Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi r-regoli għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta' emissjonijiet bla ħlas lil-linji tal-ajru

Brussell, is-26 ta' Settembru 2011 - Illum il-Kummissjoni Ewropea għamlet pass importanti biex l-industrija tal-avjazzjoni tingħaqad ma' setturi ekonomiċi oħrajn fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Mill-2012, l-avjazzjoni se ssir parti mis-sistema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS).. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-valuri referenzjarji li se jintużaw biex jiġu allokati l-kwoti ta' emissjoni ta' gassijiet serra bla ħlas lil iktar minn 900 operatur tal-inġenji tal-ajru.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima, Connie Hedegaard, qalet: "Bil-valuri referenzjarji, il-linji tal-ajru issa għandhom iċ-ċertezza ta' kemm se jirċievu kwoti bla ħlas għal kull sena sal-2020. Bil-prezzijiet attwali tas-suq, dawn il-kwoti bla ħlas jirrappreżentaw iktar minn EUR 20 biljun f'għaxar snin. B'dan id-dħul potenzjali, il-linji tal-ajru jistgħu jinvestu fl-immodernizzar tal-flotot tagħhom, itejbu l-effiċjenza tal-fjuwil u jużaw fjuwil tal-avjazzjoni mhux fossili. Daqskemm l-UE tippreferi azzjoni globali, aħna ma nistgħux niddefendu li s-settur tal-avjazzjoni jiġi eżentat milli jikkontribwixxi għax ma jistax isir qbil fuq livell internazzjonali. Din hija r-raġuni għala l-UE ddeċidiet li fl-2008 tieħu dan il-pass filwaqt li aħna nkomplu niġġieldu għar-regolazzjoni globali tal-avjazzjoni bħal fin-negozjati li jmiss tan-NU dwar il-klima li se jsiru f’Durban"

Il-pubblikazzjoni tal-valuri referenzjarji tippermetti lil-linji tal-ajru jikkalkulaw l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tagħhom sal-2020. Ġiet ikkalkulata referenza waħda għall-perjodu ta' negozjar fl-2012 u oħra għall-perjodu ta’ negozjar li jibda f’Jannar 2013. Mill-2013 sal-2020, linja tal-ajru se tirċievi 0.6422 kwoti għal kull kull 1,000 tunnellata-kilometru, filwaqt li fl-2012 se tirċievi 0.6797.

Fil-perjodu ta’ negozjar mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, 85 % tal-kwoti tal-avjazzjoni se jiġu allokati bla ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020, dan se jkun 82 %. 15 % tal-kwoti li jibqa' f'kull perjodu ser jitpoġġew għall-irkant u bejn l-2013 u l-2020, 3 % se jitwarrbu f'riżerva speċjali għall-parteċipanti l-ġodda u għal-linji tal-ajru li qed jikbru malajr.

Ir-referenza għal kull perjodu ġiet ikkalkulata billi l-ammont annwali totali ta' kwoti bla ħlas applikabbli għall-perjodi ta' negozjar tal-2012 u bejn l-2013 u l-2020 inqasam mat-total tad-dejta tunnellata-kilometru inkluża fl-applikazzjonijiet mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru sottomessi lill-Kummissjoni. Is-sottomissjonijiet mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru huma bbażati fuq dejta ta' attività vverifikata indipendentement mit-tunnellata-kilometru rreġistrata matul is-sena kalendarja 2010.

L-allokazzjoni formali tal-kwoti bla ħlas għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru se titwettaq mill-Istati Membri, li se jimmultiplikaw ir-referenza bid-dejta tunnellata-kilometru tal-2010 ta' kull operatur tal-inġenji tal-ajru. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiddeterminaw l-allokazzjonijiet individwali fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni referenzjarja.

Sfond

L-emissjonijiet tal-UE mill-avjazzjoni żdiedu b’rata mgħaġġla – kważi rduppjaw mill-1990. Huwa stmat li inġenju tal-ajru li jtir minn Brussell għal New York u lura jiġġenera madwar 800 kg ta’ CO2 għal kull passiġġier. L-avjazzjoni tirrappreżenta madwar 10 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti mill-EU ETS.

Matul l-2010, il-linji tal-ajru kienu qed jimmonitorjaw l-attività tagħhom f'termini ta' distanza vvjaġġata u l-ammont ta' passiġġieri u merkanzija ttrasportata (imkejla f’tunnellati-kilometri). Abbażi ta' din id-dejta tal-attività tal-2010 mmonitorjata u vverifikata, iktar minn 900 linja tal-ajru applikaw għall-allokazzjonijiet bla ħlas. Dan jinkludi l-linji tal-ajru kummerċjali kollha b'operazzjonijiet sinifikanti lejn u mill-Ewropa. Għall-ewwel darba, f’April 2013, se jkun meħtieġ li l-linji tal-ajru jagħtu kwoti fir-rigward tal-emissjonijiet mit-titjiriet li jaslu fl-UE u jitilqu minnha matul l-2012. Bħall-installazzjonijiet industrijali, il-linji tal-ajru se jirċievu l-maġġoranza tal-kwoti tal-avjazzjoni bla ħlas fuq bażi annwali.

L-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-EU ETS hija mistennija li jkollha impatt limitat fuq il-prezzijiet tal-biljetti. Abbażi tal-prezzijiet tal-karbonju kurrenti, l-ispejjeż attwali ta' kull biljett għal titjira transatlantika se jiżdiedu b'inqas minn EUR 2, bil-preżunzjoni li l-valur tal-kwoti bla ħlas ma jitpoġġewx fuq il-passiġġier. Jekk iseħħ dan, il-prezz immarkat jista' jiżdied b'madwar EUR 12.

In-numru tal-kwoti madwar iż-ŻEE li għandu jiġi mqassam bla ħlas ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2011 tal-20 ta' Lulju 2011 li temenda l-Anness XX (l-Ambjent) għall-Ftehim taż-ŻEE.

Għad-Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni llum, ara:

http://ec.europa.eu/clima/documentation/transport/aviation/allowances_en.htm

Għal iktar informazzjoni dwar l-avjazzjoni fis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, ara

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/aviation/index_en.htm

Għal iktar informazzjoni dwar is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, ara

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/index_en.htm

MEMO/11/631

Kuntatt:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website