Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Suq Uniku kif jarawh in-nies: ħarsa lejn l-opinjonijiet u l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini u n-negozji

European Commission - IP/11/1074   26/09/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Is-Suq Uniku kif jarawh in-nies: ħarsa lejn l-opinjonijiet u l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini u n-negozji

Brussell, is-26 ta’ Settembru 2011 - Iċ-ċittadini Ewropej huma ġeneralment sodisfatti bil-possibbiltajiet li joffri s-Suq Uniku f’termini ta’ għażla ikbar ta’ prodotti (74%), iktar impjiegi (52%) u kompetizzjoni ġusta (47%). Min-naħa l-oħra, is-Suq Uniku huwa pperċepit bħala li jgawdu minnu biss il-kumpaniji l-kbar (62%), li qed jgħarraq il-kundizzjonijiet tax-xogħol (51%) u li mhux qed igawdu minnu l-persuni fqar u żvantaġġati (53%). 28% ta’ dawk intervistati qed jikkunsidraw jaħdmu barra mill-pajjiż fil-futur. Dawn huma wħud mir-riżultati ewlenin tal-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer fuq is-Suq Uniku. Juru wkoll li ħafna Ewropej mhumiex konxji tas-Suq Uniku u l-benefiċċji tiegħu (35%).

Uħud mill-elementi pprovduti mill-parteċipanti jinsabu f'dan il-vidjow:

Il-Kummissjoni Ewropea ġabret ukoll l-iktar 20 problema li spiss iħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE meta jivjaġġaw, jiċċaqilqu jew jaħdmu barra pajjiżhom. Ir-rapport, mitlub fl-Att dwar is-Suq Uniku (IP/11/469), jindirizza kwistjonijiet bħall-kwalifiki professjonali, is-sigurtà soċjali, l-ostakli tat-taxxa, l-aċċess għall-finanzjament u x-xiri onlajn, biex insemmu biss ftit.

It-tkabbir u l-fiduċja jistgħu jitjiebu jekk jitneħħew dawn l-ostakli u s-Suq Uniku jibda jaħdem aħjar. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tiffoka fuq l-eliminazzjoni ta' dawn il-problemi. Diġà għaddej ix-xogħol f’ħafna mill-oqsma problematiċi identifikati. Pereżempju, qabel ma tispiċċa s-sena 2011, il-Kummissjoni se tistabbilixxi proposti biex timmodernizza s-sistema ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (IP/11/767) u biex ittejjeb l-aċċess għall-opportunitajiet tal-akkwist pubbliku (IP/11/785). Wara l-proposti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea f’April 2011, l-ispejjeż għall-privattivi fl-Ewropa għandhom jitnaqqsu bi 80% fis-snin li ġejjin (IP/11/470). Għal aktar dettalji dwar l-azzjonijiet meħuda, ara MEMO/11/630.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ġibdulna l-attenzjoni għal kwistjonijiet importanti. Indikawlna fejn is-Suq Uniku mhux qiegħed jaħdem kif suppost. Fil-Forum tas-Suq Uniku x-xahar id-dieħel, se neżaminaw dawn l-ostakli fil-fond, bit-tama li naqblu dwar l-aħjar modi ta’ kif għandna nneħħuhom. Nistenna bil-ħerqa s-suġġerimenti prattiċi tal-parteċipanti biex is-Suq Uniku jibda jaħdem aħjar, u għal impenn konġunt minn kulħadd biex l-affarijiet jitwettqu.

Sfond

Eurobarometer

Ir-riżultati jipprovdu analiżi dettaljata dwar kemm is-Suq Uniku huwa mifhum madwar l-UE u wkoll fl-Istati Membri individwali. Din l-analiżi tivvaluta l-attitudnijiet soċjali għall-prinċipji bażiċi tas-Suq Uniku, bħad-dritt taċ-ċittadini li jaħdmu fi kwalunkwe Stat Membru, u tagħti wkoll stampa ta’ liema pajjiżi huma l-aktar u l-inqas pożittivi lejn l-idea ta' Suq Uniku tal-UE. L-istħarriġ ikejjel ukoll l-attitudnijiet lejn l-akkwist pubbliku li jista' jinvolvi kumpaniji barranin, lejn l-iffalsifikar u l-piraterija, u lejn id-drittijiet taċ-ċittadini.

20 preokkupazzjoni ewlenija

Ir-rapport jagħti ħarsa lejn l-ostakli reali li wieħed jiltaqa' magħhom fis-suq uniku. Huwa bbażat fuq analiżi ta’ ilmenti li ġew ittrattati mill-Kummissjoni u s-servizzi ta’ assistenza tagħha (SOLVIT, Your Europe Advice, Enterprise Europe Network, European Consumer Centres, Europe Direct Contact Centre, EURES-European Employment Service), flimkien ma' riżultati riċenti tal-Eurobarometer u ta' stħarriġijiet fost gruppi fil-mira1.

L-20 qasam ewlieni ta’ preokkupazzjoni ġew identifikati mingħajr ma ġiet stabbilita ordni ta’ importanza. Għal kull preokkupazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni identifikaw kawża bażika waħda possibbli jew aktar (jekk il-problema hiex waħda ta’ nuqqasijiet fl-informazzjoni, fl-implimentazzjoni jew fil-leġiżlazzjoni) skont l-esperjenzi prattiċi eżaminati. Fil-biċċa l-kbira, ir-rapport dwar l-20 preokkupazzjoni ewlenija jikkonferma li għad hemm distakk bejn l-aspettattivi u r-realtà fis-suq uniku u li dan id-distakk qed jirriżulta minn dawk in-nuqqasijiet interrelatati:

  • Nuqqas fl-informazzjoni: In-nies spiss ma jkunux jafu jew jifhmu biżżejjed id-drittijiet tagħhom u ma jafux fejn ifittxu għall-informazzjoni jew l-għajnuna;

  • Nuqqas fl-implimentazzjoni: F’diversi oqsma, wieħed jista' jara differenza bejn il-qafas legali tal-UE u l-mod kif jiġi implimentat u applikat fil-prattika;

  • Nuqqas leġiżlattiv: F’xi oqsma, il-qafas legali tal-UE nnifsu ma jaqbilx mal-aspettattivi taċ-ċittadini u n-negozji.

Ir-rapport dwar l-20 preokkupazzjoni ewlenija se jifforma l-bażi tad-diskussjoni fil-Forum tas-Suq Uniku (SIMFO – Single Market Forum) bejn it-2-4 t'Ottubru. Is-SIMFO qed jiġi organizzat flimkien mal-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew u se jiġbor flimkien iċ-ċittadini, il-partijiet interessati u dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha tal-gvern sabiex jiddiskutu l-istat tas-suq uniku. Dan se jsir fil-qafas ta’ tminn sessjonijiet ta’ ħidma li se jiddibattu wħud mill-preokkupazzjonijiet identifikati bħar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, l-ippustjar tal-ħaddiema u d-drittijiet soċjali fundamentali, u t-titjib tal-funzjonament tal-leġiżlazzjoni tal-UE tal-akkwist pubbliku.

Is-servizzi tal-Kummissjoni biħsiebhom jirrepetu dan l-eżerċizzju fil-futur, sabiex jgħinu fil-valutazzjoni ta' fejn sar progress u fejn, min-naħa l-oħra, jistgħu jsiru iktar sforzi sabiex ikun żgurat li s-Suq Uniku jissodisfa l-aspettattivi. Dan għandu mbagħad jinforma d-dibattitu politiku dwar inizjattivi ġodda li għandhom jittieħdu.

Aktar informazzjoni:

20 preokkupazzjoni ewlenija

Riżultati tal-Eurobarometer

L-Att dwar is-Suq Uniku

http://ec.europa.eu/internal_market/top_layer/single_market_forum_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

1 :

http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/index_en.htm#20concerns


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website