabiex jgħinu lill-UE u l-Istati Membri jilħqu l-miri tal-emissjonijiet tal-Protokoll ta' Kjoto.

  • Id-Direttiva 2006/KE/40 ("Direttiva MAC") timmira l-apparat mobbli għall-arja kkundizzjonata u mill-2011 tipprojbixxi l-użu tal-gassijiet F b'potenzjal għoli ta' tisħin globali.

  • Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 ("Regolament dwar gassijiet F") ikopri ċerta gassijiet F fl-applikazzjonijiet l-oħrajn kollha, u jiffoka fuq applikazzjonijiet ewlenin stazzjonarji bħat-tkessiħ u l-kundizzjonament tal-arja. Għandu l-għan li ma jippermettix li jseħħu tnixxijiet minn apparat li jkun fih dawn il-gassijiet. Bil-kontra tad-Direttiva MAC, ir-Regolament jinkludi biss ftit restrizzjonijiet fuq l-użu tal-gassijiet F.

Aktar tagħrif

Għal aktar tagħrif u biex tipparteċipa fil-konsultazzjoni, ara s-sit li ġej:

http://ec.europa.eu/clima/policies/f-gas/index_en.htm

Kuntatt :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

1 :

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, l-effetti u l-adegwatezza tar-Regolament dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (ir-Regolament (KE) Nru 842/2006), COM (2011) 581

2 :

Imkejjel fuq 100 sena


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website